Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120255
Title: L-intensitajiet spiritwali fil-ġabra ‘Għera’ ta’ Gioele Galea
Authors: Xuereb, Marla (2023)
Keywords: Galea, Gioele, 1965- . Għera -- Criticism and interpretation
Maltese poetry -- 21st century
Spirituality in literature
Issue Date: 2023
Citation: Xuereb, M. (2023). L-intensitajiet spiritwali fil-ġabra ‘Għera’ ta’ Gioele Galea (Bachelor's dissertation).
Abstract: It-tema prinċipali mistħarrġa f’din it-teżina hija l-intensitajiet spiritwali fil-ġabra poetika ‘Għera’ tal-kittieb kontemporanju Gioele Galea. Kien proprju n-nuqqas ta’ riċerka attwali dwar dan il-kittieb versatili li mmotiva dan l-istudju dwar diversità ta’ modi kif il-lirika tista’ tapprofondixxi l-ansjetajiet tar-ruħ. Dan l-istudju jieħu, bħala kampjun rappreżentattiv ħafna tal-versatilità letterarja ta’ dan il-poeta u rumanzier, ġabra poetika waħda li fis-singularità tagħha taqbad ħafna perspettivi metaforiċi, allużivi, u allegoriċi tal-kunflitti spiritwali talpoeta, suġġett li għad irid jiġi investigat aktar mill-idjoma kritika Maltija. L-għan ewlieni ta’ din it-teżina kien li jiġu identifikati l-għodod liriċi li jħaddem Galea biex bihom jirrappreżenta l-qagħda spiritwalment intensa ta’ bniedem sensittiv għal kull oġġett madwaru, meqjus bħala ħjiel ta’ moviment tar-ruħ anki fil-banalità apparenti tiegħu. Dawn il-ħsus intensi f’ruħ il-poeta sikwit jiżvolġu fi djalogi mal-interlokutur divin jew enigmatiku, li jinħass aktar milli jidher b’mod espliċitu. Għalhekk, xi drabi l-kompożizzjoni tilgħab bejn il-bixra ta’ monologu u dik ta’ djalogu. Drabi oħra, il-kundizzjonijiet ambjentali ċirkostanti jirrendu simboli konkreti ta’ interjorità li fiha jaħbtu ħsibijiet kunfliġġenti fejn tidħol il-fidi f’Alla, jew aħjar, l-esperjenza reliġjuża qatt mitmuma. Għalhekk, din ir-riċerka tistaqsi kontinwament: X’inhuma l-kunflitti u d-dilemmi interjuri tal-poeta li jissarrfu f’inferenzi metaforiċi, f’kuntrasti ironiċi, u f’paralleliżmi analoġiċi fil-poeżija? Dawn it-tekniki letterarji u oħrajn x’iberrħu, u kif jagħmu dan, dwar qagħda spiritwalment inċerta daqskemm ġenwina? Il-metodoloġija ta’ din it-teżina hija msawra, essenzjalment, minn qari ta’ sorsi kritiċi fuq Gioele Galea, studji analitiċi dwar kitbiet letterarji oħra tal-istess xeħta tiegħu, u anki numru ta’ kotba u studji kritiċi rilevanti għall-analiżi tax-xbihat allużivi fil-ġabra. Il-qari talbijografija tiegħu għal influwenzi rilevanti kien l-ewwel stadju, iżda daqstant importanti u utli kien il-qari taż-żewġ rumanzi tiegħu ‘Tħabbat Xtaqtek: Djarju mill-Eremitaġġ’ (2017) u ‘In-Nar għandu Isem: Noti minn Paġna Intima’ (2020) li, fl-idjoma personali tagħhom, urew fejn id-dettalji bijografiċi intimi jintisġu ma’ mekkaniżmi, xbihat, u motifi letterarji mħaddma filproża daqskemm fil-lirika tiegħu. Id-diversi intervisti mtellgħin fuq pjattaformi soċjali, ngħidu aħna dawk tas-serje LELÀ: ‘Kliem u Noti u l-Bejniet u Wiċċ imb Wiċċ’, ukoll kienu utli għal din ir-riċerka, għaliex fihom Galea jagħti spjega tal-esperjenza tal-misteru li tiddomina t-testi kollha tiegħu. B’dan il-mod stajt napprezza kif il-kitbiet kollha tiegħu, meqjusin bħala espressjoni spiritwali bla qtugħ, isawru djarju wieħed intimu tar-ruħ. Fit-tieni kapitlu ta’ din it-teżi se tintwera b’mod analitiku l-ambigwità fil-kitbiet poetiċi ta’ Galea, stil ta’ espressjoni ħafna drabi maħluq minħabba l-eliminazzjoni ta’ dettalji tipikament inkorporati f’kitbiet poetiċi tradizzjonali. Bħal poeti oħra kontemporanji, Galea rarament jiddetermina