Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/48292
Title: Il-qlib tal-kodiċi fil-lingwaġġ tax-xandir
Authors: Calleja, Amy
Keywords: Language and languages -- Malta
Code switching (Linguistics) -- Malta
Sociolinguistics -- Malta
Mass media and language -- Malta
Issue Date: 2019
Citation: Calleja, A. (2019). Il-qlib tal-kodiċi fil-lingwaġġ tax-xandir (Bachelor's dissertation).
Abstract: F’din it-teżina nanalizza l-qlib tal-kodiċi (bl-Ingliż code-switching) mill-Malti għall Ingliż u viċeversa fi tnax-il episodju mill-programm ta’ diskussjoni Ieqaf 20 Minuta. L-għanijiet ewlenija huma li nara x’tipi ta’ qlib tal-kodiċi jsiru l-aktar, liema partijiet tad-diskors huma l- aktar soġġetti għall-qlib tal-kodiċi, u finalment il-funzjonijiet konverżazzjonali fil-qlib tal-kodiċi ta’ dawn il-kelliema. Matul ir-riċerka tiegħi ntbaħt illi mhuwiex faċli tagħżel il-qlib tal-kodiċi minn self lingwistiku, aktar u aktar f’komunità lingwistika li tuża l-Malti u l-Ingliż tant spiss, kultant fl istess nifs. Studji lokali oħra li saru dwar dan il-qasam jaħdmu ħafna bil-ġudizzju personali tal awturi. Iżda jiena xtaqt noffri mod iktar sistematiku kif niddetermina jekk kelma jew frażi hix tassew każ ta’ qlib tal-kodiċi jew hix espressjoni li l-Malti ssellef mill-Ingliż u, b’xi mod jew ieħor, integraha fl-istrutturi tiegħu. Huwa għalhekk li parti metodoloġika importanti mit-teżina tiegħi hija l-istħarriġ li nagħmel qabel l-analiżi, li jikkonsisti fi 13-il kwestjonarju b’sentenzi meħudin minn dawn l-istess episodji. Din il-parti tat-teżina tagħmel xogħli differenti minn studji oħra dwar il-qlib mill-Malti għall-Ingliż u viċeversa, għaliex fiha kampjun ta’ 104 kelliema bilingwi jintalab minnhom li jagħżlu huma x’inhu dak li jaċċettaw bħala parti mill-Malti (self lingwistiku) u dak li ma jaċċettawx (il-qlib tal-kodiċi). Minkejja l-limitazzjonijiet tagħhom, dawn il-kwestjonarji jagħtu stampa iktar ċara tas-sitwazzjoni lingwistika fejn jidħol is-sehem tal-Ingliż fil-lingwa Maltija. It-teżina tiegħi għalhekk hija mqassma f’erba’ kapitli ewlenin. Fl-ewwel kapitlu, nagħti ħarsa lejn il-letteratura fuq il-qlib tal-kodiċi, is-self lingwistiku, u suġġetti oħra relatati, kemm fil-kuntest lokali u kemm f’dak internazzjonali. Dan il-kapitlu għalhekk iwitti t-triq u jissoda l pedamenti li fuqhom tinbena din it-teżina. It-tieni kapitlu jittratta l-metodoloġija. F’dan il-kapitlu, nikteb fid-dettall dwar il programm u l-episodji magħżula, it-traskrizzjonijiet, u l-istudju pilota li laqqagħni mal-problema tal-linja mċajpra bejn is-self lingwistiku u l-qlib tal-kodiċi; problema li biex insolviha kelli nuża numru ta’ kriterji, inkluż il-ġudizzju ta’ grupp ta’ kelliema bilingwi fil-kwestjonarji li bnejt bl espressjonijiet użati fix-xandiriet. Għalhekk, fit-tieni parti tal-metodoloġija, nikteb dwar it-tfassil tal-kwestjonarju u l-proċess tal-ġbir tad-data. Fit-tielet kapitlu nanalizza r-risposti tal-parteċipanti fil-kwestjonarji billi noffri l- persentaġġ tal-aċċettabbilità għal kull kelma fil-kwestjonarji skont ir-risposti mogħtija, mill-aktar kliem aċċettabbli sal-inqas kliem aċċettabbli. Dan tal-aħħar jitqies bħala qlib tal-kodiċi u allura jiġi analizzat fid-dettall f’kapitlu erbgħa. Finalment, nagħmel ukoll diskussjoni qasira dwar ir riżultati li joħorġu minn dan l-istħarriġ. Ir-raba’ kapitlu jittratta l-analiżi ewlenija tiegħi, jiġifieri dik tat-tnax-il episodju. Hawn nipprovdi analiżi dettaljata tat-tip ta’ qlib tal-kodiċi u tal-partijiet tad-diskors l-iktar soġġetti għall-qlib tal-kodiċi f’kull episodju, u wara niġborhom flimkien sabiex ikolli riżultat li joħroġ is sitwazzjoni sħiħa tat-tnax-il episodju. Wara, nanalizza l-funzjonijiet konverżazzjonali li jidhru f’kull episodju kif ukoll nipprova nara hemmx rabta bejn il-qlib tal-kodiċi u s-sess. L-ewwel nara t-tip ta’ qlib tal-kodiċi u l-partijiet tad-diskors tal-mistiedna, kemm nisa u kemm irġiel, u mbagħad tal-preżentatriċi. Il-kapitlu jagħlaq b’osservazzjonijiet u dettalji oħra li nnotajt waqt l analiżi tal-episodji, bħat-triggers u n-nuqqas ta’ konsistenza fil-kodiċi magħżul tal-kelliema.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/48292
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2019
Dissertations - FacArtMal - 2019

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
19BAMAL011.pdf
  Restricted Access
1.92 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.