Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/8868
Title: Analizi tad-diskontinwita fil-ktieb "Il-linja l-ħadra" ta' Clare Azzopardi
Authors: Said, Nicole Marie
Keywords: Azzopardi, Clare, 1977- . Linja il-hadra -- Criticism and interpretation
Stream of consciousness fiction
Time in literature
Issue Date: 2013
Abstract: Fl-ewwel kaptitlu, din it-teżi tistħarreġ id-devjazzjonijiet narrattivi li jseħħu fin-novelli ta’ Clare Azzopardi. Il-bniedem iħares lejn l-istqarrijiet u l-kummenti li jseħħu fil- ħajja ta’ kuljum bħala għadd ta’ sekwenzi li jiġu attwati f’ħinhom u f’waqthom, jiġifieri f’ordni speċifika, mingħajr qtugħ u frammentazzjonijiet. Minħabba f’din il-perċezzjoni, il-bniedem ftit li xejn jagħraf li dak li skontu hu kontinwu u koerenti, hu fil-fatt magħmul min-numru ta’ diskontinwitajiet li jingħaqdu flimkien biex tinbena forma ta’ kontinwità fuq livell ieħor ta’ għarfien. Il-mekkaniżmi narrattivi tal-plott ta’ Azzopardi jippermettulha tmur lura u ʼl quddiem fl-ordni kronoloġika. Permezz tal-użu estensiv ta’ din it-teknika letterarja, jiġifieri l-anakronija, Azzopardi donnha tiċħad l-iżvolġiment aktar tipiku tarrakkont konvenzjonali, billi twarrab in-normi rakkontattivi li huma marbuta ma’ ġabriet ta’ novelli aktar tradizzjonali. B’din iċ-ċaħda tal-konvenzjonijiet tar-rakkont tipiku, il-qarrejja jistgħu jew jinħasdu u jwaqqfu l-qari tagħhom, jew jimtlew b’interess u b’kurżità dwar kif se jseħħ l-iżvilupp narrattiv oriġinali ta’ quddiemhom. Bl-analessi meqjusa li biha tinterrompi r-rakkont diversi drabi, Azzopardi ddaħħal lill-qarrejja tagħha fil-psikoloġija tal-protagonisti – li fil-wiċċ tidher ifframmentat daqskemm jidher ifframmentat il-proċess narrattiv. Minkejja dan, wieħed għandu jagħraf fid-diskontinwità kronoloġika tal-awtriċi tattika narrattiva li biha jinkixfu numru ta’ kontinwitajiet emottivi u assoċjattivi oħra, li lkoll flimkien jagħtu profil psikoloġiku aktar komplut tal-protagonisti. Għal dan il-ħsieb, ġie kkonsultat il-ktieb ta’ Gerard Genette, Narrative Discourse Revisited, fejn jistqarr li awtur ta’ ktieb tal-istorja għandu d-dmir jivverifika l-kitba tiegħu bid-dokumenti storiċi, iżda awtur ta’ rakkont letterarju ma għandu l-ebda dmir li jżomm ma’ xi ordni storika jew letterarja u għalhekk, il-ġrajja maħluqa mill-awtur tista’ tieħu lill-qarrejja lura u ʼl quddiem fl-iżvilupp narrattiv. Fir-rakkonti ta’ Azzopardi, il-protagonist jista’ jsib ruħu f’post partikolari mingħajr ma jkun beda l-vjaġġ fiżiku li se jieħdu f’din id-destinazzjoni. Minkejja li dan il-proċediment letterarju jista’ jfixkel lill-qarrejja li jippruvaw jorjentaw ruħhom fir-rakkont, ma jinħass l-ebda obbligu min-naħa tan-narratur biex isegwi ordni speċifika jew biex jiċċara s-sekwenza tal-istqarrijiet tiegħu. Dawn l-ispazji vojta li tħalli warajha l-analessi għandhom imnejn iħeġġu lill-qarrejja biex ikomplu jaqraw sakemm jiskopru konnessjoni, jew biex saħansitra jimlew dawn l-ispazji