l-indirizz poetiku b’kuntesti temporali u spazjali, teknika li permezz tagħha l-istqarrijiet poetiċi jibqgħu personali (tal-poeta biss) daqskemm isiru universali (indirizzati lil kwalunkwe qarrej). Minħabba li l-figura divina tipparteċipa ħafna fl-element ta’ vagezza tal-poeżija, il-kapitlu jiffoka wkoll fuq l-allużjonijet kultant sottili għad-divin, speċjalment meta l-preżenza tiegħu dejjem tinħass assenti. Xi sorsi supplementari li servew ta’ konsolidazzjoni għall-argument analitiku tar-riċerka kienu ‘The Pursuit of Signs’ ta’ Jonathan Culler u ‘Overheard Voices: Address and Subjectivity in Postmodern American Poetry’ ta’ Ann Keniston, studji li jixhdu kif l-indefinitezza tista’ tkun aspett poetiku li jagħni lesperjenza spiritwali. It-tielet kapitlu se jiffoka fuq analiżi tal-allegoriji, il-metafori, il-metonomiji u l-bqija tat-tekniki figurattivi mifruxa fil-poeżija ta’ Galea, li permezz tagħhom jirnexxilu jsarraf issensibilitajiet ta’ ruħu fi entitajiet konkreti li naħbtu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Fi kliem ieħor, l-analiżi għandha l-iskop li tħott is-saffi ta’ emozzjonijiet u movimenti spiritwali kkondensat fi stil poetiku minimalista li jikkonċentra fuq l-oġġett ta’ kuljum. Għalhekk, l-istudju se jirreferi għal xi aspetti minn diversi movimenti u teoriji letterarji mħaddma fil-poeżiji ta’ Galea, ngħidu aħna, it-teorija tal-korrelattiv oġġettiv ta’ T.S. Eliot u b’xebh magħha, it-teknika tad-defamiljarizzazzjoni ta’ Viktor Shklovsky, li permezz tagħha se jintwera kif il-banalità tal-oġġett issir stramba u twassal għal għadd mhux mistenna ta’ konnotazzjonijiet. Ir-riċerka se tidħol ukoll f’xi aspetti mill-fenomenoloġija ta’ Maurice Merleau-Ponty li jkomplu jikkonsolidaw l-aspett tal-perċezzjoni oġġettiva fil-poeżija ta’ Galea. L-istil poetiku ta’ Galea huwa mnebbaħ minn diversi xejriet tal-moviment Imaġista (kif tixhed “Ħġieġ,” l-iqsar poeżija tal-ġabra iżda wkoll l-aktar li tibdel lill-ambjent f’esperjenza epifanika). L-argument, f’din il-parti tat-teżina, jirreferi wkoll għal aspetti fundamentali tal-Imaġiżmu u l-Vortiċiżmu, kif żviluppati mill-poeta-kritiku Ezra Pound. Fir-raba’ kapitlu, din it-teżina tevalwa l-motif predominanti tal-għera (evidenti saħansitra mit-titlu stess tal-ġabra lirika). Se tanalizza x’tip ta’ għera hi: jekk hijiex korporali, spiritwali, verbali, topografika - jew dawn kollha f’mixja lirika waħda. Fuq kollox, se tanalizza wkoll il-kawżi ta’ din il-qagħda ta’ għera dominanti fil-poeżiji ta’ din il-ġabra. Għal din il-parti, l-istudju se jiġi kkonsolidat minn diversi testi reliġjużi, fosthom il-konfessjonijiet ta’ Santu Wistin u l-kitbiet ta’ San Ġwann tas-Salib. Barra minn hekk, l-argument analitiku jirrikorri wkoll għat-teżi ta’ Pierina Mercieca, xi studji kritiċi ta’ Andrew Sciberras dwar Galea, u anki xi aspetti filosofiċi ta’ Ludwig Wittgenstein, Emmanuel Levinas, u Martin Heidegger. B’dawn il-perspettivi kritiċi, dejjem magħżulin f’korrispondenza max-xejriet poetiċi ta’ Galea, il-qarrejja għandhom jagħrfu aħjar id-dinamika kunfliġġenti tas-sensibilità lirika ta’ dan il-poeta, li sikwit irreġistra l-movimenti interjuri ta’ ruħu f’poeżija konċiża iżda mimlija teknika li tipproblematizza l-esperjenza reliġjuża.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120255
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2023
Dissertations - FacArtMal - 2023

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
2308ATSMAL300005072718_1.PDF
  Restricted Access
1.05 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.