Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100161
Title: Il-figura politika fil-lirika ta’ Oliver Friggieri
Authors: Pace, Romilda (2022)
Keywords: Friggieri, Oliver, 1947-2020 -- Criticism and interpretation
Maltese literature -- 20th century
Maltese literature -- 21st century
Maltese literature -- Political aspects
Allusions in literature
Issue Date: 2022
Citation: Pace, R. (2022). Il-figura politika fil-lirika ta’ Oliver Friggieri (Bachelor's dissertation).
Abstract: Din it-teżina se tistħarreġ tliet mekkaniżmi letterarji li bihom Oliver Friggieri jsawwar il-profil tal-politiku Malti, u kif joħloq djalettika bejn id-diskors tal-politiku u d-diskors ta’ poeta li jassumi l-qagħda ta’ kuxjenza nazzjonali. L-analiżi għandha l-għan tberraħ il-viżjoni tal-awtur favur ambjent soċjopolitiku aktar armonjuż, ġenwinament uman, u sinċier flempatija tiegħu mal-ħtiġiet fundamentali tal-poplu. Matul din il-mixja argumentattiva, se neżamina l-kuxjenza poetika ta’ Friggieri u nispjegaha bħala sensibilità rappreżentattiva u empatika li tiddramatizza l-inġustizzji, l-episodji vjolenti, u l-istaġnar tas-sistema politika. F’din it-teżi, se nfittex li nagħti prova tax-xhieda ġewwiena testwali bi stħarriġ analitiku tal-poeżiji magħżula mill-antoloġija ‘Il-Poeżiji Miġbura’. F’dan l-istudju se jsiru wkoll referenzi supplimentari għan-narrattiva tal-awtur, primarjament ir-rumanz ‘Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri’, il-ġabra ta’ novelli ‘Fil-Gżira Taparsi Jikbru l-Fjuri’, u l-awtobijografija ‘Fjuri li ma Jinxfux 1995-1990’ bħala ġeneri oħra li nħoss li jagħtu dewqiet diversi tal-motif politiku fil-liriku tiegħu. Ngħidu aħna, siltiet magħżula mir-rumanz se jkunu qegħdin jikkonfermaw il-preferenza artistika tal-awtur għal tekniki bħall-allużjoni, li finalment isservi bħala evalwazzjoni tal-perċezzjonijiet tradizzjonali tal-poplu Malti. Min-naħa l-oħra, is-siltiet awtobijografiċi magħżula se jartikulaw b’mod espliċitu s-sensibilità politika tiegħu mwassla b’modi aktar indiretti u insinwattivi fil-poeżija. Il-metodoloġija ta’ din ir-riċerka hija bbażata, fundamentalment, fuq tlaqqigħ reċiproku ta’ analiżi kritika u riċerka teoretika dwar it-teknika studjata f’kull kapitlu, interazzjoni bejn lingwaġġ poetiku u tekniku li għandu jkun strumentali għall-iżvolġiment analitiku tiegħi u t-tisħiħ tal-konklużjonijiet li nasal għalihom. Għalhekk, f’dan l-istudju se ninseġ ħjut argumentattivi dwar il-leitmotif politiku bħala suġġett rikorrenti ta’ Friggieri ma’ ħjut oħra ta’ diskors tekniku bħala stħarriġ tal-mekkaniżmi li jwettqu dan it-topos. Skop ieħorħ li ħeġġiġni nirriċerka l-perspettivi infurmati ta’ bosta teoristi huwa sabiex niddistingwi bil-preċiżjoni tal-lingwaġġ speċjalizzat bejn xejriet letterarji mrikkbin fuq jew mislutin minn xulxin, bħalma huma l-allużjoni u l-intertestwalità, l-antiteżi u l-ossimoro, jew l-ironija u s-sarkażmu. Din is-sinerġija bejn il-poeżija u t-teorija hija konverġenza bejn arti li kontinwament taħbi l-inferenzi tagħha u teorija li tikxef il-merti evokattivi tal-mekkaniżmi poetiċi u li allura tippermettili nifli l-lirika sal-grad ogħla ta’ perċezzjoni li toffri. Finalment, l-għan ta’ din it-teżi huwa li permezz ta’ teoriji relevanti niddiskuti bi profondità xierqa l-aspetti figurattivi li jseddqu r-relazzjonijiet problematiċi tal-kelliem liriku mal-Ieħor li, meta huwa politiku, qajla jikkorrispondi miegħu b’mod paċifiku. F’din it-teżina nikkonsulta wkoll it-teżi ta’ Wayne Farrugia dwar il-kostruzzjoni tan-nazzjon applikat fuq il-lirika ta’ Oliver Friggieri, riċerka relevanti għax, minkejja li ma tittrattax it-tema politika bħala tmiem fiha nfisha, toffri l-isfond, il-kuntest, jew il-qagħda ġenerali tas-sitwazzjoni politika li l-poeta qed jirreferi għaliha. Dan l-istudju jgħinni nispjega d-dinja Maltija li fiha l-figura politika, kif mibnija bl-għodod poetiċi ta’ Friggieri, sabet post ċentrali. Permezz ta’ dan l-istudju u sorsi sekondarji oħra, ngħidu aħna, it-teżijiet ta’ Beverly Agius, Maria Agius, u Marja Piccinino nikkonsolida l-argumenti tiegħi dwar l-indirizz, il-leħen liriku, u l-kunċett tan-negazzjoni, fost aspetti oħra. Fit-tieni kapitlu, il-perspettivi teoretiċi li stabbilixxew diversi studjużi dwar it-teknika poetika tal-allużjoni se jiġu kkuntestwalizzati f’poeżiji bħal “L-Akbar Mass Meeting: Listejjer li