Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1686
Title: L-annimali fil-poeżija romantika Maltija
Authors: Parsons, Anna Maria
Keywords: Animals in poetry
Maltese poetry -- 19th century -- History and criticism
Issue Date: 2014
Abstract: Esopu (600 Q.K.), ħarrief Grieg kien jirrakkonta ġrajjiet b'annimali jitkellmu, iħossu u jġibu ruħhom bħall-bnedmin. Taħt il-qoxra ta' kull ħrafa hemm il-kritika lejn is-soċjetà u l-politika ta' żmienu. L-għan ewlieni tiegħu kien li jgħallem b'mod sempliċi u pjaċevoli. George Zammit fid-daħla ta' ''Ħrejjef Esopu'' ta' Brother Henry jiddeskrivi l-mod ta' kif dawn il-ħrejjef infirxu fl-Ewropa. Jgħid li l-ewwel ġabra ta' kotba ta' dawn il-ħrejjef saret minn Demetriu madwar tliet mitt sena qabel Kristu. Aktar tard il-kittieba Griegi u r- Rumani tawhom is-sura ta' poeżiji u proża. L-aktar ġabra importanti b'versjoni poetika hija dik ta' Fedru li għadha tiġi studjata sal-lum. Din il-letteratura tmur lura fi żmien l- Imperatur Augustus ta' Ruma. Zammit jisħaq li Marie de France madwar l-1263 kitbet il-ħrejjef ta' Esopu bil-Franċiż. Din il-letteratura tant ingħoġbot li ħalliet influwenza fuq il-kittieba fl-Ingilterra, fl-Italja, fil-Ġermanja u f'pajjiżi oħra fl-Ewropa. Madankollu l-aktar kittieb magħruf għall-ħrejjef versifikati ta' Esopu huwa Jean de la Fontaine (1621-1695) li skont Zammit ''wera ruħu veru poeta''. Għaldaqstant ħarriefa bħal John Gay mill-Ingilterra, Ivan Andreevich Krylov mir-Russja, Stojan Mihajlovski mill-Bulgarija, Gellert mill-Ġermanja u Samaniego minn Spanja mxew fuq il-passi ta' Jean de Fontaine (Bro. Henry, F.S.C). Mill-istudji ta' Oliver Friggieri f' ''L-Istorja tal-Letteratura Maltija'' jidher li fl-Italja lejn laħħar tas-Seklu Tmintax il-ġeneru tal-ħrafa taħt l-influwenza ta' La Fontaine, ta' Florian u oħrajn beda jikber u jirnexxi. Ngħidu aħna, Giambattista Casti kiteb il-poema ''Gli animali parlanti'' bħala satira lejn is-soċjetà u l-politika ta' żmienu. Luigi Fiacchi ppubblika bosta ħrejjef bil-għan li jeduka lit-tfal bi stil u lingwa sempliċi. Gaetano Perego b'għan morali wkoll fl-1804 jikteb ''Favole sopra i doveri sociali ad uso della scuole''. Friggieri jinsisti li favolisti Taljani ''tennew f'versi, b'adattamenti u b'modifikazzjonijiet, in-narrazzjonijiet ta' Esopu u ta' Fedru u żammu kemm kemm moħbi fil ta' twiddiba etika''. Isostni li l-ħrejjef Sqallin l-aktar ta' Meli huma marbuta mat-tema tal-moralità (Friggieri 153). Poeti Taljani oħrajn kitbu xogħlijiet satiriċi bil-għan li jiġġieldu jew jibdlu s-sitwazzjonijiet ħżiena ta' żmienhom (154). Ġan Anton Vassallo (1817-1868), awtur li trabba f'tradizzjoni kulturali Taljana li kienet dominanti f'Malta ta' żmienu. Għaldaqstant għall-bidu l-letteratura Maltija kienet bit- Taljan iżda aktar 'il quddiem saret ukoll bil-Malti. Ngħidu aħna Vassallo għall-bidu jikteb bit-Taljan iżda aktar 'il quddiem jikteb bl-ilsien Malti li kien imwarrab min-nies kolti. Ta' min jinnota li Vassallo għex fi żmien ir-refuġjati Taljani u taħt it-tmexxija Kolonjali Ingliża f'Malta. Dan kollu ħalla effett fuq il-letteratura Maltija. Ġan Anton Vassallo huwa l-fundatur tal-Moviment Romantiku Malti. Skont Friggieri ''Vassallo jokkupa fil-ġrajja letterarja Maltija l-post tal-ewwel poeta ''letterarju'' u li għandu mertu kawżattiv anki fl-aspett kollu kemm hu formali'' (Ġan Anton...13). Huwa jdaħħal elementi tekniċi fil-poeżija Maltija u t-tiftixa tiegħu hi li jgħolli l-arti letterarja Maltija billi ''daħal fil-qasam formali tat-tradizzjoni Taljana u b'effett indika t-triq li setgħu jgħaddu minnha l-poeti ġejjiena'' (15). Vassallo huwa magħruf għal tliet ġeneri ta' poeżija: il-lirika, il-poeżija patrijottika u l-poeżija f'forma ta' ħrejjef satiriċi. Fis-Seklu Dsatax bħall-favolisti Taljani jħaddem il-ħrafa u s-satirika bil-għan li jagħti gost u għarfien lis-soċjetà ta' żmienu li kienet nieqsa mit-tagħlim u li kellha livell kulturali baxx. Għaldaqstant, għażel li jikteb l-aktar bl-ottonarju (imsejjaħ ukoll il-vers popolari tal-għana), imdaħħal fi kwartini jew f'xogħlijiet mingħajr ebda strofi.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1686
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL029.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0291.09 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.