Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/49125
Title: Konfini, silenzji u mergħat : aspetti Queer fin-narrattiva Maltija, b’referenza speċjali għal Bep
Authors: Sciberras, Romario
Keywords: Sexual minorities in literature
Queer theory
Maltese literature -- History and criticism
Grima, Tyrone. Bep -- Criticism and interpretation
Issue Date: 2019
Citation: Sciberras, R. (2019). Konfini, silenzji u mergħat : aspetti Queer fin-narrattiva Maltija, b’referenza speċjali għal Bep (Bachelor's dissertation).
Abstract: It-tematika ta’ din it-teżina jaf tqanqal reazzjonijiet differenti fil-qarrejja, saħansitra taħsad f’waqtiet li fihom jiġu trattati aspetti li għandhom x’jaqsmu mat-twemmin Kattoliku. L-għan ta’ dawn il-kelmtejn qabel huwa li naċċerta lill-qarrejja li t-teżina hija eżerċizzju ta’ kritika letterarja bbażat fuq esplorazzjoni ta’ perspettivi ġodda li ftit li xejn niġu esposti għalihom fil-ħajja ta’ kuljum. It-teżina ma saritx biex toffendi u lanqas biex taħsad, iżda biex turi li hemm orizzonti fil-kritika letterarja Maltija li għadhom qegħdin jistennew it-tixrif tad- dawl. Għalhekk, fiż-żerniq ta’ kapitlu 4 (L-Għajxien f’Dinamiżmu Perpetwu: Bep-Nick Ġesù), id-diskussjonijiet li jlaqqgħu t-tendenzi sesswali mal-fidi ma jirriflettu l-ebda diżrispett min-naħa tar-riċerkatur għalkemm xi aspetti mit-twemmin se jinħassu pprofanati. F’xi mumenti narrattivi, ir-rumanz jitbiegħed mill-qima stabbilita ta’ dawn l-aspetti u, bħala eżerċizzju kritiku, it-teżina kellha tittratta dan id-distanzjament. Inħoss li dan id-dawl ġdid fil-kritika letterarja Maltija se jġib miegħu l-użu ta’ reġistru li hu għalkollox ġdid għal ħafna qarrejja. Bħal f’kitbiet b’lingwi oħrajn, it-terminu “queer” inżamm kif inhu f’dan l-istudju, jiġifieri ma ġiex tradott għal xi terminu ieħor bil-Malti. L- akbar benefiċċju ta’ dan huwa li b’hekk iddaħħal terminu li fih baqgħet intatta l-mogħdija minn tifsira għal oħra – fattur indispensabbli għall-istudju Queer innifsu – filwaqt li stagħnet it-terminoloġija Maltija. F’din it-teżina, l-assoċjazzjoni tal-aspetti diversi li jopponu u jeżistu f’konfront man-normattiv tibda dieħla fil-mentalità tal-qarrejja permezz tat-terminu li f’pajjiżi u kulturi differenti jeżisti b’din it-tifsira. Ladarba ssemmew l-orizzonti, huwa xieraq li, qabel jibda l-qari, tingħata ftit attenzjoni lit-titli tal-kapitli prinċipali, jiġifieri t-tieni, it-tielet u r-raba’ kapitli. Dawn it-titli huma lkoll ispirati minn kliem teoristi Queer differenti. Lee Edelman jgħid li Queer, bħala rappreżentazzjoni metamorfika tan-nuqqas ta’ assimilazzjoni man-norma u interrogazzjoni tal-kategoriji tal-identità, joħloq “żona ta’ possibilitajiet.” Kliem Edelman intuża fit-titlu tat tieni kapitlu: Queer? – Il-Konfini Riġidi Jisfumaw f’Żona ta’ Possibilitajiet. Teresa de Lauretis issostni li t-Teorizzazzjoni Queer hija “orizzont diskursiv ġdid” li jagħti ħajja ġdida lit-termini li jiddeskrivu s-sesswalità; perċezzjoni ġdida ta’ x’inhu “s-sesswali.” Kapitlu 3 jżernaq b’din il-perċezzjoni: Orizzonti Ġodda fil-Kritika Letterarja Maltija. It-titlu tar-raba’ kapitlu, L-Għajxien f’Dinamiżmu Perpetwu: Bep-Nick-Ġesù, huwa ispirat minn kliem Noreen Giffney li jidher bil-Malti u bl-Ingliż hawn taħt: Becoming involves the shedding of the chimera of stability and certainty wrought through our attachments to objects towards an awareness and acceptance of the unrelenting dynamism that underpins the act of living itself. It-tiswir jinvolvi l-inżigħ tal-qoxra-illużjoni tal-istabbiltà u taċ-ċertezza, prodott tar-rabta mal-elementi esterjuri għalina, sabiex niksbu l-għarfien u l aċċettazzjoni li l-għajxien innifsu jistrieħ fuq dinamiżmu li ma jitmewwitx.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/49125
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2019
Dissertations - FacArtMal - 2019

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
19BAMAL034.pdf
  Restricted Access
1.06 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.