Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/62704
Title: Il-ħakma tal-plural mit-tfal tar-raba’ sena primarja
Authors: Zammit, Diane
Keywords: Maltese language -- Study and teaching (Primary) -- Malta
Maltese language -- Grammar
Maltese language -- Number
Issue Date: 2020
Citation: Zammit, D. (2020). Il-ħakma tal-plural mit-tfal tar-raba’ sena primarja (Bachelor's dissertation).
Abstract: Dan ix-xogħol huwa mqassam f’diversi taqsimiet. L-ewwel kapitlu, wara d-daħla, jipprovdi ħarsa ġenerali lejn xogħlijiet li saru u li għandhom relevanza għat-tema ta’ dan l-istudju partikolari. Il-kapitlu jippreżenta mixja li l-punt tat-tluq tagħha huwa l-istudji internazzjonali fuq il-lingwaġġ tat-tfal u l-punt ta’ wasla huwa l-istudju lokali fuq il-plural użat mit-tfal għaliex hija t-tema ewlenija ta’ din it-teżina. Il-kapitlu li jsegwi jiftaħ billi jintroduċi l-metodu tal-ġbir tal-informazzjoni mingħand l-informanti fejn tiġi deskritta l-metodoloġija li ntużat sabiex l-informazzjoni setgħet tinġabar. Dan il-kapitlu jagħti idea ċara tal-proċess li kelli nsegwi biex stajt nagħmel ir-riċerka fl-iskejjel sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-parteċipanti fl-istudju. Wara jiġu deskritti wkoll ir-raġunijiet għal kull għażla u deċiżjoni li ġiet meħuda. Fost dawn l-għażliet jiġi diskuss l-għażla tal-parteċipanti, l-għażla tal-kliem studjat, kif ukoll l-għażla u t-tħejjija tar-riżorsi. Tingħata wkoll stampa ċara tal-istudju pilota li sar qabel ma beda l-proċess attwali tat-teżina biex jidhru xi nuqqasijiet li seta’ kien hemm fil-metodoloġija li kont se nuża biex nikseb it-tagħrif li kien meħtieġ mill-parteċipanti. Għaldaqstant, jiġi spjegat ukoll il-mod kif dawn in-nuqqasijiet ġew immodifikati biex il-proċess proprju seta’ jkun aktar preċiż u effiċjenti. Apparti minn dan, jiġi deskritt b’mod dettaljat ukoll il-proċess tal-ġbir tal informazzjoni mill-iskejjel konċernati u l-mod etiku kif ġie preżentat l-esperiment biex id-drittijiet tal-istudenti jkunu rispettati u mħarsa. Dan il-kapitlu jingħalaq b’diskussjoni dwar il-problemi u l-kumplikazzjonijiet li ġejt wiċċ imb wiċċ magħhom waqt dan l-istudju. It-tielet u r-raba’ kapitli jittrattaw l-analiżi tal-informazzjoni li nkisbet mingħand l-informanti. Wara li nġabru t-tweġibiet tal-istudenti, l-istess risposti ġew analizzati skont il-varjabbli soċjolingwistiċi li ġew inklużi f’din it-teżina. It-tielet kapitlu jittratta l-analiżi marbuta mas-sess tal-parteċipanti u r-raba’ kapitlu jittratta kompetenzi differenti bejn l-istudenti li ġejjin minn sfondi lingwistiċi differenti. Kull analiżi tiftaħ billi jiġu analizzati t tweġibiet korretti miġbura mill-parteċipanti flimkien ma’ analiżi ġenerali tal-ħdax-il forma tal-plural miksur li ġew inklużi f’din it-teżina. Il-plural fil-Malti prinċipalment jinqasam fi tnejn: il-plural sħiħ li jinbena b’żieda tal-morfema tal-plural, u l-plural miksur li jissawwar billi jiġi inkorporat l-għerq ma’ forma tal-plural. Fil-Malti Kontemporanju hemm xi nomi li jieħdu ż-żewġ forom tal-plural. Għaldaqstant, ġiet iddedikata parti mill-analiżi għal dawn in-nomi li għalihom ġew aċċettati ż-żewġ forom tal-plural. B’hekk setgħu jinħarġu xi tendenzi partikolari rigward l-użu ta’ kull forma ta’ plural. Matul il-proċess tal-ġbir tal-informazzjoni, kien hemm numru sostanzjali ta’ tfal li ma kenux jafu jirrispondu bil-forma korretta u għalhekk ħolqu xi forma li tiddevja minn dik mistennija. Minkejja li dawn il-varjanti ma setgħux jitqiesu korretti, xorta waħda ġew analizzati għaliex jistgħu jixħtu dawl fuq il-proċess li jużaw l-istudenti biex waslu għal forma partikolari tal-plural. Kull sezzjoni tal-analiżi tagħlaq permezz ta’ nota ċkejkna dwar il-konklużjonijiet li ħarġu minn dik it-taqsima partikolari. Fl-aħħar u mhux l-inqas, din it-teżi tagħlaq billi jiġu diskussi xi konklużjonijiet ġenerali li ħarġu minn dan l-istudju. Fil-fehma tiegħi, il-qasam li ġie analizzat f’din it-teżina għadu mhux riċerkat biżżejjed. Għalhekk, flimkien mal-konklużjonijiet se jingħataw ukoll xi suġġerimenti biex kull min għandu għal qalbu l-lingwa Maltija u jixtieq ikompli jirriċerka fuq dan il-qasam, ikollu idea dwar liema temi lingwistiċi jista’ jkompli jaħdem fuqhom.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/62704
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2020
Dissertations - FacArtMal - 2020

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
20BAMAL021.pdf
  Restricted Access
4.23 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.