Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/8842
Title: Carlo Satariano u l-poeziji f'"Il-Ħmara" (1926-1928)
Authors: Spiteri, Shanna
Keywords: Satariano, Carlo, 1889-1956 -- Criticism and interpretation
Maltese poetry -- 20th century
Maltese newspapers -- History -- 20th century
Issue Date: 2013
Abstract: Il-gazzetta Il-Ħmara bdiet toħroġ fl-1926 meta kienet għadha toħroġ il-gazzetta sieħba tagħha Il-Ħmar, żewġ gazzetti li kellhom l-istess proprjetarju u l-istess editur. Fl-ewwel faċċata ta’ dawn il-gazzetti dejjem kien ikun hemm poeżija, jew taqbila, aktarx iffirmata b'nom de plume, li kienet taqbad temi politiċi u soċjali attwali. Ma kinux ikunu poeżiji ta’ livell letterarju għoli għax l-iskop tagħhom kien primarjament dak li jikkummentaw fuq il-ġrajjiet u r-realtaijiet ta’ żmienhom, mhux li joħolqu xogħol ta’ valur letterarju għoli, jiġifieri li jinħoloq lingwaġġ letterarju mirqum iżda li jagħtu gost lill-qarrejja fl-istess waqt li jirriflettu qagħdiet soċjali u ġrajjiet politiċi eżistenti. L-ewwel kapitlu ta’ dan ix-xogħol ta’ riċerka jiffoka fuq id-dinja kumplessa tal-pubblikazzjoni tal-gazzetti Maltin tal-bidu tas-seklu għoxrin u l-għeruq tagħhom fl-aħħar snin tas-seklu dsatax. Dan il-kapitlu jwassal informazzjoni relevanti għaż-żmien li fih kienet toħroġ Il-Ħmara. Jinkludi wkoll sfond storiku tas-sitwazzjoni politika u tas-sistema edukattiva f’Malta kif ukoll sfond tal-gazzetti tal-Ħmar u Il-Ħmara. L-ewwel kapitlu jiffoka wkoll fuq edizzjonijiet ta’ gazzetti barranin tal-istess perjodu u l-użu tal-psewdonomi fil-letteratura. It-tieni kapitlu jippreżenta il-figura ċentrali ta’ Carlo Satariano, bniedem eklettiku li kien involut f’għadd ta’ inizjattivi fl-istampa, fil-kant popolari u t-teatru. Ironikament, ftit li xejn nafu dwar il-ħajja ta’ dan il-personaġġ importanti tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin u dan il-kapitlu jippreżenta dak kollu li hu magħruf u dak kollu li sar riċerka dwaru f’din laħħar sena, bit-tama li r-riċerka fuq ħajtu u ħidmietu titkompla fil-futur. F’din il-parti tat-teżi jidhru wkoll ritratti u sorsi primarji miġbura f’din l-aħħar sena, li huma attentat sabiex il-kliem jieħu l-ħajja. Iċ-ċertifikati tat-twelid u tal-mewt ta’ Carlo Satariano huma inklużi wkoll sabiex jikkonfermaw din ir-riċerka. Dan il-kapitlu ngħata prijorità għaliex kien is-sinsla tal-kumplament tat-teżi u minħabba li nħass il-bżonn li personaġġ tant importanti fil-qasam kulturali jingħata l-prominenza li tistħoqlu. It-tielet kapitlu janalizza poeżija speċjali li dehret fil-gazzetta tal-Ħmara. Il-poeżija “Ħsieb” ta’ Rużar Briffa, spikkat qalb l-ewwel ħamsin poeżija li dehru f’din il-gazzetta. Kienet poeżija kuntrastanti mal-kumplament tal-poeżiji li dehru fil-Ħmara u għalhekk ingħatat trattament speċjali u ġiet analizzata b'reqqa u mqabbla maż-żewġ verżjonijiet oħra li nstabu. Din il-poeżija titratta l-imħabba lejn mara u lejn il-poeżija, u hija l-unika poeżija lirika u mingħajr it-tema tal-politika. Ir-raba’ kapitlu jistħarreġ il-poeżiji marbutin mat-tema tan-nisa u l-forma u l-kontenut tematiku ta’ dawn il-poeżiji ppubblikati fl-ewwel snin ta’ Il-Ħmara. F'dan il-kapitlu jidhru wkoll xi fehmiet u teoriji femministi li huma relatati mal-kummenti li jinsabu fil-poeżiji dwar din it-tema. Jidher ukoll it-tradizzjonaliżmu Malti u l-perċezzjoni dwar in-nisa Maltin. Il-ħames kapitlu jkompli jistħarreġ il-kumplament tal-poeżiji li huma marbuta mat-temi soċjali u politiċi. Il-forma u l-kontenut ta’ dawn il-poeżiji jiġu analizzati sabiex jinħarġu elementi li jirriflettu kemm l-ideat tal-gazzetta u ta’ min kien qed imexxiha kif ukoll irrealtajiet u l-ġrajjiet politiċi li seħħew tul dan l-istess perjodu. Minn dawn il-poeżiji jidher li l-gazzetta kellha rabta mal-Partit tal-Ħaddiema. Il-poeżiji kienu mezz ta’ aħbar b’umoriżmu u b’versi mqabbla li jirifletti wkoll il-qagħda letterarja tal-Maltin u l-istorja tal-edukazzjoni kif imsemmi fl-ewwel kapitlu. Il-Konklużjoni tħares lejn l-kummenti kritiċi ewlenin ta' dan ix-xogħol ta’ riċerka u tanalizza dak li nstab tul din it-teżi. Hija ġabra tal-punti l-aktar importanti li saru f’din ir-riċerka.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/8842
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2013

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
13BAMAL026.pdf
  Restricted Access
7.48 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.