Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/48553
Title: Il-femminiżmu fil-poeżija ta’ Nadia Mifsud
Authors: Mangion, Arianna
Keywords: Mifsud, Nadia -- Criticism and interpretation.
Feminism and literature -- Malta
Sex in literature
Feminist literary criticism.
Issue Date: 2019
Citation: Mangion, A. (2019). Il-femminiżmu fil-poeżija ta’ Nadia Mifsud (Bachelor’s dissertation).
Abstract: Din it-teżina hija ispirata mill-kritika letterarja Femminista u tittratta mill-qrib il kwistjonijiet fi ħdan il-kamp femminist stess. Il-punt tat-tluq tal-istudju kien l-imħabba li għandi lejn il-letteratura, b’mod partikolari l-poeżija flimkien mal-interess personali lejn dak kollu li jagħmel il-mara mara. Aktar minn hekk, xtaqt li nagħti perspettiva oħra tal-mara lil hinn mill-konfini tradizzjonali u nipproblematizza dak li s-soltu jitqies xi ftit jew wisq mhux ‘normali’, jew aħjar, iġorr xi tip ta’ timbru soċjali. Għalhekk, iddeċidejt li nirriċerka l Femminiżmu bħala teorija ta’ kunflitt, waqt li niffoka fuq il-poeżiji ta’ Nadia Mifsud li mhux biss jittrattaw dan il-ħsieb, iżda huma manifest poetiku b’diwi ta’ stqarrija politika Femminista. L-ewwel kapitlu ta’ din it-teżina huwa l-bażi teorika tal-istudju tiegħi u jesplora d definizzjoni tal-mara kif tidher minn kritiċi Femministi prominenti li kienu influwenti ħafna fis-seklu għoxrin, ngħidu aħna Simone de Beauvoir, Germaine Greer u Hélène Cixous. Din it taqsima tiffoka partikolarment fuq il-mara bħala l-ieħor (the Other), l-erotiżmu femminili u l ġisem femminili, waqt li tagħti ħarsa ħafifa lejn ħsibijiet kuntrastanti fi ħdan il-kamp femminist stess, ngħidu aħna l-mod kif jidher il-ġisem femminili u l-ħsibijiet rigward il-Ħarsa maskili. L-għażla tal-kritika letterarja Femminista kienet tista’ tgħid awtomatika minħabba li fil-poeżiji tagħha, b’mod espliċitu, Nadia Mifsud tippreżenta perspettivi ta’ din ix-xorta. It-tliet kapitli li jsegwu jesploraw il-mara kif tidher mil-lenti ta’ Nadia Mifsud permezz tal-poeżiji tagħha fiż-żewġ ġabriet li ppubblikat sa issa, Żugraga (2011) u Kantuniera ’l Bogħod (2015). Naturalment, iffukajt fuq dawk il-poeżiji li huma relevanti għall-iskop tal istudju tiegħi u għaldaqstant, poeżiji li jmorru lil hinn minn dan l-iskop, ma ġewx ittrattati. Il poeżiji magħżula qsamthom fi tliet kapitli li jittrattaw it-tliet relazzjonijiet prominenti li titkellem fuqhom Nadia Mifsud. Għalhekk, it-tieni kapitlu jittratta d-definizzjoni tal-mara skont il-poetessa stess li fih jinkludi l-mistoqsijiet l-aktar fundamentali li ġew ittrattati mill-ħassieba Femministi fosthom: l-aspett matern u t-twelid innifsu; l-emanċipazzjoni tal-mara lil hinn mill-konvenzjoni; l inferjorità preżunta tal-figura femminili f’soċjetà patrijarkali; u t-taqbida morali tal-mara dwar kif għandha ġġib ruħha. Dan il-kapitlu jservi bħala spjegazzjoni kontinwa tad definizzjoni tal-mara, billi b’dettall mirqum u bi spektru kkulurit, Mifsud tippreżenta lill-Mara kemm fl-aqwa tagħha kif ukoll fl-inżul. It-tielet kapitlu, l-iktar wieħed sostanzjali, jiffoka partikularment fuq ir-relazzjoni bejn il-mara u r-raġel. F’din it-taqsima tidwi, għal diversi drabi, l-inferjorità preżunta tal-figura femminili f’soċjetà maskilista. Għalhekk, dan il-kapitlu jħares b’mod partikolari lejn ir rapport intimu minn uċuħ differenti; waqtiet jidher bħala pont fiżiku u emottiv bejn il-mara u r-raġel u waqtiet oħrajn jidher bħala element abbużiv u dominanti bejn il-koppja. F’dan ir rigward tixref il-frankezza tal-poetessa, aspett li jispikka ħafna fil-poeżiji tagħha speċjalment meta titkellem dwar ġisimha, u dwar l-att sesswali. Attitudni partikolari li tieħu Nadia Mifsud hija l-assertività li taħkem fiha nnifisha; waqt li nisa oħrajn jagħżlu li jkunu passivi, anki għax huma mrobbijin hekk, Mifsud tagħżel li taġixxi b’mod assertiv kemm fl-għażliet personali kif ukoll fl-għejxien tagħha. Tema oħra li jittratta dan il-kapitlu hija l-imħabba, kemm dik mansa li twennes il-qlub u tagħder, kif ukoll dik li tweġġa’ u tkisser dak kollu li jmiss magħha. Dawn il-punti notevoli msemmijin huma informati mill-qagħdiet teoriċi ta’ kritiċi Femministi magħrufin bħal Hélène Cixous, Kate Millet, Simone de Beauvoir, Laura Mulvey u Betty Friedan. Ir-raba’ kapitlu jiddiskuti r-relazzjoni tal-mara ma’ wliedha bniet u jiffoka speċifikament fuq il-maternità u r-rabta speċjali li tinħoloq bejn l-omm u l-wild. F’dan ir rigward, ser tiġi trattata kwistjoni paradossali fi ħdan il-kamp femminist ippreżentata minn żewġ pożizzjonijiet opposti: fuq naħa l-attitudni ċelebratorja bħal ta’ Mary O’Brien, li bħal Nadia Mifsud tiċċelebra l-maternità, u fuq naħa oħra l-perspettiva antagonista ta’ Simone de Beauvoir li tikkritika l-maternità u taraha bħala nuqqas inferjuri tal-mara. Immanuel Mifsud, fid-daħla tal-ktieb Kantuniera ’l Bogħod (2015), jikkummenta li l mara f’għajnejn il-poetessa “mhijiex il-mara kkostruwita mill-poetessa raġel: issimplifikata bħala sabiħa u, paradossalment, misterjuża. Imma hija l-femminilità kif esperjenzata mill poetessa femminili: il-kronaka ta’ dak kollu li jagħmel mara mara” (12). Għalhekk, il-mara f’għajnejn Mifsud tidher b’mod espliċtu, dirett u esiġenti li, bħalma tinkoraġġixxi Hélène Cixous (1976), tikteb lil ġisimha u tenfasizza x-xewqat sesswali tagħha billi tisfida l-konfini tradizzjonali tas-soċjetà maskilista.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/48553
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2019
Dissertations - FacArtMal - 2019

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
19BAMAL028.pdf
  Restricted Access
864.68 kBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.