Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/4172
Title: Il-makkjetta : riċetta Maltija għall-buri u l-geddum
Authors: Slattery, Kurt
Keywords: Wit and humor
Theater -- Malta
Folk songs, Maltese
Issue Date: 2011
Abstract: L-għan ta’ din it-teżi hu li nsiru nafu aktar mill-qrib ġeneru ewlieni tal-letteratura popolari, il-makkjetta. Din hija waħda mill-ewwel forom ta’ kanzunetti jew għanjiet umoristiċi Maltin, li kellha s-sehem importanti, kemm bil-kitba u kemm bir-reċtar, biex tferraħ u tiddeverti lill-poplu Malti matul bosta għexieren ta’ snin. Meta t-tutur tiegħi, il-Prof. Manwel Mifsud, indikali l-makkjetta bħala ġeneru li jistħoqqlu jiġi rikonoxxut għas-sehem importanti tiegħu, urejt interess mal-ewwel. Ftit li xejn kont naf fuq il-makkjetta iżda, meta bdejt ir-riċerka tiegħi għal dan ix-xogħol, indunajt kemm hu ġeneru vast, ġenwin u oriġinali. Billi qatt ma kien hemm kitba jew definizzjoni ċara tal-makkjetta, f’dan ix-xogħol fittixt li ndur kull fejn nista’ biex nibni mill-qiegħ it-tifsira u l-istorja tal-iżvilupp tagħha. Qattajt xhur sħaħ nintervista lin-nies minn oqsma differenti. Ħsibt li nitkixxef sewwa l-ħsibijiet tagħhom u nixrob kemm nista’ mit-tagħrif u l-esperjenza li offrewli dwar il-makkjetta. Komplejt billi qgħadt nisma’ kull makkjetta li ġiet f’idejja, niġbor il-lirika tal-makkjetti kollha li rnexxieli nsib, nieħu r-ritratti tal-kitbiet oriġinali tal-makkjetti, infittex ir-rikordings, nifli kull biċċa kitba li għandha x’taqsam mal-makkjetta, fl-arkivji Nazzjonali tar-Rabat, fl-arkivji tax-Xandir u fil-Biblijoteka. Wara ħidma intensiva ta’ sena sħiħa, fl-aħħar kien wasal iż-żmien biex dawn il-frammenti kollha ngħaqqadhom f’ritratt wieħed li jinftiehem. L-ewwel kapitlu, Il-Makkjetta Maltija, ilaqqa’ lill-qarrej mal-metodoloġija li għażilt biex nistudja dan il-ġeneru. Aktar tard fittixt li nagħti d-definizzjoni tal-kelma makkjetta u l-elementi li jsawruha, kemm fil-kuntest Taljan u kemm fl-iżvilupp Malti tagħha. It-tieni kapitlu, L-Ambjenti tal-Makkjetti, jiffoka fuq l-istorja ta’ kif il-makkjetta Maltija tferrxet f’żewġ oqsma ta’ divertimenti lokali, dak tat-teatrin u dak tal-għana. F’dan il-kapitlu ħdimt biex nibni l-kwalitajiet assoċjati mal-makkjetta ta’ kull taqsima u noħroġ ċar fiex jaqblu u fiex inhuma differenti. Fit-tielet kapitlu, Mixja mal-Makkjettisti, il-qarrej isegwi l-mixja bijografika li għamilt mal-aktar makkjettisti magħrufa u li kellhom karriera twila fil-makkjetti. Hawn tajt ħarsa wkoll lejn kif dawn iż-żewġ kurrenti ta’ makkjetti, dik ta’ fuq il-palk u dik talgħana, mhumiex maqtugħin minn xulxin, imma spiss jiltaqgħu u jiddakkru minn xulxin. Din il-kitba hija biss il-pedament, il-għaliex it-tkomplija tal-binja tat-teżi tinsab fl-addenda u fuq il-ħames cds mehmużin ma’ xogħli. Fl-ewwel parti taladdendahemm tabellali turi min kienu l-intervistaturi li intervistajt, u wara daħħalt numru żgħir ta’ traskrizzjonijiet tal-intervisti.Fis-sewwa, l-għadd ta’ intervisti li għamilt kien kbir, tant li jilħaq is-sittin ruħ. Dawn fihom infushom jidhirli li huma ġabra ta’ interess kbir għal min irid jissokta fl-istudju tal-ispettaklu popolari f’Malta. Ħafna minn dawn it-traskrizzjonijiet ma stajtx indaħħalhom fit-teżi minħabba l-ispazju, imma xorta waħda wieħed jista’ jsibhom fuq is-cd L-Intervisti u t-Traskrizzjonijiet. Dawn it-traskrizzjonijiet huma l-pedamenti ta’ xogħli l-għaliex fuqhom tistrieħ ilmaġġoranza tal-informazzjoni miktuba. Barra minn hekk, fit-tieni parti tal-addenda, hemm numru ta’ tabelli li juru l-ġabra tal-makkjetti. Fit-tielet parti tal-addenda ħsibt ukoll biex indaħħal il-lirika tal-makkjetti ta’ wħud mill-makkjettisti biex isservi bħala eżempju u illustrazzjoni ta’ dak li fissirt fit-teżi. Taqsima sebgħa tal-addenda tikkonsisti f’diversi ritratti tal-makkjettisti li ġbart mingħand bosta nies ġenerużi li intervistajt. Ta’ din l-għajnuna niżżihom ħajr minn qalbi. L-argumenti mfissra f’dan ix-xogħol jistrieħu fuq il-materjal mifrux f’ħames cds. Id-deskrizzjoni ta’ x’hemm f’kull waħda minnhom tinstab ukoll f’taqsima ħamsa taladdenda. Is-cds jisimhom Ġabra ta’ Makkjetti, L-Intervisti u t-Traskrizzjonijiet, Intervisti Oħrajn, Il-Makketta Interpretata u Ġabra ta’ Makkjetti mill-Festival talGħana. Tul dan ix-xogħol semmejt u rreferejt għal diversi makkjetti u programmi, li ħafna minnhom jinsabu f’din il-ġabra. Din il-ġabra ta’ riżorsi għandha titqies bħala ħolqa waħda mal-kitba. Kif il-makkjetta ma tistax tibqa’ biss fuq pitazz imma trid tinqala’ u tiġi rreċtata, hekk ukoll wieħed ma jistax joqgħod biss fuq il-kitba, imma għandu jisma’ l-intervisti u l-makkjetti, u jara kif din ġiet interpretata fuq il-palk, biex japprezza sewwa s-siwi ta’ dan il-ġeneru. Fl-aħħar nett nixtieq ngħid li għad baqa’ ħafna riċerka xi ssir fuq il-ġeneru talmakkjetta. Għalkemm f’xogħli ġbart aktar minn elf u ħamsin makkjetta, għad fadal numru kbir ieħor li għadhom imferrxin fil-gazzetti jew inkella mitluqin jew minsijin f’xi kaxxa qadima mimlija skripts u skeċis. It-tama tiegħi hi li x-xogħli jixħet l-ewwel merżuq dawl fuq dan id-divertiment u li jservi ta’ lixka għal aktar studji fuq dan il-qasam, ħalli l-ġeneru interessanti talmakkjetta u l-ambjent ikkulurit li fih kienet tinħadem ikomplu jqajmu interess.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/4172
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2011

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
11BAMAL028.pdf
  Restricted Access
21.93 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.