Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/29914
Title: Leggendi Maltin marbutin mat-Torok u l-furbani : aspetti letterarji u kulturali
Authors: Sant, Elton
Keywords: Legends -- Malta
Folklore -- Malta
Pirates -- Legends
Pirates -- Turkey
Issue Date: 2017
Abstract: It-tema prinċipali f’din it-teżi tiġbor fiha leġġendi Maltin li għandhom x’jaqsmu mal-furbani, il-pirati u t-Torok. Minn mindu kont żgħir kienu jogħġbuni dawn l-istejjer peress li dawn il-kategoriji ta’ nies kienu sikwit jitfaċċaw fl-Istorja ta’ Malta li minn dejjem kienet għal qalbi ħafna. Apparti minn hekk iddeċidejt li naqbad din it-tema u dan il-ġeneru letterarju, għax meta fi tfuliti kont naqra r-rivista Sagħtar, dawn il-leġġendi kienu jkunu ppubblikati hemm u minn dejjem kelli x-xewqa li niskopri aktar fuq dawn l-istejjer. Ħaġa oħra li ħajritni nagħmel ir-riċerka fuq din it-tema hi l-kurżità li qabditni fuq ċerti postijiet storiċi bħal Għar Ħasan u xi knejjes li lkoll għandhom xi leġġenda marbuta magħhom. Is-sors primarju li fuqu hija mibnija din ir-riċerka huwa Nagħrfu l-Leġġendi Maltin ta’ Guido Lanfranco. Ir-riċerka tiegħi bdejtha billi stħarriġt xi jgħidu kittieba u studjużi Maltin u anke barranin dwar il-perspettiva li għandhom fuq il-leġġenda. Ir-raġuni ewlenija li tiġġustifika dan hija l-fatt li ħafna nies ma jiddistingwux il-ġeneru tal-leġġenda minn dak tal-ħrafa; allura ppruvajt nidħol fil-fond f’ċerti teoriji li jgħinu lin-nies jiddistingwu aħjar bejn dawn iż-żewġ ġeneri letterarji. Barra minn hekk ħriġt xi karatteristiċi li wieħed jista’ jsib f’dan il-ġeneru letterarju għax bħal f’kull ġeneru letterarju ieħor, il-leġġenda għandha l-karattri, l-episodji u n-narraturi tagħha. Peress li l-leġġendi ilhom jintirtu għal mijiet ta’ snin minn ġenerazzjoni għal oħra, awtomatikament bdew jagħmlu parti mill-kultura tagħna u eventwalment mill-folklor lokali. Għaldaqstant tajt definizzjoni ta’ x’inhu folklor u kif dawn il-leġġendi jistgħu jagħmlu parti minnu. Fit-tieni kapitlu stħarriġt xi kotba li ħarġu fuq dan il-ġeneru għax kien hemm għadd mhux ħażin ta’ awturi Maltin li wrew interess li jiġbru dawn il-leġġendi. Apparti leġġendi minn Malta u Għawdex, xi awturi ddeċidew li jiġbru xi leġġendi barranin li huma ta’ interess għall-poplu Malti wkoll. Peress li dawn il-leġġendi huma marbuta ma’ żmien partikolari, fit-tielet kapitlu ddeċidejt li nara jekk dawn il-leġġendi mistħarrġa jissemmewx fil-kotba tal-Istorja ta’ Malta u fl-istess ħin nara jekk jitqisux parti mill-Istorja ta’ Malta jew le. Fir-raba’ kapitlu qrajt bir-reqqa l-leġġendi u sibt xi karatteristiċi folkloristiċi bħal xogħlijiet tradizzjonali, postijiet storiċi u anke knejjes li juru l-fidi li fl-aħħar mill-aħħar hija parti integrali mill-karatteristiċi tal-poplu Malti. Fil-ħames kapitlu għamilt użu mid-Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji ta’ Oliver Friggieri u stħarriġt xi mekkaniżmi li jsemmu l-kritiċi u rajt jekk japplikawx fil-leġġendi mistħarrġa. Għal dan il-kapitlu għarbilt ukoll xi leġġendi mill-ktieb Il-Leġġendi ta’ Ġużè Delia bl-iskop li jintwera kif dawn ivarjaw minn dawk imsemmija minn Lanfranco. Fis-sitt kapitlu stħarriġt il-varjazzjonijiet ta’ xi leġġendi għax hemm rakkont ivarja minn awtur għal ieħor xi ftit jew wisq. Għal dan il-għan użajt kotba li l-leġġendi fihom huma miktubin f’narrazzjoni u oħrajn miktubin f’forma ta’ poeżija. Peress li hemm għadd mhux ħażin ta’ awturi li kitbu fuq leġġendi partikolari ħadt l-aktar kotba li ħsibt li kienu relevanti u importanti għal dan il-kapitlu. Finalment, fl-appendiċi preżentajt leġġendi barranin li għandhom l-istess motivi tal-leġġenda ‘L-Għar ta’ Wied Speranza’, kif ukoll tabella tat-tipoloġija tal-karattri skont Ġorġ Mifsud-Chircop u li hi bbażata fuq il-leġġendi ta’ Lanfranco.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/29914
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2017
Dissertations - FacArtMal - 2017

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
17BAMAL017.pdf
  Restricted Access
1.27 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.