Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6809
Title: Ir-rumanz Malti tal-faxxiklu
Authors: Fabri, Roseanne
Keywords: Maltese prose literature -- Criticism and interpretation
Serial publications -- Malta
Novelists, Maltese
Issue Date: 2015
Abstract: Dan ix-xogħol huwa l-kontinwazzjoni tat-teżi Arturo Dimech u r-Rumanz tal-Faxxiklu li tittratta fid-dettall wieħed mill-kittieba tal-faxxikli waqt li tagħti introduzzjoni żgħira għall-attività tal-faxxiklu. L-għan ewlieni tat-teżi, Ir-Rumanz Malti tal-Faxxiklu, huwa li jinxeħet dawl fuq ir-rumanz tal-faxxiklu, fejn tnissel u kif l-għeruq tiegħu nibtu fl-Ewropa sakemm sar popolari f’Malta wkoll. Ir-rumanz tal-faxxiklu Malti huwa ġeneru letterarju popolari magħruf l-aktar fis-sekli 19 u 20. Huwa tip ta’ rumanz magħmul minn folji li kienu jitqassmu f’sensiela ta’ faxxikli biex imbagħad jiġu llegati f’forma ta’ ktieb. Il-faxxikli kienu jiġu stampati biex jaslu fid-djar tal-qarrejja u kienu jitqassmu mis-soċji jew xi ħaddiema tal-istamperiji. Wara t-tqassim tal-faxxikli kien hemm strateġija unika biex il-kittieb u l-istampatur ikollhom profitt xieraq waqt li l-konsumatur igawdi minn pubblikazzjoni tajba. Huwa ġeneru letterarju rivoluzzjonarju għaliex ipprova jiddeverti, jgħallem, jikkomunika, jgħarraf u jġiegħel lill-popolin japprezza l-letteratura bil-Malti. Fl-istess ħin kien popolari minħabba s-sempliċità fl-istejjer, fil-karattri u fit-temi. M’hemmx indikazzjoni preċiża li turi l-bidu jew it-tmiem tal-faxxiklu, iżda mid-dati li tniżżlu fuq il-pubblikazzjonijiet tal-faxxikli stampati jinkiseb ħjiel tal-eżistenza ta’ dan il-ġeneru. Din ir-riċerka turi li xi faxxikli aktarx bdew jiġu ppubblikati madwar l-1830 waqt li setgħu baqgħu jiġu stampati sal-1970. Ma jfissirx li ma nkitbux aktar faxxikli qabel jew wara iżda ma hawnx xhieda assoluta ta’ dan. Fost ir-rumanzi tal-faxxikli, hemm uħud li mhumiex datati u għalhekk ma jingħadx b’ċertezza meta ġew ippublikati. Ir-rumanz tal-faxxiklu ma baqax jiġi ppubblikat iżda wħud mill-istejjer tal-faxxikli ma ntesewx għaliex għadhom jissemmew u jinqraw fuq il-mezzi tax-xandir. Għalkemm ir-rumanz tal-faxxiklu jista’ jitqies bħala para-letteratura, għaliex marbut biss mal-esperjenza tal-popolin, kien ġeneru interessanti u l-preżentazzjoni tiegħu kienet tagħmlu aktar speċjali. Din it-teżi tesplora r-rumanz tal-faxxiklu bħala ġeneru letterarju u wkoll l-elementi li jagħmlu r-rumanz tal-faxxiklu uniku bħalma huma l-qagħda u t-tipi ta’ karattri u l-ambjent li fih isseħħ il-ġrajja u t-temi magħżula. Hekk ukoll jingħaraf mix-xejriet letterarji li l-awtur jagħżel għar-rakkonti, bħalma huma t-tip ta’ narratur, il-binja tar-rakkont u l-komunikazzjoni bejn il-kittieb u l-qarrej. Il-kapitli li jsegwu jitkellmu aktar fid-dettall dwar dawn l-aspetti letterarji u ser jiġu analizzati fil-kuntest tar-rumanz tal-faxxiklu. Tajjeb li kull attività li pajjiżna kien iħaddan, speċjalment dik letterarja, tiġi studjata u analizzata mhux biss mir-riċerkatur iżda wkoll minn dawk li jsewgu l-passi tal-letteratura Maltija. Ir-rumanz tal-faxxiklu ser jidher f’dawl differenti għaliex mhux biss ser tiġi spjegata l-attività nfisha iżda ser jingħataw ir-raġunijiet ta’ kif din ir-riċerka bdiet tinbena. Din it-teżi tfittex li tiżviluppa argumenti dwar l-eżistenza ta’ dan il-ġeneru. Biex tagħmel dan, ir-riċerka kellha bżonn għodod partikolari sabiex tislet l-informazzjoni misjuba minn pubblikazzjonijiet, siti elettroniċi, rumanzi tal-faxxikli, manuskritti u oħrajn, iżda mhux biss. It-teżi tlaħħmet permezz ta’ intervisti m’ individwi li kienu midħla ta’ din l-attività. Kien hemm riċerkaturi oħra li analizzaw xi kittieba tal-faxxikli b’mod individwali iżda mhux dwar l-attività nfisha. Ir-riċerka ma kinitx faċli, ma kien hawn ebda informazzjoni diretta, l-aktar fejn jissemma r-rumanz tal-faxxiklu Malti. L-iskop tat-teżi huwa li tgħarraf ir-riċerkaturi dwar in-nisel, l-iżvilupp u l-attivitajiet letterarji tal-ġeneru kif ukoll li tlaqqa’ lill-qarrejja ma’ kittieba tal-faxxikli li ma baqgħux jissemmew. L-iskop seta’ jintlaħaq permezz ta’ metodoloġija speċifika, evalwazzjoni tal-informazzjoni misjuba, permezz tal-organizzazzjoni tal-ideat u permezz tal-benefiċċji kollha li dan il-ġeneru ta lill-qarrejja tiegħu. F’din it-teżi hawn mistħarrġa madwar 415-il rumanz tal-faxxiklu, uħud minnhom oriġinali waqt li oħrajn maqlubin mill-istess kittieba Maltin. Fost oħrajn hawn ikkonsultati rumanzi ta’ kittieba magħrufa bħalma huma Arturo Caruana, Arturo Dimech u Giuseppe Cumbo u oħrajn li ftit li xejn, jew kważi ma jissemmewx. F’din it-teżi ġew mistħarrġa madwar 60 kittieb tar-rumanz tal-faxxiklu.
Description: M.A.MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6809
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2015

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
15MAMAL005.pdf
  Restricted Access
4.39 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.