Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/102088
Title: Il-varjazzjoni lessikali f’Għawdex : stħarriġ f’erba’ lokalitajiet
Authors: Borg, Maureen (2022)
Keywords: Maltese language -- Variation -- Malta -- Gozo
Maltese language -- Malta -- Gozo -- Dialects -- Lexicology
Maltese language -- Social aspects -- Malta -- Gozo
Issue Date: 2022
Citation: Borg, M. (2022). Il-varjazzjoni lessikali f’Għawdex: stħarriġ f’erba’ lokalitajiet (Bachelor's dissertation).
Abstract: Meta ġejt biex nagħżel is-suġġett li ser nistħarreġ fl-istudju tiegħi, mill-ewwel kont naf li ridt naħdem fuq id-djaletti Għawdxin. Ta’ età bikrija kont nibqa’ affaxxinata kif missieri, li hu mix-Xewkija jgħid ħobż ismar, mentri ommi li hija miż-Żebbuġ tirreferi għall-istess oġġett bil-frażi ‘brown bread’. L-interess tiegħi fid-djaletti żdied wisq aktar meta bdejt l-esperjenza universitarja fejn ġejt esposta għal varjetajiet differenti li nisslu fija aktar interess fl-aspett sinkroniku tad-djaletti Maltin u Għawdxin. Barra minn hekk, bdejt naffaċċja assunzjonijiet li ma naqbilx magħhom, ngħidu aħna xi Maltin assumew li nuża termini bħal smontor, fjura u mitraħ, mentri jien fil-verità nuża l-aktar it-termini ‘foil’, ‘pastarda’ u ‘saqqu’. Ridt nuri li, minkejja li l-gżira Għawdxija hija waħda żgħira, xorta jinsabu differenzi lessikali bejn lokalità u oħra. Mir-riċerka li saret s’issa nafu li l-lingwa tvarja minn lokalità għal oħra fuq diversi livelli, fosthom il-livell fonetiku u fonoloġiku, grammatikali u lessikali. Filwaqt li saru xi xogħlijiet fuq id-djaletti Għawdxin, l-ebda xogħol ma tratta l-varjazzjoni lingwistika f’qasam ġenerali. Minflok, insibu xogħlijiet li eżaminaw il-pronunzja ta’ lokalità partikolari, fosthom t’Għajnsielem (Grech, 2019) u tan-Nadur u ta’ Ta’ Sannat (Farrugia, 2016). Hemm ukoll xogħlijiet li jittrattaw qasam lessikali partikolari, fosthom il-qasam tal-ħelu (Rapa, 1995), ittrobbija taż-żwiemel (Cauchi, 2015) u l-qasam tal-ilbies (Spiteri, 2016). It-teżi ta’ Mariana Cachia (2015) tiffoka fuq is-sitwazzjoni lingwistika tar-raħal tax-Xewkija, mentri Carm Cachia (2001) jiddiskuti s-sitwazzjoni lingwistika f’Għawdex. Id-differenzi lessikali bejn il-Malti u lGħawdxi ġew trattati minn Keith Attard u Michael Spagnol (2014). Minkejja dawn ix-xogħlijiet, l-ebda xogħol soċjolingwistiku ma inkluda fih daqstant parteċipanti (320 ruħ) u għalhekk dan ix-xogħol jista’ jitqies bħala pijunier għal studji soċjolingwistiċi futuri. L-għan ta’ dan l-istudju hu li nistħarreġ il-varjazzjoni lessikali fl-Għawdxin permezz ta’ intervisti ma’ 160 żagħżugħ/a mir-Rabat, mix-Xagħra, mix-Xewkija u miż-Żebbuġ, li aktar ’il quddiem jiġu mqabbla mar-riżultati ta’ 160 anzjan/a mill-istess lokalitajiet sabiex jiġi analizzat il-lessiku bażiku li jintuża fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk, l-iskop ta’ dan ix-xogħol hu li tiġi analizzata l-varjazzjoni lessikali f’termini ġenerali u mhux f’xi qasam speċjalizzat bħalma sar f’ħafna xogħlijiet lessikali preċedenti. Bl-użu ta’ 48 stampa jiġi mistħarreġ jekk il-fatturi soċjolingwistiċi tas-sess, l-età u l-lokalità jinfluwenzawx il-varjazzjoni lessikali. L-ipoteżi ta’ din it-teżi hija li teżisti varjazzjoni lessikali f’dawn l-erba’ lokalitajiet li ħafna drabi hija kkawżata mill-fattur tal-ġeografija, iżda xi minn daqqiet hija kkawżata mill-fattur tal-età u possibilment xi ftit ukoll mill-varjabbli tas-sess. Naturalment, minkejja li huma fatturi separati minn xulxin, hemm