Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120198
Title: Ir-rappreżentazzjoni tal-faqar fin-narrattiva realista
Authors: Xuereb, Naomi (2023)
Keywords: Maltese fiction -- 20th century
Realism in literature
Poverty in literature
Issue Date: 2023
Citation: Xuereb, N. (2023). Ir-rappreżentazzjoni tal-faqar fin-narrattiva realista (Bachelor's dissertation).
Abstract: F’din it-teżi nistħarreġ it-tema ewlenija tal-faqar, b’mod partikolari dak materjali, dak ekonomiku u dak edukattiv. Dawn jiġu rappreżentati fil-letteratura Maltija, b’mod speċifiku f’ħames rumanzi tas-seklu għoxrin. Nidentifika l-aspetti ewlenin li b’xi mod jew ieħor jintrabtu mat-tema tal-faqar u li jiġu rrappreżentati fil-ħames rumanzi li jien inqis bħala Realisti. Diversi kittieba, meqjusa bħala Realisti, fittxew li jirrakkontaw ir-realtajiet soċjali tas-seklu għoxrin. Dawn il-kittieba ħallew impatt kbir fuq il-letteratura Maltija, għaliex permezz ta' kitbiethom taw xhieda tal-veritajiet marbuta mal-ħruxijiet u t-tbatijiet li għaddew minnhom ċittadini Maltin li ma kinux nies prominenti u li ma kellhomx pożizzjoni privileġġjata fis-soċjetà. Dan huwa suġġett li jinteressani ħafna; għaldaqstant, ħadt din itteżina bħala opportunità biex inkompli nistħarreġ it-tema ewlenija tal-faqar materjali rrappreżentata fil-letteratura Maltija, filwaqt li żviluppajt l-għarfien tiegħi dwar il-kittieba Realisti lokali u l-kontribut tagħhom fin-narrattiva letterarja Maltija tas-seklu għoxrin. F’din it-teżina niffoka fuq numru ta’ testi letterarji li, fi gradi differenti, jesploraw din it-tema: dawn huma r-rumanzi Ħelsien ta' Ġużè Bonnici (1939), L-Isqaq (1962) u Nirien ta’ Mħabba (1967) ta' Ġużè Chetcuti, Aħna Sinjuri ta’ J. J. Camilleri (1965) u Is-Salib tal-Fidda ta' Wistin Born (1969). Għażilt li niddiskuti propju dawn il-ħames rumanzi, minkejja n-natura varjata tagħhom, għax l-interess ewlieni tiegħi huwa l-faqar u l-mod kif dan jiġi rrappreżentat. L-ewwel parti tal-ewwel kapitlu tiddefinixxi r-Realiżmu u tanalizza minn fejn nibet u żviluppa l-moviment Realista fl-Ewropa u f’Malta. L-għan ta’ dan il-moviment imur kontra rRomantiċiżmu għaliex il-kittieba, influwenzati minn bosta avvenimenti li seħħew fis-seklu dsatax, riedu jieħdu ritratt veritier tal-ħajja li jirrappreżentaw f’xogħlijiethom. Għaldaqstant, teoristi u awturi bħal Hippolyte Taine u Edmond Duranty huma importanti biex nifhmu l-kunċett tar-Realiżmu. Filwaqt li nistħarreġ kif ir-Realiżmu affettwa lil Malta u għaliex daħal daqsekk tard, f’dan il-kapitlu niddefinixxi x’inhu l-faqar. Niffoka fuq żewġ tipi ta’ faqar: ilfaqar relattiv u l-faqar assolut u noħroġ id-differenza ta’ bejniethom. Nippreżenta t-tliet kategoriji ta’ David Brady dwar il-faqar li jintrabtu mat-teoriji tal-imġiba, it-teoriji strutturali u t-teoriji politiċi. L-enfasi tiegħi fl-aħħar parti ta’ dan il-kapitlu hija fuq irrappreżentazzjonijiet fittizji tar-realtà tal-foqra fil-letteratura lokali. Apparti li niffoka fuq lawturi lokali li nistħarreġ f’dan l-istudju u fuq kif dawn ġew f’kuntatt mal-faqar, niffoka wkoll fuq tekniki narrattivi li kittieba Realisti jużaw biex jagħtu vuċi lill-foqra. Fit-tieni kapitlu nistħarreġ mill-viċin ir-rumanzi li niffoka fuqhom fl-isfond tar-realtà storika u dak li seħħ fiż-żmien li jittrattaw. Hawnhekk nirrifletti fuq l-isfidi fil-ħajja ta’ kuljum ta’ dawk irrappreżentati bħala foqra u msejknin. Dan il-kapitlu jinqasam fi tliet partijiet: lewwel parti hija dwar in-nuqqas ta’ kumdità li tikkaratterizza l-postijiet li kienu jgħixu fihom il-karattri foqra, in-nuqqas ta’ iġjene, u d-differenza bejn il-klassijiet soċjali li tidher fl-ilbies, fid-divertiment u d-determinazzjoni; it-tieni parti tiffoka fuq il-mard u l-mewt li l-foqra ħafna drabi kellhom jiffaċċjaw u s-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu f’dan ir-rigward; u l-aħħar parti tiddiskuti l-isforzi tal-foqra biex jipprovaw jitilgħu skaluna ‘l fuq fis-soċjetà u kif l-imġiba tagħhom taffettwa lil ta’ madwarhom. L-edukazzjoni hija fattur importanti li jiddibattu miegħu ħafna mir-rumanzi Realisti fir-rappreżentazzjoni tagħhom tal-Maltin tal-klassi fqira jew baxxa. It-tielet kapitlu jagħti stampa ċara tas-sitwazzjonijiet li l-foqra kienu jgħaddu minnhom minħabba n-nuqqas ta’ edukazzjoni. Dan in-nuqqas seta’ ġie kkawżat minn diversi u se jintwerew ukoll bosta konsegwenzi li l-karattri foqra jbatu. Fuq naħa dan il-kapitlu jittratta l-imġiba baxxa, ir-rassenjazzjoni, il-fataliżmu u l-preġudizzji kkawżati min-nuqqas ta’ tagħlim u fuq in-naħa loħra jikkunsidra l-edukazzjoni bħala possibiltà biex jingħeleb il-faqar. Finalment, fir-raba’ kapitlu nesplora t-tipi ta’ xogħlijiet li l-foqra, ħafna drabi ta’ bla skola, fir-rumanzi Realisti jagħmlu, kif ukoll it-tbatija u n-nuqqas ta’ sigurtà li jgħaddu minnhom fil-post tax-xogħol. Nagħti ħarsa wkoll lejn ix-xogħlijiet differenti li l-karattri femminili jaqbdu meta jsibu ruħhom weħidhom minħabba diversi ċirkustanzi u barra minn hekk, nixħet dawl fuq kif il-karattri foqra jirreaġixxu għas-sitwazzjoni mwiegħra li jkunu fiha billi jaqgħu f’vizzji li jwasslu għal kriminalità jew jemigraw f’pajjiżi oħra bit-tama li jsibu xogħol u ħajja aħjar.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120198
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2023
Dissertations - FacArtMal - 2023

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
2308ATSMAL300005071816_1.PDF
  Restricted Access
1.16 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.