Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120148| Title: | Xbihat figurattivi tal-flora Maltija f’Dun Karm |
| Authors: | Cassar, Ylenia (2023) |
| Keywords: | Karm, Dun, 1871-1961 -- Criticism and interpretation Maltese poetry -- 20th century Plants in literature Maltese language -- Metonyms Maltese language -- Analogy |
| Issue Date: | 2023 |
| Citation: | Cassar, Y. (2023). Xbihat figurattivi tal-flora Maltija f’Dun Karm (Bachelor's dissertation). |
| Abstract: | Dan l-istudju se jittratta x-xbihat figurattivi tal-flora Maltija fil-poeżiji ta’ Dun Karm. Lgħan ewlieni huwa li jingħaraf kif Dun Karm, fil-poeżiji tiegħu, juża diversi forom ta’ figurazzjoni (bħall-metafori, il-metonimiji, is-similitudnijiet u l-analoġiji) biex waqt li jagħti stampa pittoreska tal-pjanti Maltin, jirrappreżenta sentimenti u temi bħall-eżistenza, ilmoralità, ir-relazzjoni umana mad-divin, is-sens ta’ tajjeb fil-ħajja mgħixa qalb ir-raba’, u lkreattività ta’ Alla. Jeżistu diversi studji li analizzaw in-natura fil-poeżiji ta’ għadd ta’ poeti Maltin, fosthom In-Natura fil-Poeżija Romantika, teżi tal-BA (Unuri) ta’ Karen Haber u IxXbihat Naturali fil-Poeżija ta’ Marjanu Vella, teżi oħra tal-BA (Unuri) ta’ Charlon Xuereb. Iżda, l-elementi veġetattivi - flimkien mal-proċessi ta’ kultivazzjoni u ħsad, ix-xejriet klimatiċi favorevoli jew le, l-ilwien tal-ward, u bosta xejriet oħra tal-flora Maltija - ma ġewx analizzati għall-qawwa figurattiva tagħhom fil-poeżiji ta’ Dun Karm. Għalhekk, it-tieni għan huwa li tteżi tittratta l-iċken elementi ta’ flora (fosthom il-weraq, il-fjur u z-zkuk), il-forzi tan-natura li jaffettwaw ix-xtieli (pereżempju ir-riħ u x-xemx), il-vantaġġi sensorji (is-smigħ, il-vista, ixxamm, it-togħma, u l-ħass) li jinkisbu mid-dinja tal-flora, u l-figuri umani assoċjati mad-dinja rurali u pastorali (il-bidwi u r-ragħaj) mimlijin b’suġġerimenti u inferenzi dwar il-qagħda umana, speċjalment il-mortalità. Motiv ieħor għall-għażla tal-flora Maltija bħala motif poetiku Dunkarmjan huwa l-abbundanza nnifisha tax-xbihat veġetattivi għal dilemmi reliġjużi, morali, eżistenzjali, kif ukoll għas-sens ta’ riġenerazzjoni, iċ-ċikli tal-ħajja fin-natura mħaddma poetikament għal ġo suġġeriment dwar il-ħajja ta’ dejjem lil hinn minn din iddinja. B’hekk f’dan il-motif ta’ flora se jintwera l-paralleliżmu bejn il-proċessi tax-xitla li tinsab fl-ambjent Malti u l-avventuri ġenwina tar-ruħ poetika, ta’ sensibilità reliġjuża u morali fil-poeta. Is-siwi ta’ din it-teżi jinsab fil-konċentrazzjoni tagħha fuq motif poetiku naturali wieħed li għandha profondità spiritwali ikbar mid-dehra sempliċi ta’ pjanti, ward u frott filpajsaġġ Malti. Dan l-interess botaniku jintwera fil-poeżiji ta’ Dun Karm anki mill-għażla talaġġettivi u l-verbi li jkomplu jelaboraw, figurattivament daqskemm emozzjonalment, innomi tal-flora lokali. Uħud mill-poeżiji tiegħu se jeħtieġu attenzjoni lejn kif jitrabbew lgħelejjel