Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1695
Title: Traduzzjoni mill-Ingliż għall-Malti ta’ ktejjeb dwar polza tal-assikurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u glossarju ta’ termini tekniċi relatati miegħu
Authors: Gatt, Raissa
Keywords: Automobile insurance -- Terminology
Translating and interpreting
Issue Date: 2014
Abstract: L-iskop ta’ din it-teżi hu li nistudja l-lingwa teknika li nsibu fil-qasam tal-assikurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur. Dan għamiltu permezz ta’ traduzzjoni ta’ dokument importanti kif ukoll ta’ glossarju magħmul minn termini tekniċi relatati miegħu, b’konsultazzjoni mal-esperti u permezz ta’ riċerka intensiva. L-interess tiegħi beda meta bdejt naħdem fil-fergħa ta’ Birkirkara tal-Peak Insurance Brokers. Kont indunajt li kienu bosta l-klijenti li ma jifhmux il-verżjoni Ingliża tad-dokument li nkun ippreżentajtilhom. Għalhekk kien ilu jberren f’moħħi sabiex nagħmel xi tip ta’ xogħol fuq it-terminoloġija ta’ dan il-qasam, u meta kien wasal iż-żmien li nagħżel is-suġġett tat-teżi tiegħi għall-grad ta’ Master fit-traduzzjoni sibt ix-xoqqa f’moxtha. Għaldaqstant, mort infittex ħa nara x’hemm disponibbli dwaru bil-Malti u dlonk indunajt li kien hemm nuqqas kbir. Għalhekk iddeċidejt nidħol għal dan it-tip ta’ traduzzjoni bi spjegazzjonijiet xierqa dwar il-proċess tagħha b’tali mod li tkun waħda annotata u analizzata. Xtaqt ukoll nagħżel dokument popolari ma’ kull min ikollu x’jaqsam mal-kumpaniji tal-assikurazzjoni. Dan sabiex nagħmel minn xogħli xi ħaġa kemm jista’ jkun utli. U ma kellix għax indum intella’ u nniżżel. F’Malta, skont l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, sal-aħħar ta’ Marzu 2014 kien hawn 329 0531 vettura bil-mutur li l-assikurazzjoni tagħhom tinteressa lil madwar 245 1002 sewwieq u l-biċċa l-kbira minnhom huma Maltin li inkwantu għall-poloz tagħhom jiddependu esklussivament mill-ispjegazzjonijiet (bil-Malti) li jkun lest jagħtihom l-assikuratur bil-fomm. Ħaġa inġusta daqs kemm hi assurda. Lanqas ma ridt nieqaf hawn, għax bħal kull traduzzjoni għal skopijiet partikolari d-dokument magħżul dwar l-assikurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur hu miżgħud b’termini speċifiċi li jolqtu l-qasam kollu. Għaldaqstant, ridt noħroġ dawn it-termini u nibni corpus fuq linji xjentifikament sodi li jinkludi d-deskrizzjoni, l-ekwivalenza (bil-varjanti fejn meħtieġ) u l-użu tat-termini fil-kuntest. Dan il-corpus mela huwa mibni mit-termini tekniċi li ltqajt magħhom kemm fit-traduzzjoni kif ukoll fir-riċerka tiegħi u dan għandu jservi wkoll biex jgħin fil-konsistenza u l-effiċjenza ta’ traduzzjonijiet oħra li jittrattaw dan is-suġġett. Għandu jgħin ukoll lit-traduttur biex jagħraf jagħżel bejn il-varjanti li jiltaqa’ magħhom waqt li jkun qed jagħmel t-traduzzjoni ta’ xi dokument tekniku dwar l-assikurazzjoni. Bosta termini jiġu użati mhux biss speċifikament fl-assikurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur iżda anke f’dawk ta’ tipi oħra, bħal pereżempju t-termini ‘primjum’, ‘eċċess’ u ‘polza’ li jiġu użati fl-oqsma kollha tal-assikurazzjoni. Ta’ min wieħed isemmi hawnhekk li l-udjenza fil-mira ta’ din it-teżi mhix biss it-tradutturi, iżda kull min b’xi mod jew ieħor jagħmel użu mil-lingwa tal-assikurazzjoni fix-xogħol u r-riċerka tiegħu.
Description: M.A.TRANSL.
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1695
Appears in Collections:Dissertations - FacArtTTI - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14MATIS007.pdf
  Restricted Access
14MATIS0074.55 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.