Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/62600
Title: Il-kunċett tal-universalità fil-letteratura
Authors: Chappell, Matthew
Keywords: Globalization in literature
Literature -- History and criticism -- Theory, etc.
Issue Date: 2020
Citation: Chappell, M. (2020). Il-kunċett tal-universalità fil-letteratura (Bachelor's dissertation).
Abstract: L-ewwel kapitlu jiddiskuti teoriji differenti li ttrattaw l-idea tal-universalità fl-arti u fil-letteratura. Ser nagħti ħarsa fil-fond lejn dawn l-argumenti u minnhom nislet kumment fuq kemm huwa possibbli li l-arti titqies universali. Ngħidu aħna l-kulturi tal-post jistgħu jkunu ta’ theddida għall-universalità: Charles Larson jemmen li kull kultura għandha sett ta’ valuri, normi u drawwiet relattivament awtonomi u għalhekk it-terminu “universalità” jista’ juri nuqqas ta’ responsabbiltà f’min juża dan it terminu. Kull xogħol letterarju, minbarra li teknikament iħaddan mekkaniżmu sħiħ ta’ organiżmi żgħar, huwa wkoll stampa tal-kultura tal-post u tal-valuri tal-awtur jew l-awtriċi f’dak l-istess post. Il-mobilità tista’ titqies bħala fattur li permezz tiegħu xogħol li nkiteb f’post imiss ma’ rkejjen oħra tad-dinja. Iżda l-argument tiegħi hawnhekk huwa li mhix l-universalità li tagħmel xogħol applikabbli għal postijiet oħra iżda l-kwalitajiet speċjali ta’ dan ix-xogħol li jeħduh fi vjaġġ globali. F’dan il-kapitlu nitkellem dwar il-mużika u nitratta, fost argumenti oħrajn, ir-relazzjoni bejn il-mużika u l-emozzjoni għaliex il-mużika, bħalma naraw fil-films, hija l-iktar forma ta’ arti li tmiss direttament lill-individwu. Mal-mużika norbot l-argument dwar l-universalità billi nippreżenta d-differenzi kbar bejn il-kulturi u nitkellem partikolarment fuq it-terminu nnfisu “mużika.” Mill-idea ġenerali tal-ewwel kapitlu ngħaddi, fit-tieni kapitlu, għall-kunċett aktar partikolari li skont Friggieri jiddetermina l-universalità ta’ xogħol. Hawnhekk niffoka fuq l-estetika billi nagħti spjegazzjoni ħafifa ta’ estetika u nibni l argumentazzjoni tiegħi fuq dak li qalu Kant u Tolstoy. Waqt li Kant jorbot l-estetika mal-ġudizzju, Tolstoy jorbotha ma’ kemm xogħol artistiku kapaċi jinfluwenza lil min jarah. L-estetika tista’ titqies bħala fergħa tal-universalità iżda fit-teżi la ser nitratta l-kwistjoni tas-suġġettività u l-oġġettività tagħha u lanqas it-teorija tal-estetika. L-idea tal-estetika ma nħallihiex marbuta biss mal-arti iżda napplikaha wkoll għall-ħajja ta’ kuljum u nuri kif inkonxjament qegħdin ngħixu dan il-fenomenu l-ħin kollu. Dan jidher fil-kumment dwar il-politika u kif din tista’ tinfetaħ f’dimensjonijiet differenti. Ngħidu aħna kull relazzjoni, setgħet kienet ta’ mħabba jew ta’ ħbiberija, timxi fuq il-politika li tħaddan, jiġifieri fuq dak is-sett ta’ regoli u valuri li ż-żewġ min-nies jaqblu fuqhom. Bil-politika tagħhom jaslu biex flimkien jagħmlu deċiżjonijiet estetiċi. Kollox huwa marbut mal-kunċett tal-estetika. Yrjö Sepänmaa jitkellem fuq kif l-estetika tat-toroq u tas-sewqan toħloq ambjent estetikament komdu kemm għan-nies tal-post kif ukoll għat-turisti. L-estetika mhix xi ħaġa li tmur tfittixha jew tużaha meta tiġi bżonnha iżda esperjenza li ngħixu. It-tielet kapitlu nibdieh b’argumentazzjoni dwar il-kunċett ta’ “letteratura dinjija.” Niddiskuti fil-qosor xi teoriji ewlenin f’dan il-qasam: insemmi ideat bħalma huma r-rabtiet, jekk hemm, u d-differenzi bejn il-letteratura dinjija u dik universali, l-idea tan-nazzjon kontra l-idea aktar miftuħa li tmur lil hinn mill-konfini tal-art, u kif il-letteratura tista’ tissejjaħ “tad-dinja” għaliex kull xogħol jinsab f’relazzjoni ma’ xogħlijiet oħrajn. F’dan il-kapitlu nersaq iktar lejn il-qalba tat-teżi billi niddiskuti fenomeni li qed ngħixuhom bħalissa, bħall-globalizzazzjoni. Hawnhekk, minħabba l-ispazju ristrett tat-teżi, ix-xogħol li għamilt fuq il-kummerċ tal-letteratura kelli nħallih barra. Permezz tal-letteratura nistgħu nisiltu kummenti li għandhom x’jaqsmu kemm mal-globalizzazzjoni fiha nnifisha u kif ukoll x’jistgħu jkunu l-karatteristiċi li jsawru xogħol “globali.” Jiġifieri l-letteratura napplikaha f’dibattitu li jmur lil hinn mill-arti. Ngħidu aħna James Annesley jitlaq min-narrattiva fittizja Amerikana u jasal f’territorju ġdid li fih insibu l-proċessi tal-globalizzazzjoni jissieltu flimkien. F’dan il-qasam, l-Ingliż igawdi pożizzjoni komda għaliex il-letteraturi li jinkitbu b’din il-lingwa diġà minnhom infushom jistgħu jesperjenzaw fewġiet ħfief ta’ globalizzazzjoni. Illum permezz tal-Ingliż, jinħoloq sens ta’ transnazzjonaliżmu u dan jista’ jwassal ukoll għal xogħol meqjus “globali.” Matul id-diskussjoni nitkellem fil-qosor dwar l-irwol tat-traduzzjoni u l-effetti tagħha.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/62600
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2020
Dissertations - FacArtMal - 2020

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
20BAMAL008.pdf
  Restricted Access
1.17 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.