Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/89782
Title: Id-djalettika tal-kanonu : il-kuntest letterarju Malti
Authors: Aloisio, David (2021)
Keywords: Canon (Literature)
Maltese literature
Feminism and literature -- Malta
Maltese literature -- History and criticism
Issue Date: 2021
Citation: Aloisio, D. (2021). Id-djalettika tal-kanonu : il-kuntest letterarju Malti (Doctoral dissertation).
Abstract: Din it-teżi tipproblematizza l-idea tal-kanonu letterarju billi tapplika d-diskors internazzjonali dwarha għall-kuntest letterarju Malti. L-istħarriġ dwar l-eżistenza tal-aqwa letteratura u tal-proċess ta’ kif din tingħaraf isir permezz ta’ analiżi tat-testi teoretiċi u permezz ta’ diskussjoni dwar kif aspetti pragmatiċi, bħar-rikonoxximent akkademiku, ir-reklamar, l-andament tas-suq, l-għoti tal-premjijiet letterarji, is-selezzjonijiet tal-bordijiet tas-sillabu tal-letteratura, u l-għażla ta’ xogħlijiet lokali biex jiġu tradotti, jinfluwenzaw il-proċess tal-kanonizzazzjoni letterarja. Hawnhekk isir skrutinju essenzjali tal-kriterji li fuqhom jiġu bbażati l-ġudizzji fundamentali li jeżaltaw xogħlijiet letterarji meqjusa bħala superjuri bil-konsegwenza li jitwarrbu oħrajn meqjusa bħala inferjuri. Għaldaqstant, din it-teżi tista’ titqies ukoll bħala eżerċizzju li jistħarreġ il-validità u l-funzjonabbiltà tal-kanonu bħala kejl tal-kwalità letterarja jew bħala mekkaniżmu li jistabbilixxi l-istandards li l-kittieba jridu jilħqu. Dan ma jimplikax li kull standard stabbilit mill-kanonizzaturi huwa dejjem ġustifikabbli. Għalhekk fil-qalba ta’ din it-teżi ssir ukoll diskussjoni dwar l-eżistenza ta’ kriterji assoluti u dwar is-suġġettività tal-kanonizzaturi li inevitabbilment tinfluwenzahom fid-deċiżjonijiet tagħhom. Imnebbħa mill-attenzjoni akkademika li dan is-suġġett beda jingħata speċjalment mis-snin tmenin tas-seklu għoxrin ’il quddiem, it-teżi tipproponi l-istudju applikat ta’ din l-idea fil-qafas li toffri x-xena letterarja lokali. Minkejja li din l-idea qatt qabel ma ġiet diskussa formalment fil-kuntest Malti, matul l-istorja relattivament qasira tal-letteratura Maltija, diversi letterati ewlenin tkellmu, spiss indirettament, dwar il-kanonu letterarju Malti. Kif ġara lil hinn mill-kuntest lokali, hemm min ikkontesta l-idea tal-kanonu letterarju billi ppreżentaha bħala mekkaniżmu soċjali li jaqdi l-ideoloġija politikament u intellettwalment predominanti tal-mument. F’Malta wkoll, xi kittieba li jridu joħolqu spazju għalihom infushom fil-kuntest letterarju li jiffunzjonaw fih, xi drabi jaslu jiċħdu t-tradizzjoni jew l-idea ta’ kanonu stabbilit. Iżda t-tneħħija tal-kanonu preċedenti twassal biex awtomatikament jinħolqu kanoni ġodda li jiffavorixxu ideoloġiji ġodda. Dan iwassal biex aktar milli x-xogħlijiet kanoniċi jiġu akkużati li huma l-qaddejja fidili ta' xi tip ta’ aġenda moħbija tal-klassi dominanti, hemm iċ-ċans li l-antikanonisti jiġu akkużati mill-apoloġisti tal-kanonu li huma l-qaddejja ta’ xi grupp soċjali. Filwaqt li dan il-proċess ikompli jsostni l-“gwerer” tal-kanonu u r-rilevanza tal-istudji dwarhom, l-idea li tħott knisja biex tibni oħra toħloq il-bżonn li jiġu analizzati l-motivi moħbija li jwasslu għal dawn il-bidliet kostanti. Dan l-istudju mhuwiex intenzjonat biss biex jintroduċi lokalment id-diskussjoni tal-idea tal-kanonu letterarju; hawn tiġi eżaminata wkoll il-possibbiltà li tingħaraf l-eżistenza tal-kanonu letterarju Malti. Għal dan il-għan it-teżi tipproponi perspettiva ewlenija fl-applikazzjoni tal-idea tal-kanonu fil-kuntest ta’ letteratura ċkejkna li għandha karatteristiċi u limiti partikolari. Permezz tax-xogħol ta’ ħassieba bħal Gramsci, Rancière, Swirski, Kolbas, Showalter, Friggieri u Baldacchino, din l-analiżi tad-djalettika dwar il-kanonu letterarju tipproponi fost l-oħrajn id-djalogar u n-negozjar iktar milli l-konfrontazzjoni. Dan iwassal għal approċċ idjosinkratiku li jfittex it-triq tan-nofs bejn il-perspettiva konservattiva u dik liberali li spiss iddominaw id-dibattitu kanoniku. Fid-dawl ta’ dak li qalet Casanova, hawnhekk tiġi esplorata wkoll il-proposta li l-idea tal-kanonu letterarju ma tibqax titqies biss fis-sens dejjaq tagħha imma tiġi pperċepita bħala struttura mutabbli, struttura li paradossalment issir interessanti biss jekk tibqa’ toffri spazju li fih jista’ jseħħ dibattitu. L-attitudni ewlenija li tissuġġerixxi din it-teżi u li tista’ tiġi applikata fl-istadji fundamentali tal-proċess lokali talkanonizzazzjoni letterarja hija waħda ta’ bilanċ. Il-kompromess li jista’ jintlaħaq fl-agora tad-dibattitu kanoniku bejn ir-rispett lejn it-tradizzjoni u s-sensittività li tirreġistra l-innovazzjoni jiġi propost bħala l-avviċinament meħtieġ fil-konfront ta’ letteratura fraġli li ma tippermettix li tiċħad l-aqwa letteratura ta’ epoka biex minflokha tpoġġi oħra.
Description: Ph.D.(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/89782
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2021
Dissertations - FacArtMal - 2021

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
ALOISIO_DAVID_IT-TEŻI_TAL-PHD_ID-DJALETTIKA_TAL-KANONU.pdf3.83 MBAdobe PDFView/Open


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.