Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/8921
Title: Figurazzjonijiet, registru u rettorika ta' korla fil-poezija ta' Karmenu Vassallo
Authors: Grima, Samantha (2013)
Keywords: Vassallo, Karmenu, 1913-1987 -- Criticism and interpretation
Anger -- Poetry
Emotions in literature
Issue Date: 2013
Abstract: Karmenu Vassallo ħalla l-faxxinu tiegħu fil-qasam tal-letteratura Maltija permezz tax-xogħlijiet poetiċi mimlija bis-sentiment tal-korla. Din it-teżi tistħarreġ din l-emozzjoni fil-figurazzjonijiet, fir-reġistru u fir-rettorika tal-poeżija. Il-korla li tinsab f’qalbu seħħet primarjament minħabba l-ħajja li kellu. Għalhekk il-poeżiji analizzati fil-kapitli li jsegwu nkitbu biex juru l-istess tema ewlenija, jiġifieri poeta li permezz tal-poeżija jesprimi l-ħsibijiet tiegħu li jgħixhom kuljum. Se jippreżentaw stampa sħiħa tal-korla fil-kitbiet tiegħu, b’tali mod li jtellgħu fil-wiċċ il-potenzjal tal-poeta Romantiku. Il-kotba ta’ versi mistħarrġa huma Nirien, Kwiekeb ta’ Qalbi, Ħamiem u Sriep u Tnemnim. Matul iż-żminijiet kien hemm għadd ta’ studjużi li kitbu dwar dan il-poeta li analizzawh minn diversi aspetti kemm bħala individwu u kemm mill-poeżiji tiegħu. Minkejja dan, dawn qatt ma jaslu biex jippreżentaw stampa ħolistika tal-firxa u tad-dinamika emozzjonali fil-kitbiet tiegħu, b’tali mod li jtellgħu fil-wiċċ il-potenzjal fl-użu tal-korla. Għalhekk permezz ta’ din it-teżi r-rabja tingħata l-akbar importanza u titqabbel ma’ ta’ poeti oħrajn, bħal Leopardi u Byron. Minbarra hekk tiġi analizzata bl-għajnuna ta’ kritiċi barranin u Maltin. Għalhekk dawn l-istudji kienu utli biex il-metafori, il-lessiku, ir-rettorika, u teknikalitajiet oħrajn li jħaddem Karmenu Vassallo jingħażlu u tiġi studjata l-implikazzjoni tagħhom, l-aktar fid-dawl ta’ kotba ta’ versi u poeżiji li nstabu mxerrdin f’xi gazzetti popolari. Ewlenija fost dawn ix-xogħlijiet hija l-korla u għalhekk se tiġi analizzata bl-għajnuna ta’ teoristi barranin. It-tifsira tal-korla titfisser b’mod espliċitu permezz tal-argumenti li ħolqu poeti u kittieba barranin. L-iżvilupp ta’ dawn l-ideat huwa analizzat bħala komponent wieħed tal-emozzjonijiet li bniedem iħoss. Is-sentiment ta’ korla tant huwa kumpless li t-teoristi sabu aktar minn definizzjoni waħda għalih. L-ewwel kapitlu jiffoka fuq għadd ta’ aspetti ta’ din l-emozzjoni u t-tipi differenti li jikkategorizzawha. Il-korla tiddependi ħafna minn kif u minn min iġarrabha. F’dan ir-rigward tinftiehem aħjar l-importanza li ngħatat din l-emozzjoni mill-kritika letterarja tul is-snin. L-istudju dwar il-korla jiġbor fih bosta aspetti li jaffettwaw l-istrateġija tal-kitba tal-poeżija. Għalhekk, dawk it-teoristi li ttrattaw aspetti differenti ta’ dan is-sentiment ġew applikati f’din ir-riċerka, f’rabta mal-poeżiji li se jiġu analizzati. It-tieni kapitlu jkompli fuq il-passi tal-ewwel wieħed u t-teoriji analizzati jiġu applikati fil-poeżiji. Ġew applikati għadd ta’ toeriji dwar id-differenza li tinsab fir-rabja, u f’rabta ma’ dan tinħoloq id-distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ rabja bħal dik vendikattiva, pożittiva, negattiva u l-bqija. Minbarra teoristi differenti, dan l-istħarriġ jinvolvi wkoll għadd ta’ poeti barranin bħal Wordsworth, Byron, Blake li f’xogħlijiethom ġew ikkonsultati għat-termini u l-metodi li jużaw. Dawn id-differenzi fl-ideat dwar ir-rabja joħolqu vuċijiet varji li bihom il-kritiċi u l-poeti jargumentaw u jiddiskutu din l-emozzjoni.
Description: M.A.MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/8921
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2013

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
13MAMAL003.pdf
  Restricted Access
1.89 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.