Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100151
Title: Il-bidla minn ‘s’ għal ‘ż’ u t-twaqqigħ tal-‘j’ f’tarf il-kelma : studju ta’ varjanti fonetiċi-ortografiċi f’kuntest soċjolingwistiku
Authors: Galea, Christina (2022)
Keywords: Maltese language -- Social aspects
Maltese language -- Variation
Maltese language -- Phonology
Maltese language -- Orthography and spelling
Issue Date: 2022
Citation: Galea, C. (2022). Il-bidla minn ‘s’ għal ‘ż’ u t-twaqqigħ tal-‘j’ f’tarf il-kelma: studju ta’ varjanti fonetiċi-ortografiċi f’kuntest soċjolingwistiku (Bachelor's dissertation).
Abstract: Wara li ddiskutejt mat-tutur numru ta’ suġġetti li stajt nagħmel teżina dwarhom, l-iżjed qasam li interessani kien il-qasam tal-varjanti fonetiċi-ortografiċi. Dan is-suġġett ma kienx qasam li kont familjari ħafna miegħu iżda ħsibt li jekk nieħdu bis-serjetà, ix-xogħol tiegħi jista’ jikkontribwixxi xi ftit jew wisq għat-tielet sett ta’ deċiżjonijiet li jrid joħroġ il-Kunsill Nazzjonali tal-Malti fil-futur. Apparti li minn dejjem kienet tinteressani l-ortografija, dan il-qasam interessani wkoll minħabba l-fatt li ħafna drabi fl-iskejjel primarji u sekondarji ma niġux mgħallma dwar dawn il-varjanti jew inkella nkunu sfurzati, bla ebda raġuni, biex nużaw varjant flok ieħor. Ma xtaqtx li dan ix-xogħol ikun wieħed kwantitattiv biss. Għaldaqstant iddeċidejt li dan l-istudju ninkorporah f’kuntest soċjolingwistiku billi nistudja żewġ varjabbli differenti: l-età u l-ġeografija. Permezz ta’ dawn il-varjabbli jiena se nistudja jekk l-età tal-kelliema u ż-żona ġeografika li jgħixu fiha jinfluwenzawx l-għażla tagħhom ta’ xi varjant partikolari. Għan ieħor huwa li nara jekk hemmx rabta bejn il-kuntest tal-kitba u l-kuntest tat-taħdit, u dan beħsiebni nagħmlu billi nħejji żewġ kwestjonarji simili ħafna ta’ xulxin. Fl-aħħar nett, nixtieq inqabbel irriżultati li se nikseb mill-kwestjonarji mad-dejta miksuba mill-Korpus. Din it-teżina se tkun ħolqa oħra minn sensiela ta’ teżijiet dwar varjanti-fonetiċi differenti. Fil-fatt diġà saru ħames teżijiet oħra dwar dan il-qasam. L-ewwel teżina li trattat dan is-suġġett hija ta’ Ancel Cefai fl-2013. It-teżi ta’ Cefai ġiet segwita minn ta’ Gabriella Mifsud fl-2016, Alexia Saliba fl-2018, Kimberly Hatherly fl-2020 u Cherise Grima fl-2021. Matul dan listudju ser inkun qiegħda nirreferi għalihom bħala gwida, iżda fejn hu possibbli se nipprova nqabbel ukoll ir-riżultati li se nikseb jiena mar-riżultati li kisbu l-awturi ta’ dawn it-teżijiet. Apparti minn hekk, beħsiebni ninkludi l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kapitlu tal-Ħarsa Kritika fejn inkun nista’ nidħol iżjed fid-dettall dwar il-metodoloġija li użaw u r-riżultati li kisbu. Barra minn hekk, m’iniex se nillimita ruħi għal dawn ix-xogħlijiet biss, iżda se nħares ukoll lejn studji barranin li jagħtu ħarsa iżjed fid-dettall dwar is-soċjolingwistika u l-varjanti fonetiċi-ortografiċi. Fil-kapitlu tal-metodoloġija se nispjega l-proċess kollu ta’ din it-teżina. Għalhekk, se niffoka dwar kif ġew magħżula t-tletin par ta’ varjanti, iż-żewġ varjabbli soċjolingwistiċi, u kif qassamt il-parteċipanti fi gruppi. Wara li nagħmel dan, se nispjega l-proċess tat-tfassil tal-kwestjonarju tal-kitba u tat-taħdit. Minħabba li l-kwestjonarji huma l-qofol ta’ din it-teżina, qabel ma qassamt il-kwestjonarji l-proprja, għamilt studju pilota sabiex il-kwestjonarji jkunu iżjed professjonali u jippermettu li l-parteċipanti jwieġbu l-mistoqsijiet b’mod naturali. Dan kien essenzjali minħabba li ma stajtx niltaqa’ mal-parteċipanti kawża tal-pandemija tal-COVID-19. Wara li nkun ġbart id-dejta kollha meħtieġa, dawn ir-riżultati se naqsamhom f’ħames kapitli ewlenin tal-analiżi. L-ewwel erba’ kapitli se jkunu ddedikati għall-erba’ gruppi ta’ varjanti u f’kull kapitlu se nanalizza t-tweġibiet tal-parteċipanti skont l-età u l-ġeografija. Fl-aħħar ta’ kull kapitlu beħsiebni nikkompara dawn ir-riżultati mal-kwestjonarju tat-taħdit u għalhekk nara hemmx rabta bejniethom. L-aħħar kapitlu tal-analiżi se jkun iddedikat għal analiżi ta’ dawn ir-riżultati b’paragun mal-ġabra elettronika tal-Korpus. Fl-aħħar ta’ din it-teżina, se nitkellem dwar il-konklużjonijiet ġenerali li jkunu ħarġu minn dan ix-xogħol, kemm dwar frekwenza, kif ukoll tendenzi partikolari li jistgħu jinstabu marbuta mal-varjabbli u l-kuntesti studjati. Nagħti wkoll xi suġġerimenti dwar dawn il-konklużjonijiet u dwar xogħol ieħor li jista’ jsir f’dan il-qasam fil-futur.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100151
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2022
Dissertations - FacArtMal - 2022

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
22BAMAL013.pdf
  Restricted Access
3.87 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.