Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/79969
Title: | Alfred C. Sant : profil u apprezzament ta’ awtur ewlieni tal-kanzunetta Maltija |
Authors: | Zahra, Christa (2021) |
Keywords: | Sant, Alfred C., 1945- Lyricists -- Malta Songs, Maltese -- Malta |
Issue Date: | 2021 |
Citation: | Zahra, C. (2021). Alfred C. Sant: profil u apprezzament ta’ awtur ewlieni tal-kanzunetta Maltija (Bachelor's dissertation). |
Abstract: | L-iskop ewlieni ta’ din it-teżina huwa li nistħarreġ il-lirika tal-kanzunetta. Huwa fatt magħruf li l-ġeneru tal-kanzunetta għalkemm tul is-snin ta wkoll xogħlijiet li jistgħu jitqiesu letterarji, ma tantx kien meqjus u trattat bis-serjetà li tixraqlu. Dan wisq probabbli ġara għaliex l-awtur tal-lirika sa minn dejjem inħeba wara l-figura apparixxenti tal-kantant/a, l-istess bħalma għamel Alfred C. Sant f’dawn il-ħamsin sena li għamel jikteb. Alfred C. Sant huwa awtur u kompożitur ewlieni tal-kanzunetta Maltija, li tul il-karriera tiegħu kiteb mijiet ta’ kanzunetti li jirriflettu l-iżvilupp ewlieni tal-ħajja Maltija, dik li kien qiegħed iġarrab u jgħix hu stess. Huwa l-awtur ta’ bosta kanzunetti magħrufin, li huma ferm għal qalb bosta Maltin. F’dan l-istudju, apparti li stħarriġt il-kontribut tiegħu kemm mil-lat soċjali kif ukoll mil-lat tematiku, ħdimt database komdu li minnu riċerkatur faċilment isib il-kanzunetti kollha ta’ Sant marbuta ma’ suġġett partikolari. Fl-ewwel kapitlu nitkellem fuq Alfred C. Sant il-bniedem, u hawn infassal profil bijografiku tiegħu, sabiex b’hekk inkun nista’ nifhem lil din il-persuna li kitbet dawn il-kanzunetti u l-esperjenzi li ġabret mill-ġrajjiet u mill-ambjenti li għexet fihom. Fit-tieni kapitlu nħares lejn Alfred C. Sant l-awtur, u nistħarreġ il-miri mistqarra minnu, lil Sant bħala awtur u kompożitur waħdu u mbagħad lil Sant bħala awtur biss. Hawn nara wkoll x’rabta hemm bejn ħajtu bħala bniedem (bl-esperjenzi kollha li għadda minnhom ta’ mħabba, xogħol, diffikultajiet, interessi u namriet) u l-kanzunetti tiegħu. F’din il-parti niżen iddifferenzi li jinħassu bejn il-kanzunetti li hu kiteb u kkompona waħdu u dawk li ħadem ma’ kompożituri oħra. Fit-tielet kapitlu ngħaddi għar-rakkont ta’ festivals u wirjiet li ħa parti fihom, fejn naraw is-suċċessi li kellu kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna, fejn ippreżenta kemm kanzunetti bl-Ingliż kif ukoll bil-lingwa Maltija, lingwa li ftit jafu dwarha imma li bis-saħħa tiegħu ħafna pajjiżi ġew esposti għaliha mill-festivals. Ir-raba’ u l-ħames kapitli jinkludu database komdu, fejn wieħed faċilment isib il-kanzunetti kollha li stħarriġt f’din it-teżina, imqassmin f’seba’ taqsimiet skont it-tema ewlenija tagħhom. L-ewwel tema hija dik tar-relazzjonijiet bejn il-bnedmin, tema oħra tinkludi dawk il-kanzunetti bit-tema ta’ bidla fil-ħajja tal-bniedem, imbagħad temi dwar l-impenn favur l-ilsien Malti u l-mużika. Il-ħames kapitlu mbagħad huwa marbut ma’ dak ta’ qablu, imma hawn niddiskuti r-rabta qawwija li hemm bejn il-lirika ta’ ħafna kanzunetti ta’ Sant u l-kuntest soċjali taż-żmien li fih kien qiegħed jikteb, rabta li turina kemm għandna raġun inqisu l-opra sħiħa ta’ Sant bħala dokument soċjali li jirrakkonta u jiddokumenta kull pass li mexa jew għadda minnu l-poplu tagħna tul dawn l-aħħar ħamsin sena. Hawn wieħed għandu jsib kanzunetti li donnhom huma mera taż-żminijiet, kanzunetti b’tema ta’ kuxjenza ambjentali u l-aħħar, li tittratta l-persunaġġi storiċi Maltin jew dawk mistħajla li fuqhom Sant bena diversi kanzunetti. Billi Sant kien ukoll midħla tat-teatru u nsibuh jikteb scripts għar-radjudrammi, għall-kummiedji u drammi mal-kumpanija Bronk Productions, ma ħassejtx li dawn ix-xogħlijiet, anke jekk marġinali, kelli nħallihom barra. L-inklużjoni tagħhom fis-sitt kapitlu huma xhieda li dan huwa bniedem li ħabb u ta kontribut lil-lingwa Maltija, f’oqsma differenti. Fi tmiem dan l-istudju ninkludi Appendiċi bil-kanzunetti kollha li ġbart matul din ir-riċerka, anke dawk li ma dħaltx fid-dettall wisq fuqhom, b’informazzjoni dettaljata tad-data meta nkitbet il-kanzunetta partikolari, fejn instemgħet għall-ewwel darba u kif u meta ġiet ippubblikata. Fl-Appendiċi l-qarrej isib ukoll it-traskrizzjoni tal-intervista li għamilt lil Alfred C. Sant innifsu nhar il-15 ta’ Marzu, 2021. |
Description: | B.A. (Hons)(Melit.) |
URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/79969 |
Appears in Collections: | Dissertations - FacArt - 2021 Dissertations - FacArtMal - 2021 |
Files in This Item:
File | Description | Size | Format | |
---|---|---|---|---|
21BAMAL014.pdf Restricted Access | 1.99 MB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.