Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/5569
Title: Il-kontrapassaport ta' Antoine Cassar
Authors: Azzopardi, Keith (2012)
Keywords: Maltese literature -- 20th century -- History and criticism
Cassar, Antoine, 1978-. Passaport -- Criticism and interpretation
Metaphor in literature
Issue Date: 2012
Abstract: Id-definizzjoni tal-letteratura bħala l-“ħajja mbiddla f’kelma” (Friġġieri, L-Idea 1) tista’ tinfetaħ billi jingħad li l-letteratura hija l-ħajja mbiddla f’kelma li hi sabiħa, għax hi differenti, sabiex it-trasformazzjoni ssir ukoll min-naħa tal-kelma u jkun jista’ jingħad li l-kelma, fil-letteratura, tieħu l-ħajja. Hemm it-tiġrib uman fil-letteratura, tiġrib li jaf jiskomoda daqskemm jagħti gost senswali, u għalhekk għandha tinftiehem fil-kuntest storiku-kulturali ta’ ġrajjiet kollettivi jew intimi, traġiċi jew mhux, li minnhom tinsilet definizzjoni tal-umanità. L-analiżi kritika ta’ test tfittex li xjentifikament tikxef it-tekniki u l-elementi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ din it-tema u ta’ oħrajn, u dan jista’ jsir b’qari bir-reqqa, iżda wkoll bl-għarfien li l-ebda qari bir-reqqa ma jista’ jagħti t-tweġibiet u t-tifsiriet kollha għax ma’ kull qari l-interpretazzjoni taf titbiddel, skont bdil fil-mentalità individwali tal-qarrejja u dik kollettiva tas-soċjetà. Terġa’, l-iskoperta ta’ testi oħra letterarji tikkontribwixxi sabiex il-pożizzjoni tal-qarrejja dwar xogħol wieħed partikulari tinbidel għax il-kontenut tal-bagalja ta’ għarfien tagħhom ukoll ikun inbidel. Għalhekk analiżi kritika, minbarra li ssir bil-kunfidenza li dak li qed jinkiteb huwa minnu fil-kuntest li fih tkun qed isseħħ, issir ukoll bir-rassenjazzjoni li dejjem teħtieġ riviżitazzjoni. Il-kritiċi jinteraġixxu ma’ testi oħra b’mentalità li tirrifletti t-tendenzi l-iktar riċenti fil-ħsieb, u bl-għarfien usa’ ta’ testi li baqgħu validi. F’dan il-kuntest qalb il-qarrejja għandha sehem essenzjali. Filwaqt li t-tekniki ta’ analiżi jinbidlu maż-żmien u jieħdu xejriet differenti skont movimenti differenti, l-emozzjonijiet mhux lakemm jinbidlu. Għalkemm emozzjoni partikulari f’ċertu żmien tista’ tkun iċċelebrata aktar minn oħrajn, il-ħsus huma universali, l-inspjegabbiltà tagħhom taf tiddomina fuq ir-raġuni, u huwa dan il-misteru, dan l-attentat tal-bniedem li jaħkem fuqhom permezz tal-kelma, li jixpruna l-poeżija. Mal-iskavar xjentifiku ta’ test, it-tiġrib personali tal-qarrejja joffri analiżi sħiħa sabiex it-tekniki lingwistiċi jiffunzjonaw skont dinamika differenti għal kull qarrej jew qarrejja. F’dan is-sens, il-kritiċi mhumiex biss osservaturi distakkati, imma wkoll qarrejja li jġarrbu l-esperjenza umana tal-poeżija u jinternalizzawha. Il-popolarità li kiseb Passaport, maqlub f’diversi ilsna u mgħallem barra minn Malta (Cassar, “Dwar: ‘Tagħlim fl-Iskejjel’”), hu frott it-tiżwiq bejn teknika u emozzjoni, bejn moħħ u qalb li t-tensjoni ta’ bejniethom hija r-ruħ tal-poeżija. It-tekniki letterarji, validi għax imħaddma tajjeb f’waqthom, jartikolaw t-tematika li jippreżenta Antoine Cassar (t. 1978), li hi għalkollox universali iżda fuq kollox intima. Huwa jappella għall-bnedmin kollha b’lingwa friska, li taħsad, iżda jappella wkoll għall-qarrejja wieħed wieħed u waħda waħda. Il-firda bejn teknika u emozzjoni diffiċli ssir għax it-tnejn jintrabtu sfiq flimkien: b’użu ta’ tekniki bħall-indirizz, huwa jfittex li jibni relazzjoni ta’ ħbiberija mal-qarrejja, huma minn fejn huma u twieldu fejn twieldu. Cassar jinqeda bit-tiġrib tiegħu u bl-għarfien tat-tiġrib kemm negattiv imma wkoll pożittiv ta’ ħaddieħor, u jsarraf dan l-għarfien f’tekniki letterarji li jistgħu jkunu analizzati xjentifikament, iżda li l-aħjar jissarrfu lura f’emozzjoni meta jinqraw anki bil-ġrajja personali ta’ bniedem.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/5569
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2012

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
12BAMAL001.pdf
  Restricted Access
1.2 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.