lokali, bħala suġġeriment ta’ safa, sbuħija, fertilità, u ġenwinità fil-ġisem daqskemm fir-ruħ. Iżda se jintwera wkoll kif drabi oħra x-xbihat tal-flora jissuġġerixxu l-ansjetà, issolitudni, is-sofferenza u l-konfużjoni tal-poeta li jipprova jsib tweġibiet għall-mistoqsijiet eżistenzjali tiegħu dwar ħajja mimlija assurditajiet. B’hekk ix-xbihat veġetattivi jservu lillpoeta bħala espożizzjoni esterna u konkreta ta’ movimenti interjuri li weħidhom ma jinftehmux. Dan għandu jkun ta’ benefiċċju għal dawk ir-riċerkaturi li jixtiequ janalizzaw f’iżjed profondità il-mod kif id-dinamika inviżibbli tar-ruħ lirika tikseb taħrik viżibbli f’elementi naturali familjari, bħall-pjanti Maltin f’kuntest poetiku Malti. It-teżi se tinqasam fi tliet kapitli separati, li fosthom l-ewwel wieħed se jiddiskuti tteoriji ta’ wħud mill-filosfi u l-kittieba tal-Eżistenzjaliżmu, bħal Søren Kierkegaard (1813- 1855), Fyodor Dostoyevsky (1821-1881), Friedrich Nietzsche (1840-1900), Martin Heidegger (1889-1976), Jean-Paul Sartre (1905-1980) u Albert Camus (1913-1940). Mill-ħsibijiet ta’ dawn il-persunaġġi, se jinftiehem iżjed kif il-poeta b’mod figurattiv jorbot is-sentiment uman f’ħajja mortali max-xbihat veġetattivi. B’hekk se jiġi analizzat kif l-ansjetajiet eżistenzjali, bħall-mewt tal-għeżież tal-poeta u l-biża’ mill-mewt tiegħu stess, jissarrfu fiċ-ċiklu veġetattiv li wkoll juri tbandil assurd bejn ħajja u mewt, kif jixhdu d-dell tal-weraq jew tal-widien li sikwit jirriflettu l-luttu fil-poeta. Hekk ukoll se jiġi argumentat kif Dun Karm jesperjenza l- ansjetà u l-paradossi tal-ħajja f’mumenti ta’ kriżi spiritwali implikati mill-anoloġiji, millmetafori, mis-similitudnijiet u minn forom oħra ta’ figurazzjoni bix-xbihat veġetattivi. Finalment, se jiġi diskuss kif għall-ansjetajiet tal-ħajja l-poeta jirnexxilu jsib konsolazzjoni mill-istess pajsaġġ Malti li jkun offra xbihat veġetattivi ta’ dekadenza u mewt. B’hekk is-siwi ta’ dan il-kapitlu huwa li x-xbihat tal-flora f’Dun Karm dejjem issibhom fi żvilupp jew f’moviment lejn it-tmiem jew lejn l-irxuxtar tal-ħajja. Bihom il-poeta jirnexxilu jaqbad stadji differenti tal-bniedem mortali. Kapitlu ieħor se jiffoka fuq il-flora bħala simbolu ta’ twemmin u sensibilità morali. Se jiġu ttrattati l-ħsibijiet morali tal-filosfi Jean-Jacques Rousseau (1712-1778) u Søren Kierkegaard (1813-1855), flimkien ma’ ideat oħra bħat-teorija tal-Kmand Divin. It-tliet stadji tal-ħajja fil-ħsieb ta’ Kierkegaard se jiġu mqabbla stadji simili fil-ġlieda ta’ Dun Karm bejn ittwemmin u l-loġika. Iżda bħalma jingħad minn Kierkegaard, għal Dun Karm tirbaħ finalment il-qabża tal-fidi għamja. Dan il-ħsieb filosfiku jintwera permezz tal-elementi tan-natura li jirrappreżentaw l-impenn ta’ Dun Karm biex jegħleb il-biża’ mill-mewt. Minbarra dan, se jintwera wkoll kif l-għelejjel jiksbu valur metaforiku rappreżentattiv tal-karatteristiċi moralment tajbin tal-bdiewa sinċiera, onesta