Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1682
Title: Traduzzjoni mill-Franċiż għall-Malti tas-sottotitoli tal-film Le Havre tad-direttur Aki Kaurismäki : annotata u analizzata
Authors: Vella, Emanuela
Keywords: Motion pictures -- Titling
Motion pictures -- Translating and interpreting
Havre (Motion picture : 2011)
Issue Date: 2014
Abstract: Iddeċidejt li nibni x-xogħol tiegħi fuq it-traduzzjoni tas-sottotitoli għax xtaqt nesplora oqsma ġodda li jinkorporaw fihom it-traduzzjoni. Peress li matul il-kors tal-Maġisteru dejjem iffukajna fuq traduzzjoni minn kotba jew artikli, ħsibt biex it-teżi tiegħi nibbażaha fuq it-traduzzjoni ta’ film. Nista’ ngħid li b’ġebla waħda lqatt żewġ għasafar; dan għax il-lingwa sors tal-film li għażilt hija dik Franċiża, lingwa li hija tant għal qalbi, wara l-Malti ovvjament. U barra minn hekk, ser inkun qiegħda nattwa t-traduzzjoni f’forma ta’ kitba f’waħda viżiva permezz tal-użu tal-informatika. Il-ħajra li naħdem fuq sottotitoli bdiet waqt lezzjoni partikulari iddedikata għal dan il-qasam. Hawnhekk ġejna murija film2 li kien ġie maqlub għall-Malti minn studenta preċedenti flimkien mal-istess tutur tiegħi. L-aktar ħaġa li laqtitni kienet kemm dan ix-xogħol, għax viżiv, jista’ jiġbed udjenza ferm ikbar lejh minn traduzzjoni ta’ ktieb. Madankollu, ħadd ma jeskludi l-fatt li l-kwistjoni tas-sottotitoli għadha maqsuma fi tnejn; dawk favuriha u dawk kontriha. Dawn tal-aħħar iqisu s-sottotitoli bħala xkiel, għax iħossu li l-preżenza ta’ kliem fuq l-iskrin ittellef xi ftit mill-gost li wieħed jara l-film. Għal dan il-għan hemm xi fatturi, fosthom il-kwistjoni tal-pożizzjoni tas-sottotitoli fuq l-iskrin li tajjeb li jiġu mħarsa u li se jiġu diskussi iktar ’il quddiem f’din it-teżi. Hemm diversi raġunijiet wara l-għażla tiegħi, l-iktar waħda sempliċi tkun il-fatt li permezz ta’ din l-esperjenza personali nkun nista’ nħajjar studenti oħrajn bħali sabiex jimirħu aktar f’dan is-settur, biex forsi ’l quddiem ikollna xi tip ta’ kollezzjoni ta’ films barranin b’sottotitoli Maltin. Tajjeb li wieħed jibqa’ jżomm f’moħħu li x-xogħol tat-traduttur ma jiqafx biss għal dak tal-kotba. Fl-istess ħin nixtieq inqajjem kuxjenza dwar idea żbaljata li għandha s-soċjetà Maltija fuq il-kwistjoni tal-bilingwiżmu f’Malta. Huwa veru li l-maġġuranza tal-poplu Malti huwa bilingwi, biss ħadd ma jista’ jeskludi l-fatt li xi Maltin ma jifhmux l-Ingliż. Fil-fatt, hija sitwazzjoni ferm magħrufa fost l-istudenti tal-kors tat-Traduzzjoni fl-Università ta’ Malta u fost nies oħrajn li jinteressawhom il-lingwi, li t-traduzzjoni tas-sottotitoli fl-industrija tal-films f’Malta għadha ferm lura. Raġuni ewlenija jaf tkun il-fatt li ċ-ċittadin Malti, bħala persuna bilingwi u multilingwi jħossu moqdi jara films f’dawn il-lingwi, u jekk le, dejjem jista’ jirrikorri għall-verżjoni Ingliża ta’ film, kemm bħala doppjaġġ kif ukoll bħala sottotitoli, meta l-lingwa oriġinali li jkun inħareġ biha l-film ma jkunx jifhimha. Fi ftit kliem ma nħossux il-ħtieġa li sottotitoli Maltin jakkumpanjaw dawn il-films. Mill-banda l-oħra, jekk is-settur taċ-ċinema jinjora l-minoranza ta’ dawk li ma jifhmux bl-Ingliż, wisq aktar ma jagħtix kas tal-eżiġenzi ta’ dawk li sfortunatament ibatu minn kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ smigħ. Hekk kif muri f’artiklu tal-ġurnal lokali Times Of Malta, li deher fil-ħarġa ta’ Frar 20133, huwa minnu li xi tip ta’ ħidma qiegħda ssir favur dan il-għan. Id-Deaf People Association qiegħda ttella’ l-kampanja bl-isem ta’ Subtitles Now. Din il-kampanja tappella sabiex ikun hawn aktar aċċessibbiltà f’dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni ta’ sottotitoli fuq programmi tat-televixin u fis-swali taċ-ċinema. Dan l-aħħar qegħdin ninnotaw il-preżenza ta’ professjonisti jiddettaw permezz tal-lingwa tas-sinjali dak li jkun qiegħed jingħad mill-kelliema waqt xandir tal-aħbarijiet, ittri pastorali u l-baġitt, fost oħrajn. Din l-organizzazzjoni temmen li għadna lura ħdejn pajjiżi oħrajn, iżda fl-istess ħin tifhem li l-bidla se tkun waħda gradwali u mhux radikali u ma tippretendix li kull film għandu jkollu s-sottotitoli. Fost ħafna żvantaġġi, din id-domanda tirrikjedi wkoll ammont kbir ta’ sostenn finanzjarju sabiex ikun hemm il-mezzi u l-kundizzjonijiet adatti sabiex tradutturi Maltin ikunu jistgħu jwettqu din il-ħolma.
Description: M.A.TRANSL.
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1682
Appears in Collections:Dissertations - FacArtTTI - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14MATIS004.pdf
  Restricted Access
14MATIS0041.85 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.