Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100142
Title: Mill-‘Ġabra ta’ Ward’ għal żmienna : studju soċjolingwistiku dwar numru ta’ kliem magħżul
Authors: Farrugia, Randon (2022)
Keywords: Maltese language -- Study and teaching (Primary) -- Malta
Textbooks -- Malta
Maltese language -- Vocabulary
Maltese language -- Social aspects
Maltese language -- Variation
Issue Date: 2022
Citation: Farrugia, R. (2022). Mill-‘Ġabra ta’ Ward’ għal żmienna: studju soċjolingwistiku dwar numru ta’ kliem magħżul (Bachelor's dissertation).
Abstract: Il-mod ta’ kif tinbidel, tevolvi u tadatta l-lingwa skont il-ħtiġijiet tal-kelliema huwa l-qofol ta’ din it-teżina. Għalkemm dan l-istudju huwa studju soċjolingwistiku sinkroniku, nifhem li fih innifsu dan l-istudju għandu aspett dijakroniku għaliex jittratta l-bidla fil-lingwa matul iż-żmien ibbażata fuq is-smigħ, l-użu u t-tifsir ta’ mitt kelma magħżula mit-tielet u r-raba’ edizzjoni tas-sensiela Ġabra ta’ Ward editjata minn Emanuel Benjamin Vella. Din l-antoloġija kellha l-iskop li tgħin lit-tfal jaqraw ix-xogħlijiet letterarji li fiha, u jitgħallmu u japprezzaw l-ilsien nazzjonali. Fl-antoloġija nsibu numru ta’ xogħlijiet li huma tradotti minn testi barranin u nsibu wkoll xogħlijiet oriġinali. Fost dawn it-testi nsibu l-proża fittizja u mhux fittizja; testi reliġjużi; praspar u ħrejjef u poeżiji. Nistgħu ngħidu li fis-sitt volumi ta’ din is-sensiela kważi kull xogħol kien jinkludi xi tagħlima morali. Fil-passat, dan il-proġett kien kbir fl-importanza tiegħu għaliex f’Malta tista’ tgħid li l-ġeneru tat-tfal kien kważi ineżistenti. Ix-xogħol tiegħi jinkludi wkoll tliet varjabbli soċjolingwistiċi li huma l-età, is-sess u l-ġeografija. Dawn il-varjabbli juruna strateġiji differenti kif il-kelliema tal-lingwa jħaddmu lilsien tagħhom, ħafna drabi mingħajr ma jindunaw li jkunu qed jiġu influwenzati minn xi fattur jew ieħor. L-għanijiet : Għalkemm insibu numru sostanzjali ta’ xogħlijiet ta’ natura soċjolingwistika li jitrattaw il-bidla fil-lingwa, jidher li ma tantx hemm xogħlijiet bil-lingwa Maltija. Għalhekk, xtaqt li nikkontribwixxi f’dan il-qasam bl-għajnuna ta’ 90 parteċipant. Din it-teżina għandha l-għan ewlieni li tistħarreġ kemm il-kelliema tal-Malti kontemporanju għadhom jużaw jew tal-anqas jafu t-tifsira ta’ numru ta’ kliem meħud mill-‘Ġabra ta’ Ward’, sensiela ta’ kotba li kienet tintuża għall-qari bil-Malti fl-iskejjel tal-Gvern mit-tletinijiet sas-sebgħinijiet meta mbagħad ħaditilha postha s-sensiela Id-Denfil. B’dan il-mod wieħed jista’ jieħu idea ta’ kif żviluppat jew intesiet matul iż-żmien it-tifsira tal-kliem magħżul. L-istudju se jsir ukoll f’kuntest soċjolingwistiku li fih se jkunu analizzati l-varjabbli tas-sess għaliex wieħed jista’ jissoponi li n-nisa jużaw forom lingwistiċi aktar standard mill-irġiel, u allura dan id-distakk jista’ jwassal biex ir-rata tal-bidla lingwistika tkun tidher iżjed fin-nisa milli fl-irġiel; il-varjabbli tal-ġeografija għaliex mkejjen iktar rurali għandhom it-tendenza li jużaw forom iktar rurali, konservattivi, filwaqt li mkejjen iktar ċentrali u modernizzati aktarx jużaw forom iktar moderni flokhom; u l-varjabbli tal-età li huwa l-iktar varjabbli importanti ta’ din ir-riċerka minħabba l-fatt li dan l-istudju huwa dwar is-smigħ, l-użu u l-iżvilupp tat-tifsira tal-kliem magħżul matul iż-żmien. It-tqassim tat-teżina: It-teżina tiegħi li jisimha ‘Mill-Ġabra ta’ Ward għal Żmienna: Studju Soċjolingwistiku’ dwar numru ta’ kliem magħżul hija mqassma f’ħames kapitli. Fl-ewwel kapitlu nsibu tagħrif ġenerali dwar studji li diġà saru fil-qasam tal-bidla fil-lingwa, kemm fil-Malti kif ukoll f’lingwi oħrajn. Dan il-kapitlu jinkludi ħames taqsimiet: 1) X’inhi s-soċjolingwistika; 2) Għaliex illingwa tinbidel? 3) Il-vokabularju u l-kliem missellef; 4) Il-varjazzjoni fil-lingwa Maltija; 5) Ilvarjabbli soċjolingwistiċi. Fit-tieni kapitlu nsibu l-metodoloġija. Fil-bidu ta’ dan il-kapitlu, eżattament fit-taqsima 2.2, nitkellem dwar it-tipi ta’ metodi li ġieli ntużaw fir-riċerki, bħall-metodu kwalitattiv u l-metodu kwantitattiv, li finalment wara li nitkellem dwarhom, ngħid liem wieħed inkun għażilt. Apparti minn hekk, f’dan il-kapitlu nispjega l-għażla tal-mitt kelma li għamilt dan l-istudju dwarhom, kif għażilt l-informanti u kif għażilt ukoll l-varjabbli soċjolingwistiċi. L-istudju pilota huwa wkoll inkluż f’din il-parti u dan jindika xi affarijiet li kelli nbiddel fl-istudju attwali, u għalhekk sibtu ta’ għajnuna kbira biex dan ix-xogħol joħroġ kemm jista’ jkun tajjeb. Iż-żewġ kapitli li jsegwu huma l-qofol ta’ dan l-istudju. Dan għaliex fit-tielet kapitlu nsibu l-analiżi u d-diskussjoni tar-riżultati b’mod ġenerali, filwaqt li fir-raba’ kapitlu nsibu l-analiżi u d-diskussjoni f’aktar dettall. L-aħħar kapitlu huwa l-konklużjoni u fih nitkellem dwar ir-riżultati ewlenin li ħarġu minn dan l-istudju. Barra minn hekk, wara dan il-kapitlu nsibu l-appendiċi li fih insibu kopja tal-formola tal-kunsens li fiha hemm miktub li l-informant qed jaċċetta li jieħu sehem f’din ir-riċerka, u anke jipprovdi xi dettalji tiegħu personali, u kopja tal-formola tal-informazzjoni li tqassmet lill-parteċipanti.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100142
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2022
Dissertations - FacArtMal - 2022

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
22BAMAL012.pdf
  Restricted Access
2.28 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.