Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100168
Title: In-nom tal-aġent u n-nom tal-għodda fil-Malti
Authors: Zammit, Francesca (2022)
Keywords: Maltese language -- Grammar
Maltese language -- Parts of speech
Maltese language -- Noun
Grammar, Comparative and general -- Agent nouns
Maltese language -- Suffixes and prefixes
Issue Date: 2022
Citation: Zammit, F. (2022). In-nom tal-aġent u n-nom tal-għodda fil-Malti (Bachelor's dissertation).
Abstract: Din it-teżina, li tittratta n-nom tal-aġent u n-nom tal-għodda fil-Malti għandha żewġ għanijiet. L-ewwel għan hu li noħloq ġabra tan-nom tal-aġent u n-nom tal-għodda fil-Malti, kemm dak introflessiv, jiġifieri li jaħdem bl-għerq u l-forma, kif ukoll dak konkatenattiv, jiġifieri dak li jifforma permezz taz-zokk u s-suffiss. Din l-informazzjoni se tinġabar primarjament mid-dizzjunarju ta’ Aquilina. It-tieni għan huwa li nanalizza l-forom u s-suffissi tan-nomi tal-aġent, u nara kif jintrabtu man-nomi tal-għodda u ma’ xi kategoriji grammatikali oħra. Fl-ewwel parti tal-istudju tiegħi ndur iż-żewġ volumi tad-dizzjunarju Malti-Ingliż ta’ Aquilina u f’tabella nniżżel kull nom tal-aġent u tal-għodda li jaħdem bis-sistema introflessiva u konkatenattiva. Minkejja li ħafna drabi jkunu mmarkati bħala nomi tal-aġent, hemm ukoll każijiet, speċjalment ta’ nomi konkatenattivi, li Aquilina ma jimmarkahomx bħala nomi talaġent, u b’hekk ikolli neżamina kull lemma b’iżjed reqqa sabiex inkun żgura li ma nħalli l-ebda forma jew suffiss barra. Tajjeb ngħid li ħafna mill-forom miġburin, l-aktar dawk li jinħadmu bis-sistema introflessiva, maż-żmien ma baqgħux jintużaw, inkella jista’ jkun li nħolqu minn xi lessikografi li jagħtu nomi msawrin skont il-mudelli morfofonoloġiċi tal-lingwa iżda li mhux żgur ikunu qatt intużaw mill-kelliema. L-għan l-ieħor tat-teżina nilħqu billi neżamina n-nomi tal-aġent li huma miġburin fit-tabelli u nara liema forma u suffiss jieħdu, liema jintużaw l-iżjed u liema minnhom għadhom l-iżjed produttivi fil-Malti. Apparti minn hekk, nanalizza l-plural tagħhom, u nitkellem ħafna fuq ir-rabta tagħhom man-nomi tal-għodda. Din it-teżina hija maqsuma f’erba’ kapitli. L-ewwel kapitlu huwa l-ħarsa kritika li jinqasam fi tnejn. Fl-ewwel parti nitkellem dwar kif jiffurmaw in-nom tal-aġent u n-nom tal- għodda, in-nom tal-aġent fl-Għarbi u fit-Taljan, u n-nom tal-aġent u n-nom tal-għodda użati mit-tfal. Fit-tieni parti nispjega li n-nom tal-aġent fil-Malti jifforma permezz tas-sistema introflessiva u konkatenattiva, u sa ċertu punt bil-binja ta’ u l-artiklu u nom. Fl-aħħar parti ta’ dan il-kapitlu nsemmi wkoll il-partiċipju attiv u t-tipi kollha li joħorġu minnu. Nagħmel dan minħabba l-fatt li xi grammatiki jxebbhu n-nom tal-aġent mal-partiċipju attiv, iżda f’din itteżina nagħmel distinzjoni bejniethom. It-tieni kapitlu huwa dak tal-metodoloġija li fih nispjega kif inhi mqassma l-ġabra u nitkellem dwar il-proċess li ħdimt bih sabiex fl-aħħar stajt noħroġ bl-analiżi u nilħaq l-għan ewlieni. It-tielet kapitlu huwa l-ġabra kemm jista’ jkun sħiħa tan-nomi tal-aġent, l-aġġettivi tal-aġent, u n-nomi tal-għodda miġburin mid-dizzjunarju ta’ Aquilina. Il-ġabra hija maqsuma f’għoxrin tabella. L-ewwel nippreżenta n-nomi tal-aġent u noħloq tabelli separati għan-nomi introflessivi trilitteri (sħaħ, torox, xebbihin, moħfijin, nesqin), kwadrilitteri (sħaħ u neqsin) u għan-nomi konkatenattivi, imbagħad nagħmel l-istess għall-aġġettivi tal-aġent u għan-nomi tal-għodda. Ir-raba’ kapitlu jippreżenta l-analiżi tar-riżultati, u fih niddiskuti l-metodi possibbli li bihom jiffurmaw in-nom tal-aġent u n-nom tal-għodda. In-nomi nisseparahom skont il-forma jew iz-zokk u skont jekk humiex trilitteri jew kwadrilitteri, sabiex ir-riżultati jagħtuna stampa iktar ċara. Nitkellem ukoll dwar fatturi oħra li joħorġu mill-ġabra, bħall-polisemija ta’ forom u suffissi, il-bidla fil-ġens, u l-integrazzjoni ta’ kliem mir-Rumanz u l-Ingliż. Apparti minn hekk, f’dan il-kapitlu nagħti wkoll in-numru totali tan-nomi tal-aġent, tal-aġġettivi tal-aġent, u tannomi tal-għodda li huma miġburin mid-dizzjunarju ta’ Aquilina. Fl-aħħar kapitlu nippreżenta l-konklużjoni u nitkellem dwar is-sejbiet li ħarġu mit-teżina, u finalment nagħti xi suġġerimenti ta’ xogħlijiet marbutin man-nom tal-aġent li jistgħu jsiru fil-futur.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100168
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2022
Dissertations - FacArtMal - 2022

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
22BAMAL019.pdf
  Restricted Access
3.08 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.