u bieżla. Għalhekk, il-bdiewa bħallikieku jiksbu forza spiritwalment u fiżikament sana mill-prodotti tagħhom. Dan il-kapitlu se jiffoka wkoll fuq it-taqbida bejn l-oskurità u l-illuminazzjoni spiritwali, id-dlam u d-dawl li bħala fenomeni fiżiċi huma kruċjali għall-veġetazzjoni li tiġġieled sabiex tassorbi l-fotosinteżi mix-xemx. Se jintwera kif il-poeta jsegwi l-istess taqbida biex jixħet dawl vitali fuq il-mistoqsijiet profondi tal-ħajja (il-mard, is-sofferenza, u l-mewt). Finalment, il-poeta jsib id-dawl tal-għarfien meta jirrealizza li m’hemmx raġunijiet loġiċi għaliex il-bniedem għandu jitwieled u jmut, hemm biss dawl dejjiem (f’renju ieħor) lil hinn mill-jien supperv. Madanakollu, il-qofol ta’ dan ilkapitlu huwa li l-flora Maltija figurattiva mhux biss tissuġġerixxi s-sens ta’ tajjeb iżda wkoll tinqabad bejn l-oskurità u l-illuminazzjoni, suġġestjoni tal-paradossi tal-ħajja li jirrikjedu lqabża tal-fidi. L-aħħar kapitlu se jittratta l-flora bħala sors ta’ ispirazzjoni artistika. Uħud millħsibijiet li se niffoka fuqhom huma t-teorija tal-ispirazzjoni ta’ Platun u l-istudju ta’ Shayesteh Farrokh, “Transformation of Natural Elements in Persian Art.” L-istudju ta’ Farrokh isaħħaħ l-argument ta’ kemm il-flora hija xbieha artistika rikorrenti, tant li tiġi illustrata fuq diversi forom artistiċi mill-qedem sal-lum, fosthom fuq il-fuħħar u fil-pitturi. Hekk ukoll, Dun Karm jinqeda bix-xbihat veġetattivi intrinsikament innovattivi u dejjem ispiratorji fil-ġesti produttivi tagħhom. B’hekk jiġbor għanjitu mill-ilwien vibranti, millelementi bijoloġiċi, mill-fwieħa, u mill-movimenti tal-flora Maltija, karatteristiċi li sikwit jerħu sens ta’ qawwa artistika u produttiva fihom innifishom. Minbarra dan, fil-kapitlu se tiġi analizzata l-flora bħala kreazzjoni ta’ Alla, f’kuntrast mal-ħsieb ta’ Platun li qies l-arti bħala imitazzjoni fqira tal-ideat assoluti. Għall-kuntrarju ta’ dan il-filosfu, Dun Karm qies lispirazzjoni divina bħala qawwa estetika diġà espressa mill-ħolqien veġetattiv madwaru, ilpjanti li fihom innifishom diġà kellhom il-ġest kreattiv tad-divin. Wara se jiġi analizzat kif ixxbihat veġetattivi, meqjusin bħala l-arti estetika ta’ Alla, jispiraw lil Dun Karm sabiex joħloq il-poetiċità tiegħu filwaqt li jibqa’ jagħraf il-paradossi tal-ħajja. B’hekk is-siwi ta’ dan ilkapitlu huwa l-mod kif juri li x-xbihat ta’ flora huma intrinsikament ispiratorji għaliex huma prodotti tal-kreattività suprema ta’ Alla, u allura jġorru fihom dan il-potenzjal divin ta’ produzzjoni kontinwa. […] |
| Description: | B.A. (Hons)(Melit.) |
| URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120148 |
| Appears in Collections: | Dissertations - FacArt - 2023 Dissertations - FacArtMal - 2023 |
Files in This Item:
| File | Description | Size | Format | |
|---|---|---|---|---|
| 2308ATSMAL300000013444_1.PDF Restricted Access | 1.07 MB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.