b’esperjenzi personali li janimaw il-ġrajja u l-qagħda tal-protagonisti. Wara kollox, Azzopardi nfisha tistqarr li “sta għalih (għall-qarrej) li jħalli l-immaġinazzjoni tiġri bih u joħloq xi tip ta’ konklużjoni hu” (Intervista Personali, Appendiċi A). It-tieni kapitlu ta’ din it-teżi jistħarreġ il-personalità diskontinwa tal-protagonisti bħala l-mezz ewlieni li bih jinkixfu koerenzi akbar fl-azzjonijiet umani, mhux biss tal-protagonisti, iżda anke tal-qarrejja nfushom. Il-protagonisti ta’ Azzopardi jixhdu personalità instabbli jew fi progress kontinwu, iżda minkejja li dawn il-karattri jidhru inkoerenti fil-psike tagħhom, ħafna drabi huma kongruwenti f’azzjonijiethom minħabba li jkunu qegħdin isegwu l-mod straordinarju kif ingħaqdu l-avvenimenti, il-memorji, u ttiġribiet uniċi ta’ ħajjithom. Għaldaqstant, filwaqt li l-psike ta’ wħud mill-protagonisti hija kkaratterizzata min-nuqqas ta’ tkomplija, l-aġir tagħhom huwa kkaratterizzat minn tiġribiet opposti li jikkonverġu f’sensibilità umana waħda fejn, b’xi mod jew ieħor, iridu jsibu kontinwità emottiva u koerenza intellettwali bejniethom. Il-personalitajiet f’din il- ġabra jixhdu li l-karattri tal-bnedmin mhumiex esklussivament diskontinwi jew kontinwi, iżda huma taqbida u kompromess bejn dawn iż-żewġ kwalitajiet. Min-naħa l-oħra, fit-tielet kapitlu tiġi analizzata l-idea li d-diskontinwità tematika tindika tkomplija fl-esperjenzi personali. Kull rakkont ta’ Azzopardi jgħaddi minn tema għal oħra mingħajr ma jixhed firda, stadji argumentattivi ċari, jew progress meqjus bejniethom. Mid-diskontinwitajiet tematiċi, joħorġu kongruwenzi assoċjattivi li l-qarrejja qajla jkunu qed jistennew. Għaldaqstant, it-tema ewlenija li tinbidel darba, darbtejn, tlieta, tkun qiegħda tafferma kongruwenzi ġodda fin-nixxiegħa tal-ħsieb jew flargumentazzjoni interna tal-karattri. Għall-analiżi ta’ din it-teknika, ġiet ikkonsultata t-teorija ta’ Walter Benjamin, iżda minn għajnejn l-awtur Hans-Jost Frey. Dan jistqarr li n-nixxiegħa ta’ ħsieb li tiġi interrotta tagħti ċ-ċans lill-qarrejja biex jittrattaw l-istess argument li ġie interrott, imqar jekk il-qarrejja jagħmlu dan minn angolu differenti. Għalhekk, id-diskontinwità tematika tista’ titqies bħala element pożittiv għaliex tippermetti lill-qarrejja jixtarru argument wieħed min-numru ta’ perspettivi differenti. Pereżempju, it-temi tar-razziżmu u s-solitudni jikxfu tema essenzjali waħda: il-ħtieġa kontinwa għall-ħbiberija eterna. Wara kollox, Blanchot innifsu jistqarr li l-bniedem għandu dejjem jipprova jilħaq il-komplut – jekk mhux b’dak li jgħid, tal-inqas b’għemilu – għaliex is-sħiħ, il-komplut, dejjem għandu jiġi rrispettat (153).
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/8868
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2013

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
13BAMAL023.pdf
  Restricted Access
1.21 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.