Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6455
Title: Ir-Reżistenza Taljana fit-traduzzjoni : xi rakkonti ta’ Beppe Fenoglio maqlubin għall-Malti
Authors: Camilleri, Graziella
Keywords: Fenoglio, Beppe, 1922-1963. Ventitre giorni della città di Alba
Translating and interpreting -- History
Language and culture
Issue Date: 2015
Abstract: Permezz ta’ din it-teżi jiena ser nara jekk huwiex possibbli li ktieb mimli konnotazzjonijiet kulturali u marbut ma’ ġrajja li seħħet biss fl-Italja, jiġi tradott għall-Malti u għal kuntest totalment differenti minn dak Taljan filwaqt li jinżammu l-aspetti kulturali u l-istess effett li jinsabu fil-ktieb oriġinali. Iż-żewġ rakkonti meħudin mill-ktieb ta’ Fenoglio magħżula għall-iskop ta’ din it-teżi ser jgħinuni nispjega l-istrateġiji użati waqt it-traduzzjoni kulturali, fejn ser nuri wkoll id-diffikultajiet u l-isfidi li t-traduttur ikollu jaffaċċja meta jittraduċi xogħol ta’ dan it-tip. L-għan ewlieni tiegħi matul it-traduzzjoni huwa li nżomm l-istess effett u tifsira li Fenoglio ried iwassal b’xogħlu, billi nuża l-istess stil li huwa uża fir-rakkonti tiegħu, filwaqt li nittraduċih b’mod li l-qarrej Malti jifhem il-kontenut mingħajr problemi. It-traduzzjoni kulturali titlob ċertu għarfien min-naħa tat-traduttur, li jrid ikun kapaċi jmexxi t-test minn kultura għal oħra mingħajr ma jitlef il-konnotazzjonijiet tat-test sors, filwaqt li jgħin lill-qarrej jifhem dak kollu li għalih huwa ġdid dwar il-kultura sors. It-test ma għandux jiġi adattat skont l-imġiba u l-aspettattivi tal-kultura mira, imma l-karatteristiċi tal-kultura sors iridu jiġu espressi permezz tal-kultura mira sabiex jinħoloq l-istess effett. It-traduttur jista’ jiddeċiedi li jadatta t-test għall-kultura mira, imma jiena ddeċidejt li nlaqqa’ lill-qarrej tiegħi mal-kultura sors, għaliex ovvjament dan l-avveniment seħħ fl-Italja u mhux f’Malta. Il-ktieb I ventitre giorni della città di Alba nkiteb għall-qarrejja Taljani tas-snin ħamsin li kienu għexu r-reżistenza bħall-awtur u li għaldaqstant jafu u jifhmu minn xiex għadda għaliex għandhom komuni din il-parti tal-kultura. Din it-traduzzjoni qed issir għal qarrej li mhux ser ikun esperjenza r-reżistenza Taljana, għaliex hawn Malta ma kellna xejn simili għal dan. Jiena stess, bħala t-traduttriċi ta’ dan ix-xogħol, ma esperjenzajt qatt avveniment tant traġiku bħal dan, u kelli l-ewwel u qabel kollox nagħmel riċerka eżawstiva dwar dan is-suġġett. Permezz ta’ dokumentarji, films u kotba oħra tal-istess awtur, stajt nidħol iktar fil-kuntest tar-reżistenza li fuqu l-ktieb jittratta. Din is-sena jaħbat ukoll is-sebgħin anniversarju tal-ħelsien tal-Italja minn taħt il-faxxisti, u d-dokumentarji mxandra mill-istazzjon Rai sabiex jiġi mfakkar dan l-avveniment, komplew għenuni nifhem iktar x’fissret ir-reżistenza għall-poplu Taljan. Min-naħa tiegħu, il-qarrej mudell ta’ dawn it-traduzzjonijiet ser tkun persuna li għandha interess fir-reżistenza u li tixtieq taqra ktieb fuq dan is-suġġett, u li għalhekk ser ikollha diġà ċertu għarfien żgħir dwar il-kultura Taljana, għalkemm mhux ser ikollha l-istess kompetenza tat-traduttur. Il-qarrej ser jaqra l-ktieb bil-Malti għaliex mhuwiex tant midħla tal-lingwa Taljana jew għaliex jippreferi jaqra l-ktieb bil-Malti, u għalhekk l-għan tiegħi huwa li ngħaddilu kemm jista’ jkun l-istess effett u l-istess messaġġ li kieku kien jieħu mill-qari tal-ktieb ta’ Fenoglio bit-Taljan. Sabiex jifhem eżatt dak li qed jingħad fit-test, u jkun jista’ jattwalizzah eżatt bħalma jiena nixtieq, ser nuża kliem li l-qarrej ser jifhem u li ser iqanqallu eżattament dak li jiena rrid. Huwa għandu jkun preparat li ser jiltaqa’ ma’ karatteristiċi tal-lingwa u tal-kultura Taljana li huma neqsin minn dawk Maltin, u