Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/17304
Title: Xejriet tal-proza bil-Malti ta’ Dun Karm
Authors: Cassar, Marita
Keywords: Karm, Dun, 1871-1961 -- Criticism and interpretation
Maltese poetry -- 20th century
Maltese prose literature -- 20th century
Issue Date: 2016
Abstract: Il-Ġbir tal-Proża bil-Malti ta’ Dun Karm Minkejja li Dun Karm sab xorti kbira fil-qasam tal-kritika, kemm matul ħajtu, kif ukoll wisq aktar wara mewtu, il-proża tiegħu bil-Malti baqgħet ma nġabritx. Fl-isfond tal-ġabriet li saru sa issa, jiġifieri tal-poeżiji bil-Malti u bit-Taljan, kif ukoll ta’ parti kbira mill-ittri, kien jonqos li tinġabar il-proża tiegħu, fost l-oħrajn bil-Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet qabelxejn bil-għan li jkun komplut il-kwadru kollu tal-kitba ta’ awtur li d-dedikazzjoni tiegħu għall-kelma miktuba hija mifruxa tul ħajtu kollha, jiġifieri minn madwar is-snin għoxrin tas-seklu 19 sal-bidu tas-sittinijiet tas-seklu 20. Il-ġbir tal-proża bil-Malti kellu jinvolvi tiftix f’għadd ta’ oqsma, qabelxejn fl-arkivji personali tiegħu miżmumin fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta, fil-Melitensia tal-Università, fil-kamra ta’ Dun Karm fil-Mużew tal-Imdina, u f’ġabriet privati. B’dan il-punt tat-tluq stajt niżvolġi dan il-programm ta’ ġbir b’mod sistematiku kif ukoll, meta kien possibbli u meħtieġ, stajt nikkonsulta direttament il-kopja oriġinali li xi drabi hija miktuba bl-idejn u drabi oħra bit-typewriter. L-ewwel pass f’dan il-proġett kellu jkun l-aċċertament li din hija ġabra sħiħa tal-proża bil-Malti. Dan seta’ jinkiseb billi tinbena lista kemm kronoloġika u kemm ġenerika tal-kitbiet kollha mqegħdin f’ordni ta’ żmien. Kollox kellu jsir fl-isfond magħruf bħala tipiku ta’ Dun Karm, jiġifieri li hu kien jikteb aktar biex jesprimi ruħu milli biex jidher fil-pubbliku. Hu għalhekk li ħafna mix-xogħlijiet ma jġorrux ismu magħhom, minkejja li huma magħrufin b’ċertazza li huma tiegħu bħalma huma l-editorjali ta’ Il-Malti miktubin fis-snin 1929–1942. Quddiem din il-ħażna ta’ xogħlijiet kien imiss issa li dawn jitqiegħdu f’xi forma ta’ ordni li tirrifletti l-għażliet tiegħu. Minħabba li kien awtur eklettiku u li kien jimpenja ruħu f’oqsma differenti fl-istess żmien, jidher li l-aħjar metodu ta’ klassifikazzjoni huwa t-tqegħid tat-testi kollha f’ordni kronoloġiku. B’hekk jista’ jidher aħjar kemm għall-awtur il-kitba kellha mhux biss tirrifletti l-ħsus tipikament individwali tiegħu, imma wkoll realtajiet l-aktar deċiżivi. Daqskemm fil-poeżija bil-Malti u bit-Taljan, fix-xogħlijiet tal-proża huwa jidher bl-istess impenn bħala l-għassies tal-valuri klassiċi ta’ Malta kif ukoll bħala l-leħen tal-klassi soċjali tiegħu u wkoll tan-nazzjon. Ħarsa sistematika ta’ dawn il-kitbiet turi li huwa interessat fin-nazzjon daqskemm huwa interessat fis-soċjetà li għalih hija qabelxejn mibnija fuq l-individwu. Għalhekk anki meta jittratta temi politiċi, l-individwu jinħass dejjem. Il-viżjoni tal-patrija, waqt li hija imnebbħa minn viżjoni Risorgimentali, hija wkoll demokratika u għalhekk il-kitba politika tiegħu titqies dejjem bħala kitba mill-aspett tal-poplu.
Description: M.A.MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/17304
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2016

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
16MAMAL004.pdf
  Restricted Access
2.85 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.