Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6419
Title: Interpretazzjoni Freudjana kontemporanja ta’ "Newbiet"
Authors: Borg, Renzo
Keywords: Sammut, Frans, 1945-2011. Newbiet -- Criticism and interpretation
Psychoanalysis in literature
Ego (Psychology) in literature
Issue Date: 2015
Abstract: Il-karattru huwa l-iktar element naturali f’rumanz u novella għaliex permezz tiegħu jiżvolġu l-azzjonijiet tar-rakkont.,. Skont Oliver Friggieri, in-novella hija “storja qasira, ta’ tul li jvarja, mibnija fuq ġrajja ċentrali waħda, b’nisġa ta’ fatti li ma jdumux ma jwasslu għall-qofol u għall-għeluq” (Dizzjunarju515-516). Fil-letteratura Maltija ma hemmx differenza bejn novella u storja qasira, jiġifieri ma hemmx differenza terminoloġika, li ssibha f’letteraturi oħrajn. skont it-tul tan-novella. L-enfasi fuq il-moħħ tal-karattru, parti integrali min-novella, tixħet dawl fuq l-għamla personali u psikoloġika ta’ karattru wieħed. Friggieri jargumenta li xi drabi n-novella Maltija “tinbena fuq il-personalità ta’ karattru ewlieni u “l-istorja sseħħ biex tixħet dawl fuq naħa jew oħra ta’ din il-personalità,” u drabi oħra n-novella “hi espożizzjoni ta’ stħarriġ tax-xeħta psikoloġika, tal-personaġġ, u l-azzjoni sseħħ biex tixħet dawl fuq id-dinja ġewwiena, moħbija tiegħu” (516). Din l-enfasi fuq il-moħħ tal-karattru ewlieni tidher kemm fir-rumanzi kif ukoll fl-aħjar novelli ta’ Sammut. Newbiet hija ġabra ta’ novelli li jixħtu iktar minn dawl wieħed fuq l-interjorità tal-persunaġġ, fuq l-azzjonijiet tiegħu bħala riżultat ta’ qagħda psikoloġika f’għeluq li mhux dejjem hu konklużiv. Hemm numru ta’ novelli li jitħaddtu dwar aspetti differenti tal-ħajja f’soċjetà tipika tan-narrattiva tas-sittinijiet u s-sebgħinijiet, u jħallu lill-protagonist iżolat, maqtugħ mill-bqija, u għalhekk psikoloġikament staġnat bejn din ir-realtà u r-realtà tiegħu. Għaldaqstant it-teżina inqdiet bil-psikanaliżi, l-aktar bil-psikanaliżi Freudjana, biex tinterpreta x-xejriet psikoloġiċi li toffri l-ġabra Newbiet, bi stħarriġ aktar mill-qrib tal-protagonist imwiegħer u tal-karattri li jantagonizzawh f’rakkont twil bħal “Il-Qtil ta’ Sqaq il-Ħorr.” Il-psikanaliżi, mibdija minn Sigmund Freud, tħares lejn dak kollu li jikkostitwixxi l-psike tal-individwu, sa minn ċkunitu. Tħares ukoll lejn il-kunflitt bejn l-inkonxju u l-konxju u l-mekkaniżmu tar-ripressjoni bħala difiża minn ċerti ħsibijiet. Għaldaqstant, it-teżina tapplika x-xogħol ta’ Freud għad-dinja ta’ Newbiet biex ittella’ aktar fil-wiċċ il-qagħda personali tal-karattri, b’enfasi fuq ir-realtà ġewwiena tagħhom, l-ego, u kif dan jaħdem favur jew kontra s-sitwazzjonijiet li jseħħu b’tali mod li l-ego jinfluwenza l-psike biex jaħdem b’ċertu mod. L-interpretazzjoni Freudjana ntgħażlet ukoll minħabba li n-natura tal-proża ta’ Sammut tesplora l-interjorità tal-karattru biex tiddeskrivi l-estern jew tikkummenta dwaru.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6419
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2015

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
15BAMAL004.pdf
  Restricted Access
1.35 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.