Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/29875
Title: L-aspett umoristiku fi tliet drammi ta’ Alfred Buttigieg
Authors: Rodgers, Stephnie
Keywords: Maltese literature -- 20th century
Buttigieg, Alfred, 1956- -- Criticism and interpretation
Humor in literature
Issue Date: 2017
Abstract: Din it-teżina teżamina l-element komiku fi tliet drammi ta’ Alfred Buttigieg bl-iskop li mhux biss torbot magħhom il-filosofija tal-komiku li fflorixxiet minn żmien il-Griegi, imma wkoll turi li taħt il-qoxra tal-komiku hemm element serju li jirrikjedi riflessjoni. It-tliet drammi li għażilt għal dan l-istudju huma: Ir-Rewwixta tal-Qassisin (1986), Dwar Menopawsi, Minorenni u Muturi High Speed (2012), u Mela hawn xi Manikomju? (2016). Ir-raġuni għala għażilt dawn id-drammi bħala parti mill-istudji tiegħi hija għaliex huma l-aktar li għandhom elementi umoristiċi fihom fost dawk li kiteb Buttigieg. Alfred Buttigieg bħala drammaturgu interessani għall-fatt li d-drammi tiegħu huma differenti ħafna minn xulxin; b’temi u b’aspetti komiċi differenti. Huma maħdumin tajjeb ħafna u ħtieġu ħafna xogħol u ħsieb sabiex jintlaħaq tajjeb l-iskop ta’ Buttigieg. Fil-fatt wieħed jinnota li hemm qabża kbira bejn id-dati ta’ meta nkitbu. Il-kittieb stess jistqarr: “Inħoss li jekk biċċa xogħol ma toffrix sfida m’hemmx lok għalfejn wieħed għandu jiktibha. Forsi għalhekk tul laħħar tletin sena ktibt relattivament ftit xogħlijiet.” (Intervista mad-drammaturgu Alfred Buttigieg dwar Menopawsi, Minorenni u Muturi High Speed b.p.) Dan l-istudju, minbarra li jħares lejn l-element umoristiku f’dawn id-drammi, iħares ukoll lejn l-influwenzi li kellu Buttigieg biex wasal għall-kitba tiegħu. L-ewwel dramm full-length tiegħu kien proprju Ir-Rewwixta tal-Qassisin. Dan id-dramm fi dramm ittella’ l-ewwel darba fl-1986 fi żmien meta Malta kienet għaddejja minn perjodu ikrah ta’ taqlib sħiħ politiku. Dan reġa’ ttella’ għat-tieni darba fl-2005. Buttigieg, bħala wieħed li tinteressah ħafna l-istorja u li studjaha bir-reqqa, ried ifakkar lill-Maltin fatt storiku li seħħ f’pajjiżhom, filwaqt li jikkritika l-preżent u jġiegħel lill-Maltin jirriflettu fuq il-qagħda tagħhom u forsi jqumu fuq saqajhom u ma jħallux lil min imexxihom iżjed minn imneħirhom. Għalkemm kisbu l-indipendenza, u għalkemm daħlu fl-Unjoni Ewropea, jibqa’ l-fatt li l-Maltin baqgħu servili u dan ikidd ħafna lil Buttigieg. Din il-kritika d-drammaturgu joħloqha bis-satira politika; jissatirizza lill-Knisja, lill-Istat kif ukoll lill-poplu. Huwa jinqeda bir-Rettur komiku li jidher sikwit jikkoreġi lill-atturi fl-imġiba u l-lingwaġġ tagħhom, u wkoll ixewwex kontra l-Istat u l-Knisja b’ton satiriku u ironiku. Din it-teknika li juża Buttigieg hija influwenza sħiħa tad-dramm Marat/Sade ta’ Peter Weiss. Hija teknika Brechtjana. Fit-tieni kapitlu, dan l-istudju juri kif din l-influwenza tidher fl-aspett komiku fid-dramm ta’ Buttigieg. Juri kif il-kor komiku huwa wkoll jagħmel parti minn din it-teknika; jindirizza lill-udjenza bil-vrus kantanti tiegħu filwaqt li jgħaddi kummenti satiriċi u politiċi. “Il-mużika bla dubju hija tal-widna, varjata, ironika, f’xi waqtiet u li għandha tagħti gost lill-udjenza”. (Buttigieg, Ir-Rewwixta tal-Qassisin Dramm storiku mhux storiku b.p.) It-tieni dramm li ser jiġi ttrattat f’kapitlu 3 huwa Dwar Menopawsi, Minorenni u Muturi High Speed, li nħadem għall-ewwel darba b’direzzjoni ta’ Malcolm Galea. Huwa dramm influwenzat mill-film American Beauty li nħadem fl-1999 li joffri ħafna divertiment u daħk. Hu differenti għal kollox mid-dramm preċedenti għaliex l-ewwel nett, Buttigieg jiffoka fuq l-iżvilupp tal-karattri aktar milli l-istorja, prinċipalment il-karattru komiku ta’ Henry. Barra minn hekk, it-tema prinċipali hija riflessa fuq ir-realtà ta’ ħafna nies li jbgħatu mill-menopawsa. Ta’ spiss tiltaqa’ ma’ nies li jħossuhom żgħar jew jixtiequ li għadhom żgħar b’konsegwenza li jaġixxu b’mod ġovanili bħalma hi Kate u b’mod partikolari Henry ta’ dan id-dramm. Dan l-aġir jidher komiku għallħafna nies. Madankollu, il-mira ta’ Buttigieg kienet mhux biss li jdaħħaq lill-udjenza imma wkoll juri li dan huwa “stadju li kapaċi jkun traġiku daqstant komiku” (Intervista mad-drammaturgu Alfred Buttigieg dwar Menopawsi, Minorenni u Muturi High Speed b.p.). Aspett komiku ieħor li ser juri dan ix-xogħol, huwa s-satira soċjali.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/29875
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2017
Dissertations - FacArtMal - 2017

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
17BAMAL015.pdf
  Restricted Access
1.46 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.