Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100152
Title: Is-sengħa tat-tapizzar u t-terminoloġija tagħha
Authors: Hili, Maria (2022)
Keywords: Upholstery -- Malta
Maltese language -- Glossaries, vocabularies, etc.
Issue Date: 2022
Citation: Hili, M. (2022). Is-sengħa tat-tapizzar u t-terminoloġija tagħha (Bachelor's dissertation).
Abstract: Il-Kontribut tat-Teżina : Sa minn età żgħira ħassejt fija rabta kbira mal-lingwa Maltija u ma’ dak kollu li jagħmilna Maltin. Iżda meta bdejt nitfarfar, fija nibtet ukoll imħabba lejn is-snajja’, b’mod speċjali lejn it-tapizzerija, peress li minn dejjem naf lil missieri jipprattika s-sengħa ta’ tapizzar. Għalhekk din il-kwotazzjoni ħelwa, u jkolli ngħid li maż-żmien, verament bdejt nifhem kemm hija minnha. Inħoss li huwa importanti li nkomplu nkabbru t-tradizzjonijiet u s-snajja’ u ma nħalluhomx jintilfu bit-traskuraġni. Sfortunatament, is-sengħa tat-tapizzar hija sengħa li maż-żmien qed tintilef. Dan il-biża’ kompla jħeġġiġni biex naħdem ħalli f’din it-teżina nipprova niddokumenta s-sengħa tat-tapizzerija u nagħti stampa ċara ta’ min hu t-tapizzar, u x’jagħmel, sabiex inkun tajt il-kontribut tiegħi biex din is-sengħa ma tintilifx għalkollox. Nixtieq nuri s-sbuħija ta’ kif, bi ftit affarijiet, materjali u għodod sempliċi, il-ħaddiem Malti kien kapaċi joħloq prodotti ferm sbieħ u utli, li jintużaw minn bosta nies ta’ kuljum, li forsi lanqas biss jintebħu bihom. Għamilt ħilti biex ġbart l-informazzjoni kollha li sibt – li fis-sewwa ma kinitx ħafna – minn kitba, ritratti u vidjows, u ltqajt għal darba tnejn mal-ftit tapizzara li fadal u ħadt mingħandhom kull informazzjoni li stajt. Minn din ir-riċerka wieħed jista’ jara li din hija sengħa qadima li, għalkemm bħal snajja’ oħra m’għadhiex imfittxija bħala karriera, xorta għadha mitluba mill-klijenti biex tagħtihom il-kumdità u d-dehra sabiħa f’darhom. Ippruvajt ukoll insegwi kif l-element modern intgħaġen mat-tradizzjonali, f’soċjetà li maż-żmien inbidlulha mhux biss il-possibiltà finanzjarja imma wkoll il-gosti u l-modi. L-akbar xewqa wara l-għażla tiegħi hija li, bħalma għamlu diversi studenti tal-Malti qabli, ix-xogħol tiegħi jkompli jiġbor il-vokabolarju tas-snajja’ Maltin, u li xogħli jdakkar riċerkaturi oħra warajja, b’risq il-wirt kulturali Malti. Personalment, inħoss ukoll li b’hekk se nkun qed inrodd lil din is-sengħa sabiħa mqar ftit mid-dejn li għandi lejha, ladarba permezz tagħha jiena ħadt it-trobbija u l-edukazzjoni tiegħi. It-Tqassim tat-Teżina: Din it-teżina se tistħarreġ diversi aspetti, fosthom l-għodod, il-materjali u l-proċessi tas-sengħa, li kull wieħed se jkollu taqsima għalih. Fl-ewwel kapitlu introduċejt lill-qarrej għal din is-sengħa, u ħarist lejn it-tifsiriet differenti tal-kelma u d-deskrizzjonijiet differenti tagħha kif insibuhom fid-dizzjunarji. Imbagħad tajt ħarsa ħafifa lejn is-sengħa fiex tikkonsisti u xi jsir fiha. Fit-tieni kapitlu mbagħad għamilt ir-riċerka prattika tiegħi. Din