Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/62615
Title: Is-sessiżmu fil-ħrejjef ta’ Manwel Magri
Authors: Coreschi, Raisa
Keywords: Magri, Manwel, 1851-1907 -- Criticism and interpretation
Tales -- Malta
Folklore -- Malta
Sex role -- Malta -- Folklore
Women -- Malta -- Folklore
Sexism in literature
Issue Date: 2020
Citation: Coreschi, R. (2020). Is-sessiżmu fil-ħrejjef ta’ Manwel Magri (Bachelor's dissertation).
Abstract: Din ir-riċerka tiffoka fuq l-element sessist fil-ħrejjef Maltin li ġew miġburin minn Patri Manwel Magri. Minn età żgħira rawwimt interess u mħabba għall-ilsien Malti u l-kultura lokali, speċjalment għal-letteratura tant li kont inqatta’ sigħat twal inqalleb fil-kotba. Madankollu, ħaġa li dejjem affaxxinatni hija r-rakkuntar tal-istejjer u minn dejjem kienet l-għaxqa tiegħi li nisma’ lin-nanniet u liz-zijiet jirrakkontawli bosta ħrejjef. Minbarra l-Malti, minn dejjem urejt interess fis-soċjoloġija, għaldaqstant, xtaqt inlaqqa’ l-letteratura Maltija mal-element soċjoloġiku. It-twaħħid ta’ dawn iż-żewġ elementi flimkien wassalni biex nanalizza l-element sessist fil-ħrejjef tradizzjonali Maltin li kien ġabar Manwel Magri ’l fuq minn mitt sena ilu. L-analiżi tiegħi dwar is-sessiżmu fil-ġabra ta’ Magri Ħrejjef Missirijietna, hija infurmata mill-kontribut ta’ diversi soċjologi u ħassieba, uħud minnhom mill-kamp femminista, dwar l-effett soċjali fuq il-kultura. Kollox jitlaq mill-premessa li anki dawn il-ħrejjef jirriflettu n-normi, il-valuri u dak kollu li joħloq il-kultura ta’ post f’perjodu partikolari. Kif josserva fid-daħla tiegħu għal Ħrejjef Missirijietna l-antropologu Ġorġ Mifsud Chircop, waħda mit-tliet funzjonijiet primarji tal-ħrejjef hija l-paradimma. Huwa jispjega li “F’bosta soċjetajiet il-ħrejjef jaħdmu bħala paradimma biex dak li jkun jifhem il-komunità ta’ madwaru u biex jagħraf u jiżviluppa l-imġiba u l-personalità individwali tiegħu f’din il-komunità” (Mifsud Chircop xxvi). Mifsud Chircop jisħaq li “psikoloġikament u kulturalment kulħadd għandu bżonn il-ħrejjef” (xxxii), irrispettivament mill-età, il-kultura, il-fehma reliġjuża, il-ġeneru u fatturi oħrajn. Minħabba l-importanza tal-ħrejjef fil-ħajja ta’ kuljum u l-fatt li aktarx li l-popolarità tal-ħrejjef bdiet tonqos maż-żmien, għaraft l-importanza li fit-teżi tiegħi nistudja l-ħrejjef, sabiex nerġa’ nagħti l-ħajja lill-ġeneru, għall-inqas fl-għamla tradizzjonali tiegħu, li kien qed imut maż-żmien. Evidentement, Manwel Magri nnifsu kien jissuspetta li l-ġeneru tal-ħrafa kien qiegħed imut u nsibuh aktar minn darba jilmenta minn dan. Fix-xogħol tagħha, Patri Manwel Magri S.J. Ħajtu u Ħidmietu, Muscat issostni dan b’referenza għall-kitba ta’ Magri nnifsu, li f’wieħed mill-kotba tiegħu, Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien jgħid: “imma llum ftit wisq fl-ibliet jafuhom [dawn il-ħrejjef], u biż-żmien għad ukoll jintilfu bosta minnhom” (48). Dwar dan titkellem ukoll Bezzina fix-xogħol ‘Patri Manwel Magri’, meta tgħid li kif “qal hu stess 'Hemm min iżommok is-sigħat b'ħalqek miftuħ tisimgħu jtenni dan il-għerf li biż-żmien kien qed jintilef’” (34). Fid-dawl ta’ dan il-biża’ espress l-ewwel nett minn Magri nnifsu, l-istudju u l-kummentarju dwar il-ħrafa jistgħu jikkontribwixxu biex il-ġeneru jibqa’ ħaj, għalkemm, ovvjament, l-aħjar mezz li bih tinżamm ħajja l-ħrafa huwa bir-rakkuntar innifsu.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/62615
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2020
Dissertations - FacArtMal - 2020

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
20BAMAL009.pdf
  Restricted Access
1.16 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.