Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/5515
Title: Il-poeziji migbura ta' Mary Meylak
Authors: Vella, Josmar
Keywords: Meylak, Mary, 1905-1975
Maltese poetry -- 20th century
Women authors, Maltese -- Malta -- Gozo
Gozo (Malta) -- In literature
Issue Date: 2012
Abstract: Meta ġejt biex nagħżel it-titlu, il-ħajra tiegħi kienet li din it-teżi jkollha rabta mal-gżira fejn noqgħod: Għawdex. Matul iż-żmien Għawdex irnexxielu jrawwem nies li fil-kamp tal-letteratura Maltija għamlu isem għalihom. Fost dawn insibu lil Ninu Cremona, Anton Buttigieg, Ġorġ Pisani u l-poetessa li magħha ddur din ir-riċerka: Mary Meylak. Minn dawn l-erba' poeti Mary Meylak hi l-inqas waħda li ġiet rikonoxxuta. Ftit li xejn issib kritika dwar ix-xogħlijiet tagħha. Jista' jkun il-fatt li t-temi li ħaddnet Meylak kienu ħfief ikkomparati mal-poeti l-oħra ta' żmienha li ħakmu temi iktar serji bħall-ansjetà eżistenzjali. Il-fatt li Mary Meylak kienet l-ewwel poetessa Maltija aktarx xekkilha milli tieħu l-apprezzament mistħoqq. B'din it-teżi, ix-xewqa tiegħi hi li isem Mary Meylak ngħollih kemm jista' jkun 'il fuq. Irrid nuri li Mary Meylak jistħoqqilha kull tifħir daqs kull poeta li kiteb ismu b'ittri tad-deheb fil-letteratura Maltija u dan mhux bil-kliem biss. Meylak qabdet ir-rotta tal-oriġinalità fejn din tidher fit-temi sbieħ li titkellem fuqhom, fir-ritmu ħafif li tuża, fil-moħħ għammiel bl-immaġinazzjoni, bit-ton ċajtier u serju fl-istess ħin, b'metafori tassew sbieħ u oriġinali u bil-monorima – teknika għalkollox ġdida f'Malta li użat Meylak u li hi kienet tassew kburija b'dan il-fatt. Il-muża ta' Meylak hi għodda leġittima ta' ispirazzjoni poetika u ddaħħlek f'dinja tal-fantasiji li tagħha Meylak hi l-kreattriċi. Meylak hi oriġinali wkoll għax ftit li xejn kellha influwenza barranija. L-unika influwenza żgħira li setgħet żviluppat kienet ta' William Wordsworth iżda Meylak qatt ma tidher tidħol fil-ħsibijiet profondi bħalma għamel hu. F'Ħbiebi l-Awturi Maltin, Chetcuti jagħraf dan il-fatt billi jgħid li: “[Meylak] ma tiġborx fiha ruħ ta' poeti barranin imma hi kollha kemm hi Maltija: Maltija fil-ħsieb, fil-qalb, fis-sentiment, f'dak kollu li hu moralment u spiritwalment Malti” (406). Ir-reliġjon hi l-bażi kulturali f'pajjiżna u għalhekk bilfors ikun hemm influwenza fil-letteratura tal-pajjiż. Minn kliem Chetcuti rajna li Meylak kienet “spiritwalment” Maltija. Għal Meylak fejn jidħol Alla ma kien jidħol ħadd ħdejh. Mary Meylak il-persuna, kienet spiritwali u għalhekk ma jonqosx li fil-poeżiji tagħha dan l-element jidħol ukoll. Ir-reliġjon tolqotha minn diversi aspetti differenti għax prattikament tidħol f'kull tema li titratta l-poetessa: fin-natura, Alla jidher fil-ħolqien tiegħu filwaqt li fil-poeżiji patrijottiċi Alla jidher fir-rebħiet li wettqet Malta u fl-aktar mumenti diffiċli. Is-sejba mill-awtur preżenti ta' manuskritti ta' Mary Meylak fetħu ħsibijiet ġodda relatati mal-poetessa. Naraw lil Meylak fi sfond patrijottiku b'poeżiji b'tifħir lejn art twelidha, oħrajn fuq il-gwerra u anke fuq il-folklor Malti. L-istil ta' kitba f'dawn il-poeżiji huwa identiku għall-poeżiji l-oħra ppubblikati fejn tiddomina l-immaġinazzjoni u l-istil ħafif li Meylak taf tikteb bih. Ma jonqosx ukoll li Meylak tesaġera fit-tifħir lejn Malta u lejn dak kollu li hu Malti. Kienet tkun ħasra kbira li kieku dawn il-poeżiji spiċċaw intilfu għax tabilħaqq, konna nitilfu aspett ieħor fil-letteratura ta' Mary Meylak. Hi t-tama tiegħi li fis-snin li ġejjin dawn ix-xogħlijiet li baqgħu fil-kexxun jaraw id-dawl u l-qarrej inġenerali jkun jista' jmiss b'idejh teżor Malti li qatt ma ġie f'idejh.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/5515
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2012

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
12BAMAL023.pdf
  Restricted Access
1.7 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.