għalhekk ma għandux isib dawn l-aspetti daqshekk strambi. Skont von Humboldt il-qarrej jinduna b’dak li huwa barrani meta jsib ruħu quddiem xi ħaġa mhux familjari li jagħraf imma li jkun ra għall-ewwel darba. Irid ukoll iżomm f’moħħu li l-awtur għex f’dinja differenti u kiteb b’lingwa differenti. Irid ikun familjari ma’ dik id-dinja barranija sabiex it-traduzzjoni tkun għalih iktar naturali. Għaldaqstant qarrej ma jistax jaqra test sempliċement għall-gost imma jrid ikun lest li jagħmel il-parti tiegħu jekk irid jifhmu bis-sħiħ. Iż-żewġ rakkonti tradotti ma ntgħażlux b’mod każwali, imma bl-intenzjoni li nuri fil-prattika dak li tgħallimt waqt il-lezzjonijiet tat-traduzzjoni u b’mod li t-teoriji ta’ kapitlu tlieta jiġu użati b’mod għaqli. Il-ktieb ta’ Fenoglio huwa magħmul minn żewġ partijiet; l-ewwel parti hija magħmula minn sitt rakkonti dwar il-partiġani u r-reżistenza, filwaqt li s-sitt rakkonti tat-tieni parti jirrakkuntaw stejjer ta’ nies komuni, bħal bdiewa, stejjer dwar l-imħabba u temi oħrajn, u kien għalhekk li l-għażla taż-żewġ rakkonti saret minn fost l-ewwel sitta. Barra minn hekk, għażilt li nittraduċi Il trucco u L’andata għaliex it-titli kienu diġà sfida fihom infushom sabiex jiġu tradotti għall-Malti, kif ukoll għaliex partikolarment f’dawn iż-żewġ rakkonti, iltqajt ma’ bosta sfidi relatati mal-kultura Taljana li ppruvajt negħleb waqt it-traduzzjoni. L-istorja Il trucco, li hija l-ewwel storja li qatt kiteb Fenoglio, taħt l-isem fittizju ta’ Giovanni Federico Biamonti, tirrakkonta kif il-Kap tal-partiġani jirnexxilu jqarraq b’żewġ partiġani minn tiegħu u jibgħathom fit-triq il-ħażina sabiex ikun huwa stess dak li jixkubettja l-priġunier faxxist li huma t-tnejn kienu qegħdin jillatikaw dwaru. Filwaqt li L’andata tirrakkonta l-istorja ta’ ħames partiġani żgħażagħ li kienu ser jagħmlu azzjoni fil-belt ta’ Alba, jirnexxilhom jaqbdu surġent faxxist ġewwa tverna fuq l-għoljiet u joqtluh qalb l-għelieqi, li però jiġu maqtula huma stess mill-faxxisti ftit wara f’dawk l-istess għelieqi fejn qabel kien inqatel is-surġent. Permezz ta’ dawn iż-żewġ rakkonti, Fenoglio jixtieq juri l-aspetti tal-ħajja tal-partiġani li huwa stess għex u kif dawn kellhom joqogħdu għall-ordinjiet tal-Kapijiet tagħhom u fl-istess ħin iżommu f’moħħhom lin-nies li jgħixu f’dawk l-ibliet. Kif ukoll huwa jrid jikkritika l-fatt li l-partiġani kienu fil-maġġor parti tagħhom żgħażagħ ta’ bejn wieħed u ieħor għoxrin sena, filwaqt li l-faxxisti setgħu jibagħtu għall-gwerra anke suldati iktar anzjani fl-età. Kapitlu tlieta ta’ din it-teżi jittratta t-teoriji magħżula bħala għajnuna għal matul it-traduzzjoni. L-għażliet u d-deċiżjonijiet li għamilt fit-test Malti saru skont dawn it-teoriji b’mod li nirrispetta l-karatteristiċi tat-test sors. F’kapitlu erbgħa jinsabu ż-żewġ traduzzjonijiet tiegħi, ippreżentati f’forma parallela mat-test sors sabiex ikun eħfef li t-testi jiġu mqabbla bejniethom. Il-paragrafi ġew maqsuma bħall-oriġinali u t-titli jinsabu fuq nett qabel kull traduzzjoni, kemm bit-Taljan kif ukoll bil-Malti. F’qiegħ il-paġna jinsabu n-noti li jispjegaw l-għażliet tiegħi, u dawn in-noti ser jiġu użati f’kapitlu ħamsa, li jittratta l-analiżi, fejn ser nispjega b’mod ġenerali għalfejn ħadt ċertu deċiżjonijiet. Matul it-traduzzjoni ser nuża t-traduzzjoni Ingliża ta’ John Shepley bħala referenza sabiex nimxi mal-għażliet tiegħu u fejn insib xi diffikultà nieħu spunt mid-deċiżjonijiet li huwa ħa.
Description: M.A.TRANSL.&INTERPRET.
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6455
Appears in Collections:Dissertations - FacArtTTI - 2015

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
15MATIS021.pdf
  Restricted Access
1.88 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.