ħadet is-sura ta’ intervisti ma’ tmien tapizzara mqassmin bejn Malta u Għawdex u ma’ ħajjata waħda, sabiex niġbor informazzjoni aktar vasta. Ġbart biżżejjed informazzjoni li kont kapaċi nagħti l-profil professjonali ta’ kull informant kif ukoll il-fehmiet tagħhom dwar is-sengħa u l-futur tagħha. It-tielet kapitlu huwa ddedikat lill-proċessi, u fih tajt informazzjoni dettaljata dwar kif jinħadmu ċerta prodotti għand it-tapizzar illum. Madankollu, saret ħafna referenza anke għal kif kienu jinħadmu ċerta prodotti dari, u l-bidliet li saru maż-żmien bil-għajnuna tal-iżviluppi fit-teknoloġija u l-bidliet kbar fil-mezzi u l-gosti tal-klijenti. Fir-raba’ kapitlu l-qarrej għandu jsib dak li għalija wkoll huwa l-qofol ta’ din it-teżina, il-glossarju, xogħol li bnejt bil-mod il-mod matul dan l-istudju. Bdejt billi tajt deskrizzjoni ta’ kif inhuwa mqassam, biex inħaffef ix-xogħol ta’ min se jikkonsultah. Il-glossarju huwa mqassam b’tali mod li min jikkonsulta terminu partikolari għandu jsib l-informazzjoni kollha marbuta miegħu. Biex inħaffef aktar ix-xogħol lil min jikkonsulta l-glossarju u ma jkollux idea tat-tifsira ta’ kwalunkwe terminu – materjal, għodda, makkinarju jew prodott – qegħdin jidhru mħalltin iżda f’ordni alfabetika, bil-kategorija ta’ kull terminu tidher fi xkaffa apposta fid-deskrizzjoni tiegħu. B’hekk ir-riċerkatur m’għandux għalfejn ikun jaf minn qabel in-natura tat-terminu li jkun qiegħed ifittex. Nixtieq niċċara punt dwar għadd ġmielu ta’ oġġetti partikolari, l-aktar għodod moderni, li llum ħafna tapizzara, imqar jekk ikollhom kelma Maltija, jirreferu għalihom b’kelma ta’ nisel Ingliż, li aktarx tkun daħlet sew fil-Malti. Filwaqt li minn banda xtaqt nikkonserva u nwassal il-kelma tradizzjonali, mill-banda l-oħra ħassejt li ma stajtx nagħlaq għajnejja u nħalli barra tant influwenza lingwistika li qiegħda attiva u reali fostna. Għalhekk, dawn huma termini li jien qiegħda ndaħħalhom fix-xogħol għaliex huma l-kliem li jintuża mill-ħaddiem Malti u Għawdxi. Għall-fedeltà ta’ din it-teżina, ma nistax nuża kliem ieħor. Qed nagħmel dan, għaliex qiegħda nipprova nkun preċiża kemm nista’ fit-termini li jintużaw waqt il-ħidma. Biex nagħti żewġ eżempji, tul it-teżina nagħmel użu mill-kliem ‘kaver’ u ‘frejm’. Minflok dawn ma nistax ngħid ‘għata’ u ‘qafas’ rispettivament, għaliex ma nħossx li nkun fidila, la lejn is-sengħa u lanqas lejn il-lingwa stess li qiegħda niddeskrivi. Fl-appendiċi wieħed jista’ jsib għadd ta’ dokumenti li jagħtu xhieda primarja tal-ħidma li wasslet għat-teżi, fosthom it-traskrizzjoni tal-intervisti mal-informanti, li wieħed jista’ jisma’ wkoll fil-verżjoni rrekordjata li qed titwassal mat-teżi.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100152
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2022
Dissertations - FacArtMal - 2022

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
22BAMAL014.pdf
  Restricted Access
11.08 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.