Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/3933
Title: Ix-xbihat naturali fil-poeżija ta' Marjanu Vella
Authors: Xuereb, Charlon
Keywords: Vella, Marianus, 1927-1988 -- Criticism and interpretation
Maltese poetry -- 20th century
Maltese literature -- 20th century
Issue Date: 2011
Abstract: Din it-teżi se tiffoka fuq il-poeżiji ta’ Marjanu Vella minn ħames ġabriet differenti. Għal skopijiet ta’ riċerka għal din it-teżi ġew segwiti dawn is-sorsi ewlenin: Dgħajjes tal-Karti (1975), Ħitan tas-Sejjieħ (1975), Ġarġir mal-Ħerża (1979), Qoffa Riħ (1985) u Demm Fuq il-Verna (1989). Wara li nqraw il-poeżiji mill-ġabriet imsemmija, ix-xbihat naturali ta’ Vella tqassmu f’kapitli differenti li kull wieħed minnhom jittratta element kategoriku tan-natura, bħal l-ajru jew il-baħar. Il-ktieb Marjanu Vella: Poeżiji, bid-daħla tal-Professur Oliver Friggieri, għinni nagħraf l-aspett misterjuż u sagru ta’ dawn l-elementi. Ktieb ieħor li kien utli għar-riċerka dwar il-ħajja poetika ta’ Vella huwa Marjanu Vella, miktub minn Patri Ġorġ Aquilina O.F.M. li ttratta aspetti bijografiċi tal-poeta u Dr. Bernard Micallef li ttratta l-proċess allegoriku fix-xbihat naturali mħaddma mill-poeta. Għall-iskop tal-organizzazzjoni analitika ta’ din ir-riċerka, it-teżi tqassmet f’dawn ittliet taqsimiet ta’ xbihat naturali ewlenin: l-ewwel kapitlu li janalizza l-elementi talbaħar bħala xbihat tat-turment tar-ruħ; it-tieni kapitlu li jistħarreġ l-elementi tal-ajru u l-komponenti tiegħu bħala stqarrija ta’ biża’; u t-tielet kapitlu li jikkritika l-elementi tal-art bħala xbihat ġenerali tal-Apokalissi. Fit-tieni kapitlu, li josserva t-tħaddim allegoriku ta’ ħlejjaq marbutin mal-baħar, jintwerew żviluppi kumplessi ħafna ta’ xbihat li f’ħafna waqtiet huma paradossali, bħal ngħidu aħna, il-moviment tal-mewġ li b’mod arbitrarju jarmi l-ħut fuq l-art biex imut waqt li jħaddan ħut ieħor biex jgħix. Il-baħar ta’ Vella jirrappreżenta qagħda ġewwiena u inviżibbli tar-ruħ permezz ta’ xbihat esterni u konkreti mid-dinja naturali komuni. Barra minn hekk, il-baħar ta’ Vella sikwit jinvolvi tranżizzjoni minn burdata għal oħra, ngħidu aħna minn qagħda kalma għal waħda ta’ qilla, u allura ma jħaddanx tifsira fissa minħabba t-trasformazzjoni kontinwa tiegħu. Għalhekk, huwa adattat ħafna bħala rappreżentazzjoni tal-burdati differenti tar-ruħ umana. Kull burdata talbaħar tikkorrispondi ma’ burdata tar-ruħ: il-maltemp mal-kunflitt bejn emozzjonijiet differenti fil-poeta u l-bnazzi ma’ stat iktar trankwill. Fil-poeżija “Tortura,” kif se jintwera, Vella jinqeda bi ħlejjaq ċkejkna bħall-ħut maħruġin mill-ambjent naturali tagħhom biex, fuq livell allegoriku, jimplika l-bniedem mortali li b’mod arbitrarju wkoll jintrema ’l barra mill-ħajja. Xbieha oħra rikorrenti fil-lejtmotif naturali tal-baħar hija l-gawwi li se jiġi ttrattat taħt is-sotto titlu: “Entitajiet naturali qrib