Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6370
Title: Analiżi lingwistika ta’ żewġ prietki minn Għawdex tal-bidu tas-seklu dsatax
Authors: Casha, Saoirse
Keywords: Sermons, Maltese -- Malta -- 19th century
Linguistic analysis (Linguistics)
Issue Date: 2015
Abstract: L-għan ewlieni ta’ dan ix-xogħol hu li nagħti kontribut lid-dokumentazzjoni tal-Malti storiku. Dan il-qasam ta’ studju minn dejjem kien jinteressani u ta’ spiss kien iberren f’moħħi l-ħsieb li min jaf kemm għad hawn dokumenti antiki imxerrdin f’arkivji li ħa jintilfu. Għalhekk ħassejt il-ħtieġa li nagħmel xi ħaġa sabiex dan ix-xogħol prezzjuż bil-Malti jinġabar u jkun studjat minflok jitħalla għal riħu bir-riskju li jintilef u jinqered. Dan ix-xogħol li qed nippreżenta se jagħfas fuq żewġ prietki tal-bidu tas-seklu dsatax li sibt f’arkivji parrokkjali f’Għawdex. L-ikbar diffikultà li ltqajt magħha f’dan ix-xogħol kienet ir-riċerka. Ix-xogħol tar-riċerka jitlob dedikazzjoni kbira, paċenzja u ħin. Wieħed jista’ jimmaġina kif f’waqtiet xogħol bħal dan jista’ jsir tedjanti u ta’ qtigħ il-qalb l-iktar meta ma ssibx dak li hu mistenni. Minkejja li r-riċerka tinvolvi ħafna tiftix u ġiri minn post għallieħor, hu wkoll xogħol eċċitanti u sodisfaċenti speċjalment meta finalment issib dak li tixtieq. Niftakar kemm ħassejtni sodisfatta meta sibt iż-żewġ prietki li ħa jiġu analizzati f’dan l-istudju. Qatt ma ninsa meta qgħadt bilqiegħda fis-Santwarju tal-Kunċizzjoni l-Qala, fejn probabbilment ixxandret prietka minnhom, u bdejt nimmaġina l-predikatur fuq il-pulptu jiddeklama b’mod drammatiku l-prietka tiegħu. Il-kliem li qattajt sigħat nittraskrivi beda jidwi ġo moħħi u jien u nħares madwari bdejt nara s-Santwarju mżejjen bix-xemgħat u ffullat bin-nies kollhom attenti jixorbu dak li kien qed jingħad. L-ewwel taqsima se tittratta r-riċerka li għamilt sabiex sibt dawn il-prietki u t-tentattivi tiegħi biex insib l-isem tal-predikaturi. Se jingħata wkoll tagħrif storiku fuq il-prietki bħal f’liema knisja setgħu xxandru. Fit-tieni taqsima se jidhru t-traskrizzjonijiet taż-żewġ prietki. It-tielet taqsima tikkonsisti fl-analiżi lingwistika tal-prietki. L-analiżi lingwistika se tinqasam fil-fergħat tal-fonoloġija, ortografija, semantika, lessiku, sintassi, morfoloġija u l-istil użat. Din l-analiżi lingwistika se toħroġ fil-beraħ id-differenzi lingwistiċi bejn il-Malti tal-bidu tasseklu dsatax f’Għawdex u l-Malti li nużaw illum il-ġurnata. Peress li l-prietki mhumiex miktubin mill-istess id se jiġu analizzati separatament minkejja li hemm xi elementi komuni bejniethom. Ir-raba’ taqsima tikkonsisti f’dizzjunarju bil-kliem li hemm fil-prietki. Din il-parti saret biex iktar ’il quddiem tgħin fl-aġġornament tal-parti storika tad-dizzjunarju ta’ Aquilina u biex b’hekk jinkuldi fih ukoll kuntesti u referenzi differenti u f’iktar dettall. Qabel id-dizzjunarju hemm spjegazzjoni ta’ kif inhu mqassam. Peress li ż-żewġ prietki nstabu Għawdex fl-aħħar nett se jiġu diskussi l-elementi komuni li joħorġu fl-istħarriġ lingwistiku tagħhom. Fl-appendiċi wieħed ħa jsib ritratti tal-manuskritti għax min jaf x’għad isir minnhom u b’dan il-mod għallinqas dejjem jibqgħu ħajjin anki jekk mhux fil-forma oriġinali tagħhom. F’din it-teżi mhux ħa tiġi diskussa x’inhi prietka jew it-tradizzjoni tal-ippritkar għax dawn lelementi diġà ġew trattatti f’dettall f’teżijiet oħra. Biex nevita r-ripetizzjoni, dan ix-xogħol lanqas se jinkludi ħarsa lejn il-letteratura li diġà saret f’dan il-qasam.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6370
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2015

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
15BAMAL009.pdf
  Restricted Access
9.33 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.