rrakkontawli l-uċuħ huma u mexjin wara d-Duluri” u “Minn fuq il-Golgota Tiegħi: Il-kelma ta’ Raymond,” li fihom Friggieri jirrikorri għal xejriet espressivi u simboliċi meħudin minn sorsi testwali (simboli bibliċi), kulturali (il-konfront bejn il-letterarjetà u l-utilità, l-istratifikazzjoni soċjali bejn il-klassijiet, l-element reliġjuż), jew diskursivi (irrettorika) sabiex iġeddidhom u jassimilahom mill-ġdid. Il-kontribut teoretiku se jwassalni sabiex nistudja fost l-oħrajn kif il-figura ta’ Kristu sikwit tiġi imposta fuq il-figura tal-politiku Malti, u għaliex il-mexxej morali li Friggieri jirrikorri għalih huwa r-Redentur aktar milli l-politiku. F’dan ir-rigward, nistaqsi: x’għandhom l-istess u differenti fil-manifesti tagħhom Kristu u l-politiku, u għaliex tal-ewwel jifdina mill-iżbalji tat-tieni? It-tielet kapitlu ta’ din it-teżina jinvestiga l-ispazju interattiv tas-sejħa poetika kostitwita minn vuċi lirika individwali, kollettiva, awtobijografika, jew insostanzjali akkumpanjata mill-preżenza rispostuża jew siekta tal-Ieħor. Dawn il-mumenti interattivi, imwettqa jew tentattivi, iberrħu multipliċità ta’ perspettivi dwar il-figura politika preżenti jew mistħajla. F’dan l-istadju nipproċedi bl-analiżi tal-indirizz liriku bħala markatur tal-intimità, l-iskumdità, u l-urġenza tal-kelliem liriku sabiex jidħol f’interlokuzzjoni wiċċ imb wiċċ mas-semmiegħ u jindikalu n-nuqqasijiet, id-dnubiet, it-tolleranzi, u l-konformiżmu li jipprattika. Imbagħad, l-istħarriġ analitiku tal-poeżiji eliġijaċi – ngħidu aħna, “Jien Xitla li se Tinbet: Il-kelma ta’ Karin” u “Werqa fl-Album ta Raymond” – iwassalni sabiex nistudja l-insostanzjalità fl-interventi elużivi u spiritwali ta’ wħud mill-kelliema liriċi ta’ Friggieri, preżenzi intanġibbli u enimmatiċi li jitilfu xi ftit mill-konkretezza li kellhom darba fl-imgħoddi qabel ma nsterqitilhom mis-sistema politika. Wara ngħaddi għall-istħarriġ tad-djalogu dirett bejn żewġ entitajiet asimmetriċi fil-poeżija “Il-Poeta u l-Politiku,” speċifikament bejn il-Jien liriku u l-Ieħor kollettiv, teknika li b’diskors informali tikxef ilħsibijiet ġewwiena taż-żewġ interlokuturi. Mill-banda l-oħra t-teorija rriċerkata fl-aħħar kapitlu dwar l-ironija, l-antiteżi, u l-ossimoro se tgħinni fil-kritika tal-binarju bejn konfrontazzjoni u konsolazzjoni, bini u ħatt tal-Jien, reżistenza u rivoluzzjoni, jew ħajja u mewt. L-għodod mistħarrġa fit-tieni u fit-tielet kapitlu – l-allużjoni u l-vuċi lirika – servew bħala bażi għal dan il-kapitlu fil-kuntesti varji kollha tiegħu, speċifikament fit-taqsima ddedikata lill-ironija għaliex din wessgħet aktar l-orizzonti analitiċi tal-lirika Friggierjana. B’relevanza partikulari għat-taqsima tal-ironija, dan il-kapitlu jikkonsulta wkoll diversi studji rispettivi ta’ studjużi stabbiliti, fosthom D. C. Muecke bit-teorija tiegħu dwar l-ironija bħala preżentazzjoni impliċita tar-rassenjazzjoni, tad-disprament, u tal-korla. Minn hawnhekk, nipproċedi għall-analiżi tal-arranġament antitetiku bħala qafas ġenerali li, effettivament, jaqbad l-inkongruwenzi, il-paradossi, u t-tensjonijiet kollha kemm tal-persona, kif ukoll tal-figura politika. Minħabba li kemm l-antiteżi, kif ukoll l-ossimoro jikkonsistu fi tqegħid biswit xulxin ta’ żewġ termini, ideat, jew suġġerimenti bħala effett ta’ kuntrast, u allura huma sfumaturi tal-istess kunċett, il-qari sostanzjali dwarhom se jkun qed joffri stampa iżjed speċifikata u dettaljata tad-distinzjonijiet bejniethom skont ir-relevanza tagħhom għall-analiżi tat-test. L-ironija hija kategorija ftit usa’ (li tinkorpora fiha ħafna tipi: ironija drammatika, ironija Sokratika, ironija tas-sitwazzjoni, ironija verbali, u l-bqija) li madanakollu xorta waħda hija bbażata, fundamentalment, fuq il-kuntrast bejn kelma li tingħad u suġġeriment oppost jew tal-inqas diskrepanti mit-tifsira normali tal-kelma mistqarra. Għalhekk, it-tliet tekniki għandhom element komuni fil-kuntrast jew id-diskrepanza bejn dak li qed jingħad u dak li jingħad ħdejh (antiteżi, ossimoro) jew dak li qed jiġi implikat (ironija).
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100161
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2022
Dissertations - FacArtMal - 2022

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
22BAMAL017.pdf
  Restricted Access
1.22 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.