Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/8828| Title: | Glossarju ta' termini dwar iż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa |
| Authors: | Galea, Nadia (2013) |
| Keywords: | Olive oil industry -- Malta Olive industry and trade -- Malta Olive industry and trade -- Terminology |
| Issue Date: | 2013 |
| Abstract: | L-agrikoltura minn dejjem kienet qasam li qajjem interess fija. Sa minn età żgħira kont nieħu gost immur fl-għelieqi mal-ġenituri tiegħi narahom jiżirgħu u jaħsdu wċuħ tar-raba‘ differenti, u b‘hekk trawmet fija ċerta mħabba lejn l-agrikoltura. Din l-imħabba kompliet toħroġ fid-dieher fil-ħames xhur li għamilt il-Lussemburgu bħala apprendista, fejn, fost id-diversi dokumenti li kelli nittraduċi, kelli ġibda partikoli lejn dokumenti ta‘ natura teknika li b‘xi mod jew ieħor huma relatati mal-qasam agrikolu, dokumenti magħrufa aħjar bħala DPO (Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini). Ta‘ min jgħid li dawn it-tip ta‘ dokumenti mhumiex xi biċċa xogħol faċli għat-traduttur Malti, minħabba li jinvolvu bosta kliem tekniku li ħafna drabi mhuwiex inkluż fid-dizzjunarji Maltin u jkun jittratta proċessi kumplessi li aktarx l-esperti fil-qasam biss ikollhom għarfien preċiż tiegħu. Minħabba n-nuqqas ta‘ terminoloġija speċjalizzata standardizzata fil-Malti, bosta drabi t-tradutturi jkollhom iħabbtu wiċċhom ma‘ deċiżjonijiet fir-rigward ta‘ terminoloġija u jagħmluha ta‘ terminoloġisti huma stess. Għaldaqstant, jiġri li minkejja r-riċerka u x-xogħol siewi li jagħmlu, minħabba l-limitu ta‘ żmien li jkollhom biex jittraduċu d-dokumenti u minħabba n-nuqqas ta‘ riżorsi u ta‘ kuntatti ma‘ nies esperti f‘dawn l-oqsma, sfortunatament mhux dejjem ikun faċli li jinstabu Termini-Mira (TiM) ekwivalenti fil-Lingwa-Mira (LM). Minn hawn nibtet ix-xewqa li nibni glossarju li jista‘ jkun utli mhux biss għat-tradutturi Maltin, iżda wkoll għan-nies li jaħdmu f‘dan il-qasam u, mhux b‘inqas, għall-pubbliku inġenerali. Dan il-glossarju ġie mibni b‘tali mod li jgħin lill-persuni li m‘għandhomx għarfien daqstant profond fil-qasam biex jifhmu t-TiM miġbura b‘aktar faċilità. B‘hekk, l-iskop ta‘ din ir-riċerka huwa li tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni u tiżdied il-preċiżjoni. Għalkemm għad fadal ħafna xogħol xi jsir biex it-TiM miġbura f‘din ir-riċerka jiġu analizzati aktar fil-fond u fil-futur qarib jintlaħaq qbil dwar l-istandardizzazzjoni tagħhom, dawn inġabru bil-galbu wara diversi konsultazzjonijiet ma‘ persuni li jiddedikaw parti sostanzjali minn ħajjithom għal dan il-qasam, sabiex jirriflettu r-realtà, jiġifieri l-użu tat-termini mill-istess persuni fil-qasam. Għaldaqstant, dan ix-xogħol ma jistax jieqaf hawn iżda jeħtieġ sforz kollettiv min-naħa tal-esperti fil-qasam u l-lingwisti sabiex jevalwaw it-TiM miġbura u jaslu għal konklużjonijiet dwar l-istandardizzazzjoni tagħhom. B‘hekk, nittama li b‘dan il-glossarju nkompli nagħti ż-żejt lir-rota lingwistika tagħna sabiex tkompli ddur u magħha tiġbor dak kollu li hemm bżonn biex inkunu nistgħu nwessgħu l-vokabolarju tekniku Malti u nesprimu ruħna bi lsienna mingħajr ma jkollna għalfejn nirrikorru għat-termini barranin. Dan il-glossarju kien jippreżenta sfida kbira għaliex il-produzzjoni taż-żejt taż- żebbuġa għamlet snin twal nieqsa minn pajjiżna, u meta reġgħet ġiet introdotta f‘dawn l-aħħar tletin sena ġabet magħha tekniki ġodda. B‘hekk, it-terminoloġija fid-dizzjunarji Maltin li hija rilevanti għall-qasam kienet limitata ferm, u t-termini li nstabu fit-traduzzjonijiet tal-UE jew fil-ftit kitbiet li hawn bil-Malti li jittrattaw is-suġġett kellhom jgħaddu minn proċess ta‘ analiżi u evalwazzjoni sabiex tiġi ddeterminata r-rilevanza u l-preċiżjoni tagħhom, bil-għajnuna ta‘ nies esperti fil-qasam. Għaldaqstant, f‘dan il-glossarju wieħed għandu jagħti attenzjoni speċjali lil dak li jissuġġerixxu l-persuni midħla tal-qasam għaliex nemmen li, fuq kollox, il-lingwa f‘dawn it-tip ta‘ oqsma ma jagħmluhiex il-lingwisti iżda l-prattikanti. |
| Description: | M.A.TRANSLATION |
| URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/8828 |
| Appears in Collections: | Dissertations - FacArtTTI - 2013 |
Files in This Item:
| File | Description | Size | Format | |
|---|---|---|---|---|
| 13MATIS022.pdf Restricted Access | 2.83 MB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.