il-baħar bħala estensjoni tas-simboliżmu tiegħu.” Vella jaffaxxina ruħu mill-gawwi iżda daqshekk ieħor jibża’ minnu. Dan għaliex il-gawwi jidħol fil-ħajja tal-poeta beżgħan bħala tqanqil spiritwali. F’dan irrigward, Vella huwa poeta versatili għax minn poeżija għal oħra jimmodifika x-xbieha tal-gawwi b’interpretazzjonijiet ġodda. Ħafna drabi, id-dehra tal-gawwi tirrappreżenta l-uġigħ, it-turment, l-ansjetà u d-dilemmi spiritwali tal-bniedem, u lgawwi huwa wkoll il-medjatur allegoriku bejn il-qarrejja u l-ispiritwalità profonda talpoeta. Fit-tielet kapitlu se jiġu mistħarrġa l-elementi tal-ajru, bħax-xita, is-sħab, u r-riħ li f’Vella jiksbu sinifikat ta’ apprensjoni. Anke dawn ix-xbihat jittrattaw il-qagħda ġewwiena ta’ ruħ il-poeta. Ħafna drabi, ix-xita f’Vella teqred dak kollu li jkun inħoloq jew inbena, ngħidu aħna fil-poeżija “Kelma Kelma,” fejn l-ilmijiet iperboliċi jissimbolizzaw mument spiritwalment intens meta ruħ il-poeta qiegħda terġa’ ssib rikonċiljazzjoni mad-divin. Fattur tassew interessanti li jiġi ttrattat f’dan il-kapitlu huwa l-mod kif il-kelma riħ kemm-il darba tissostitwixxi l-kelma ruħ. Dawn l-entitajiet (ir-riħ u r-ruħ) għandhom elementi komuni għax it-tnejn huma inviżibbli u jinħassu f’waqtiet ta’ burraxka materjali jew spiritwali. F’dan il-kapitlu se jiġi interpretat ukoll il-mod kif fil-poeżiji ta’ Vella ma għadx hemm distinzjoni bejn il-burdata tar-riħ u lburdata tar-ruħ. Huwa sikwit isofri minn kunflitt skiżofreniku bejn mumenti spiritwali opposti li jidħlu f’kunflitt ma’ xulxin. Ir-riħ instabbli f’Vella huwa metafora dejjiema tar-ruħ daqstant instabbli. B’mod intelliġenti, ir-riħ jingħata kwalitajiet umani permezz ta’ mistoqsijiet f’waqthom. Id-dinja konkreta-allegorika, għalhekk, isservi lil Vella bħala djarju tar-ruħ, anke jekk xi drabi jitlef il-komunjoni magħha kif se jintwera. Fl-aħħar kapitlu ta’ din it-teżi se jiġu interpretati diversi xbihat tal-art li f’Vella jiksbu funzjoni apokalittika. Bħala bniedem reliġjuż, Vella ġie influwenzat ħafna millaħħar ktieb tal-Bibbja: l-Apokalissi. Se jintwera kif ix-xbihat apokalittiċi jistgħu jkunu kemm animati, bħaż-żwiemel, is-sriedak, u diversi fjuri bħat-tulipani, il-gladjola, il- ġarġir, il-ponsjetta u s-sardinella, kif ukoll inanimati, bħall-irmied, li ħafna drabi jissimbolizza l-qerda fl-aħħar tad-dinja. Il-kuntrasti bejn dawn ix-xbihat animati u inanimati jikkorrispondu mad-dilemmi spiritwali fil-poeta. Min-naħa l-oħra, il-poeta jinqeda bil-lingwaġġ taċ-ċokon, bħal fil-każ tal-“farfett ċkejken” u tal-fjuri żgħar, sabiex jippreżenta avvenimenti ferm akbar fl-eskatoloġija nisranija.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/3933
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2011

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
11BAMAL034.pdf
  Restricted Access
1.11 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.