Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/130107
Title: L-illokuzzjoni u l-perlokuzzjoni fil-poeżija ta’ Nadia Mifsud
Authors: Stagno, Lara (2024)
Keywords: Maltese language
Poetry -- Malta
Semantics (Philosophy) in literature
Mifsud, Nadia, 1976-
Issue Date: 2024
Citation: Stagno, L. (2024). L-illokuzzjoni u l-perlokuzzjoni fil-poeżija ta’ Nadia Mifsud (Master's dissertation).
Abstract: L-istudju tal-lingwa jirrikjedi sforz multidimensjonali, b’ħarsa lejn firxa wiesgħa ta’ perspettivi u teoriji li jfittxu li jifhmu l-modi sofistikati li bihom il-bnedmin jikkomunikaw. Fost dawn it-teoriji, dik tal-atti tad-diskors, żviluppata minn J.L. Austin u John Searle, b’kontribut seminali fil-qasam tal-prammatika, toffri qafas sabiex wieħed josserva aħjar kif jiffunzjonaw it-tlissiniet mhux biss biex jikkomunikaw l-informazzjoni, iżda aktar u aktar biex iwettqu l-azzjonijiet impliċiti tagħhom. Ix-xogħlijiet fundamentali ta’ Austin u Searle, How to Do Things with Words u Speech Acts: An Essay in the Philosophy of Language, jipprovdi struttura metodika għal għarfien profond dwar l-aspetti performattivi tal-lingwa, filwaqt li jistabilixxu d-distinzjoni bejn l-atti lokutorji, illokutorji u perlokutorji. Minkejja l-applikabbiltà wiesgħa tat-teorija tal-atti tad-diskors f'diversi oqsma komunikattivi, Austin u Searle kellhom atteġġjament xettiku rigward l-applikazzjoni tagħha għall-poeżija u l-benefiċċji operattivi tal-idjoma poetika, meqjusa minnhom bħala imitattiva, għax tiffoka aktar fuq ir-rappreżentazzjoni indiretta, aktar milli fuq it-twettiq dirett, tad-diskors. Din il-fehma tassumi li l-poeżija, bl-għanijiet estetiċi u evokattivi tagħha, ma twettaqx atti ta’ diskors bl-istess mod dirett bħal-lingwa ta’ kuljum. Madankollu, din il-pożizzjoni tiftaħ spazju għal dibattitu li jisfida l-konfini tradizzjonali stabbiliti mill-proponenti ewlenin ta’ din it-teorija. Din it-teżi tidħol f’dan l-ambitu argumentattiv kemm permezz ta’ riċerka vasta fix-xogħlijiet tal-proponenti nnifishom, kif ukoll bi stħarriġ f’teoristi oħra sekondarji li ħaddmu t-teoriji tagħhom b’suċċess fil-letteratura. Il-potenzjal biex it-teorija tal-att tad-diskors tibda titfa’ dawl fuq id-dimensjonijiet ġodda tad-diskors poetiku Malti huwa kbir. L-applikazzjoni ta’ din it-teorija għall- poeżija tippreżenta paradoss intrigranti għaliex, filwaqt li l-qafas teoretiku ta’ Austin u Searle jiddubita l-valur performattiv tal-poeżija, il-lirika kontemporanja frekwentament iċċajpar il-fruntieri bejn ir-rappreżentazzjoni u l-azzjoni, u b’hekk twassal għal rivalutazzjoni ta’ din il-perspettiva: . Għan prinċipali ta’ din it-teżi huwa li tindaga dan il-paradoss fil-profondità tiegħu, b’analiżi kritika tal-poeżija ta’ Nadia Mifsud. B’għadd ta’ eżempji relavanti analizzat, se jintwera kif fil-poeżija tagħha jseħħu sfumaturi tal-atti tad-diskors li jwettqu funzjonijiet aktar sottili, evokattivi, u rraffinati mill-illokuzzjoni tal-wiċċ, effetti illokutorji xejn inqas qawwija fl-operazzjoni tagħhom mill-eżempji analizzati minn Austin u Searle. Minkejja li fl-isfera internazzjonali din l-amalgamazzjoni ta’ teorija prammatika ma’ xogħlijiet letterarji ġiet mistħarrġa, minn studjużi bħal Barrie Ruth Straus, Gregory Currie, u Ted Cohen fost oħrajn, din l-applikazzjoni speċjalizzata ftit li xejn ġiet irriċerkata fil-lingwa Maltija. Il-lirika ta’ Mifsud, sikwit ikkaratterizzata mill-innovazzjoni lingwistika, figurattiva, u performattiva fl-istess stqarrija, tipprovdi n-nisġa ideali għall-investigazzjoni ta’ kif l-atti diskursivi joperaw kollettivament fil-poeżija. Il-kapitli analitiċi, mit-tielet sal-ħames wieħed, għandhom l-iskop juru l-lingwaġġ poetiku ta’ Mifsud bħala wetqa waħda konġunta ta’ atti illokutorji, reazzjonijiet perlokutorji evokati fis-semmiegħa u l-qarrejja, u timriħ suġġestiv lil hinn mill-funzjoni sempliċiment mimetika. Minkejja li l-metodoloġija tradizzjonali stabbilita mill-proponenti ewlenin tal-atti tad-diskors tixħet enfasi qawwija fuq il-kuntest bħala fattur ewlieni fil-wetqa tal-att illokutorju, b’konċentrazzjoni fuq l-użu deittiku tal-kliem u mingħajr dipendenza fuq it-tifsira astratta, din it-teżi ser tagħti sinifikat speċjali lit-terminu “kuntest”: sitwazzjoni poetikament partikulari li tagħti lill-funzjonijiet diskursivi valur performattiv ġdid, daqqiet espliċitu u drabi oħra impliċitu, speċjalment fejn il-funzjonijiet lirikament innovattivi tad-diskors jaħbtu u jinteraġixxu flimkien. Għalhekk, l-att illokutorju jew perlolutorju kkuntestwalizzat poetikament se jkun il-konċentrazzjoni ewlenija ta’ din ir-riċerka, b’metodoloġija aġġustata għall-qawwa inferenzjali u suġġestiva tal-użu liriku tal-kliem [...]
Description: M.A.(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/130107
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2024
Dissertations - FacArtMal - 2024

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
2419ATSMAL509900007950_1.PDF2.23 MBAdobe PDFView/Open


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.