Minn din il-ġimgħa, il-parteċipanti rreġistrati mal-Università tat-Tielet Età se jkunu jistgħu jsegwu wħud mill- lezzjonijiet tagħhom fuq ir-radju Campus FM, 103.7 FM.
Mill-Erbgħa 18 ta’ Marzu, l-istazzjon uffiċjali tar-radju tal-Università ta’ Malta, Campus FM, se jkun qed ixandar żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa mogħtija mil-letturi tal-Università tat-Tielet Età.
Il-programm, bl-isem ta’ Lezzjonijiet tal-Università tat-Tielet tal-Età, qed jiġi kkoordinat mill-Professur Marvin Formosa, mis-Sa Simone Ellul u mis-Sur Joseph Said, kollha membri tal-Università tat-Tielet Età f’Malta.
Kull lezzjoni se ddum 45 minuta u se tittratta suġġetti ta’ attwalità li huma ta' interess pubbliku ġenerali. Dawn se jixxandru bejn is-6:00 u s-7:30 ta’ flgħaxija. Temi ġodda se jkunu qegħdin jiġu diskussi kull ġimgħa.
Campus FM, li jifforma parti mill-Malta University Broadcasting, ixandar għadd ta’ programmi edukattivi, kemm ta’ natura formali kif ukoll informali. Mill-1994 sal-lum, CampusFM rebaħ numru ta' premjijiet tax-xandir.
L-Università tat-Tielet Età f’Malta, li twaqqfet f’Jannar tal-1993 taħt il-patroċinju tal-Università ta’ Malta, toffri firxa ta’ programmi ta’ tagħlim lill-individwi li għandhom aktar minn 60 sena, irrispettivament mill-kwalifiki edukattivi jew dawk akkademiċi. L-Università tat-Tielet Età bħalissa qed topera minn seba’ ċentri, sitta f’Malta (il-Furjana, Tas-Sliema, Ħ’Attard, il-Kottonera, Birżebbuġa, il-Mellieħa) u wieħed f’Għawdex.
Is-semmiegħa huma mistiedna jsewgu x-xandira kull nhar ta’ Erbgħa, fis-6:00 ta’ waranofsinhar, online jew permezz tar-radju fuq 103.7 FM.