Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/79894
Title: L-intervisti lin-nies tal-Għarb 1972 : traskrizzjoni b’kummenti lingwistiċi
Authors: Fenech, Shaznay (2021)
Keywords: Maltese language -- Dialects -- Malta -- Għarb
Maltese language -- Dialects -- Lexicology
Maltese language -- Dialects -- Morphology
Maltese language -- Dialects -- Phonology
Maltese language -- Dialects -- Syntax
Maltese language -- Social aspects -- Malta -- Għarb
Issue Date: 2021
Citation: Fenech, S. (2021). L-intervisti lin-nies tal-Għarb 1972: traskrizzjoni b’kummenti lingwistiċi (Bachelor's dissertation).
Abstract: It-teżina se tkun imqassma f’erba’ kapitli. L-ewwel kapitlu se niddedikah għar-raħal stess, billi nagħti deskrizzjoni tal-Għarb biex nidħol fl-isfond ta’ minn fejn ġej il-materjal studjat, u l-karatteristiċi storiċi, soċjali u lingwistiċi li jagħmluh daqstant distint fost l-irħula kollha ta’ Malta u Għawdex. Fit-tieni kapitlu nistħarreġ il-ġabra ta’ intervisti, b’temi varji, u s-suġġetti varji tagħhom li l-informanti – imqar fiż-żmien meta ġew intervistati – kienu diġà qed jirreferu għalihom bħala drawwiet li nqatgħu. Billi ddeċidejt li nistħarreġ l-intervisti nnifishom, ma stajtx nonqos milli nintervista jiena stess lill-awtur u intervistatur, Patrick Formosa, biex nifhem aħjar l-istorja wara dawn l-intervisti, il-proċess tagħhom, u wkoll il-materjal li fihom, mill-perspettiva tal-intervistatur stess. Għaldaqstant, f’dan it-tieni kapitlu niddiskuti wkoll il-profil tal-awtur, kif ukoll tal-persuni intervistati, li llum kollha ħallewna, tneħħi persuna waħda. Limitazzjoni li ħabbatt wiċċi magħha f’ħidmieti kienet sewwasew din, li billi l-intervisti ma sarux minni u kienu ilhom li saru, u l-informanti llum prattikament kollha ħallewna, ma kellix l-opportunità nsir nafhom u nibni relazzjoni magħhom li tgħinni nifhimhom aħjar. Ċertu mistoqsijiet li qanqluni ma stajtx nistaqsihomlhom, u għalkemm b’xorti tajba kont f’kuntatt mal-intervistatur innifsu, u sibt l-għajnuna kollha min-naħa tiegħu, mhux dejjem kien f’pożizzjoni li jweġibni għal fehmiet li ma kinux tiegħu u li kienu ġew espressi tant snin ilu. Fit-tielet kapitlu jidħlu t-traskrizzjonijiet tal-intervisti, il-parti prinċipali u voluminuża ta’ din it-teżina. It-traskrizzjoni għandha tkun utli għar-riċerka, għaliex permezz tagħha tiżdied id-dokumentazzjoni miktuba, ma’ dik mismugħa, li tgħin fl-attenzjoni għall-irqaqat biex il-materjal dokumentat jiġi mistħarreġ aħjar. Wara kull waħda minn dawn it-traskrizzjonijiet, se nkun qed nimmarka xi partikolaritajiet lingwistiċi li għandhom jiġu analizzati fl-aħħar kapitlu, u nniżżel xi punti interessanti li joħorġu minnha. Fil-fatt, ir-raba’ kapitlu se jittratta l-analiżi ta’ erba’ oqsma lingwistiċi, partikolarment, studju tal-fonoloġija, il-morfoloġija, is-sintassi u l-lessiku, miġbur minn dawn l-intervisti. Fil-parti tal-analiżi tal-lessiku, se ninkludi żewġ glossarji, wieħed tat-termini magħżulin għall-partikolarità tagħhom, b’definizzjoni mid-dizzjunarju ta’ Joseph Aquilina, u ieħor b’termini li Aquilina ma jagħtihomx fid-dizzjunarju, jew isemmihom imma ma jagħtix it-tifsira li tidher fl-intervista. Għaldaqstant, dan it-tieni glossarju jista’ jitqies kontribut importanti għax joffri żieda għad-dizzjunarju ta’ kliem Malti, b’eżempji meħudin direttament mill-użu spontanju tal-persuna intervistata. Fiż-żewġ glossarji, għal kull terminu qed jingħata mhux biss in-numru tal-intervista, iżda wkoll il-ħin preċiż li fih jinstema’ t-terminu fl-intervista. Dan għandu jħaffef il-ħin tal-konsultazzjoni lir-riċerkatur li jitħajjar ikompli jistudja dan il-korp uniku. Fl-aħħar nett, nagħlaq din it-teżina billi nagħti xi suġġerimenti għal studju ulterjuri f’dan il-qasam, u għal modi li bihom tista’ tiġi użata din it-teżina f’riċerka futura ta’ ħaddieħor.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/79894
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2021
Dissertations - FacArtMal - 2021

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
21BAMAL007.pdf
  Restricted Access
3.02 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.