Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6452
Title: Traduzzjoni tas-sottotitli mill-Ingliz ghall-Malti tal-film "The legend of Zorro"
Authors: Taliana, Noylene
Keywords: Motion pictures -- Titling
Motion pictures -- Translating and interpreting
Legend of Zorro (Motion picture : 2005)
Issue Date: 2015
Abstract: Il-ħajra li nagħmel traduzzjoni tas-sottotitli ta’ film sabiex nippreżentaha bħala parti prinċipali mit-teżi tal-Maġisteru fl-Istudji tat-Traduzzjoni u t-Terminoloġija ġietni matul l-ewwel sena tal-kors li jwassal għalih. Dan kien meta aħna l-istudenti kellna l-opportunità li naraw il-film bil-Franċiż Les Choristes. Kull min ma jafx bil-Franċiż seta’ jsegwih biss permezz tas-sottotitli bil-Malti, li saru bħala parti mit-teżi ta’ Mary Jo Caruana (2009) bl-għajnuna tat-tutur tagħha. Din it-teżi interessatni ħafna minħabba li dejjem ħassejtni fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ ċittadini Ewropej oħra li, bħali, ma jafux tajjeb bil-Franċiż, iżda ma jsibu ebda problema biex isegwu u jgawdu filmijiet b’dan l-ilsien. Wieħed jista’ jgħid l-istess għal filmijiet b’ilsna oħra minbarra l-Ingliż. Dan kien l-ewwel fatt li ħeġġiġni sabiex nibbaża t-teżi tiegħi fuq it-traduzzjoni tas-sottotitli, idea li ma kinitx ġietni f’moħħi qabel. Qabel ma kont ċerta mija fil-mija dwar l-għażla tiegħi, ridt nirrifletti dwar l-iskopijiet li jista’ jkollha din it-teżi. Għan kruċjali tas-sottotitli huwa li, apparti li jiżguraw li l-ispettatur jifhem sew dak li jkun qiegħed jintqal billi jarah miktub, b’ilsienu jew mhux, ikunu mmirati wkoll għal persuni torox jew li għandhom problemi ta’ smigħ. Dawn ma jistgħux isewgu u jifhmu film permezz tal-istampa biss, iżda jeħtieġu s-sottotitli. F’Malta għandna bżonn inkunu aktar konxji tal-bżonnijiet ta’ dawn in-nies, bħal ngħidu aħna dak li jkollhom sottotitli bil-Malti tal-aħjar filmijiet li jkunu qegħdin jintwerew fiċ-ċinemas lokali. Raġuni għal dan hija li, għalkemm forsi jkunu jafu jaqraw b’lingwi oħra, sottotitli bil-Malti jikkompensaw aktar għan-nuqqas li jkollhom għax ikunu midħla tiegħu aktar. Minkejja li l-poplu Malti huwa meqjus bħala wieħed bilingwi, importanti nżommu f’moħħna li xorta hawn min mhux mija fil-mija bilingwi, jew għandu biss għarfien tal-lingwa Maltija. Fil-fatt, skop ieħor tat-traduzzjoni tas-sottotitli bil-Malti huwa li dawn il-persuni ma jinqatgħux f’dinja għalihom għax ikunu ristretti li jaraw biss produzzjonijiet bil-lingwa Maltija. Għaldaqstant, permezz tas-sottotitli bil-Malti, dawn jingħataw iċ-ċans li jsewgu wkoll produzzjonijiet b’lingwi barranin, ladarba jkunu jafu jaqraw bil-Malti, u b’hekk jiġu esposti wkoll għal dak li nsibu ’l barra minn xtutna. Fatt ieħor huwa li t-traduzzjoni tas-sottotitli bil-Malti tgħin sabiex tiġi promossa l-lingwa Maltija, li f’dan il-każ tkun qiegħda tintuża għal skopijiet sa ċertu punt ġodda, barra milli tassew utli. B’riżultat ta’ dan, il-Malti jissaħħaħ u jimxi ’l quddiem fi żmien fejn f’Malta, kull ma jmur, l-Ingliż dejjem qiegħed isir aktar dominanti. Barra minn hekk, minħabba li l-produzzjoni tas-sottotitli bil-Malti tagħmel parti minn qasam li beda jiżviluppa reċentement, għan ieħor ta’ din it-teżi huwa li tagħti kontribut sabiex dan il-qasam jistagħna u jkompli jagħmel suċċess. Permezz t’hekk, wieħed jittama li persuni intiżi jew fil-lingwi jew fid-dinja taċ-ċinema, ikollhom aktar opportunitajiet ta’ xogħol hawn Malta. Wieħed jista’ jgħid li dawn l-iskopijiet kollha jġorru magħhom ċerti vantaġġi. Għalhekk ikkonfermajt l-għażla tiegħi u minnufih bdejt naħseb dwar liema film kont se naqliblu s-sottotitli tiegħu għall-Malti. Għall-ewwel tħajjart nagħżel film bl-Ispanjol sabiex nintroduċi l-Ispanjol sottotitolat għall-Malti. Apparti l-interess kbir fil-lingwa u l-kultura Spanjola, għandi wkoll Baċellerat bl-Unuri fl-Istudji tal-Ispanjol u, għalhekk, kien se jgħinni nifhem tajjeb il-lingwa sors sabiex imbagħad inwassalha għal dik fil-mira. Madanakollu, irrealizzajt li jkun aħjar jekk nagħżel film bl-Ingliż biex nittraduċi s-sottotitli tiegħu mill-Ingliż għall-Malti. Waħda mir-raġunijiet hija li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-Ingliż u l-Malti, kont se nsib aktar sorsi ta’ għajnuna, sew ġewwa kif ukoll barra d-Dipartiment tat-Traduzzjoni, fejn ridt naħdem ma’ tutur permezz tat-Think-Aloud Protocols (TAPs). Wieħed mill-filmijiet li ġieni f’moħħi mill-ewwel kien The Legend of Zorro / Il-Leġġenda ta’ Zorro, tad-direttur Martin Campbell, li fih tnejn mill-protaganisti huma l-atturi famużi Antonio Banderas u Catherine Zeta-Jones. Għalkemm, fil-biċċa l-kbira tiegħu, dan il-film huwa maħdum bl-Ingliż-Amerikan, fih insibu kliem, sentenzi u, saħansitra, djalogi qosra bl-Ispanjol imxerrda ’l hawn u ’l hinn mill-bidu sal-aħħar. Għaldaqstant, inħoss li l-element Spanjol li nsibu f’dan il-film għenni sabiex nolqot żewġ għasafar b’ġebla waħda.
Description: M.A.TRANSL.&INTERPRET.
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6452
Appears in Collections:Dissertations - FacArtTTI - 2015

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
15MATIS019.pdf
  Restricted Access
2.29 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.