il-possibilità li l-varjazzjoni lessikali tkun influwenzata minn diversi fatturi fl-istess ħin, u minn fatturi oħrajn, bħal-livell edukattiv u l-klassi soċjali, li ma nkoprihomx f’dan l-istudju. Rigward it-tqassim strutturali, dan l-istudju jikkonsisti f’ħames taqsimiet ċentrali. F’dan il-kapitlu introduttorju nistqarr l-għan tat-teżi u nispjega t-tqassim ċentrali tal-istudju. It-tieni kapitlu jipprovdi ħarsa kritika lejn xogħlijiet preċedenti rilevanti għal dan l-istudju. Bl-għajnuna ta’ studji dwar lingwi differenti, tingħata ħarsa introduttorja lejn il-bidla fil-lingwa li eventwalment tikkawża l-varjazzjoni fil-lingwa li tinqasam fil-livell fonetiku, morfosintattiku u lessikali. Minħabba li l-qofol ta’ dan l-istudju hu l-varjazzjoni lessikali, fl-aħħar taqsima talkapitlu tiġi spjegata aktar fid-dettall x’inhi din it-tip ta’ varjazzjoni. F’din il-parti jiġi kkuntestwalizzat l-argument billi tingħata ħarsa lejn studji lokali preċedenti li jittrattaw ilvarjazzjoni lessikali f’pajjiżna. Tul it-tieni kapitlu, l-ideat jiġu kkonkretizzati bl-għajnuna ta’ diversi eżempji kemm mill-Malti kif ukoll minn lingwi barranin. Il-kapitlu li jsegwi jiddiskuti l-metodoloġija użata f’dan l-istħarriġ biex ikun jista’ jintlaħaq l-għan. L-ewwel taqsima minn sitta tiftaħ b’deskrizzjoni tal-metodu kif inġabret linformazzjoni mingħand il-parteċipanti. Fit-tieni taqsima jiġi deskritt il-proġett “Djaletti” li tagħmel parti minnu din it-teżi. Imbagħad tiġi spjegata kull deċiżjoni li ttieħdet sabiex ilprodott finali jikkorrispondi mal-għanijiet tal-istħarriġ. Għalhekk, f’din il-parti jiġu spjegati: l-għażla tal-istampi fil-kwestjonarju, il-kriterji kkunsidrati biex intgħażlu l-parteċipanti u l-għażla tal-erba’ lokalitajiet Għawdxin. Finalment, il-kapitlu jagħlaq bid-diffikultajiet li ġejt wiċċ imb wiċċ magħhom fl-istħarriġ tiegħi u kif dawn ġew evitati. Ir-raba’ kapitlu ċentrali jinkludi l-analiżi tar-riżultati miġbura bis-saħħa talkwestjonarju. Hawnhekk saret analiżi kemm tar-riżultati taż-żgħażagħ li ġbart jien kif ukoll tarriżultati tal-anzjani li nġabru mill-proġett “Djaletti” li ġew mgħoddija lili mit-tutur tiegħi Dr Michael Spagnol. Dan il-kapitlu hu maqsum f’sitt taqsimiet, bl-ewwel taqsima tittratta dawk il-ftit stampi li fihom ma dehritx varjazzjoni lessikali minħabba li kien hemm qbil bejn il-parteċipanti fuq it-terminu użat. Mill-banda l-oħra, fit-tieni taqsima jiġu ppreżentati l-istampi li fihom dehret varjazzjoni lessikali skont kemm-il varjant intqal. Fit-tliet taqsimiet li jsegwu, jiġu analizzati t-tweġibiet skont il-varjabbli soċjolingwistiċi l-aktar rilevanti għal dan l-istħarriġ (is-sess, l-età u l-lokalità), biex jiġi mistħarreġ jekk u kemm jirriżultaw f’varjazzjoni lessikali. Minkejja li dan l-istudju jistħarreġ il-varjazzjoni lessikali, mir-riżultati ħarġu xi varjazzjonijiet grammatikali li jiġu diskussi fl-aħħar taqsima ta’ dan il-kapitlu. L-aħħar kapitlu, il-konklużjoni, jinkludi spjega tas-sejbiet ewlenin li ħarġu minn dan listudju. Bħal kull xogħol lingwistiku ieħor, minħabba li l-lingwa dejjem tevolvi, dejjem hemm lok għal aktar riċerka. Għalhekk, il-kapitlu jagħlaq b’xi suġġerimenti għal studji futuri biex min jinteressah dan il-qasam jieħu idea tal-ftit mill-ħafna li għad irid isir fil-lingwistika Maltija. Fl-aħħar ta’ din it-teżi nsibu l-appendiċi maqsuma f’sitt partijiet. Fl-ewwel parti nsibu l-kwestjonarju lessikali, fit-tieni hemm id-dettalji personali tal-parteċipanti kollha li ħadu sehem fl-istħarriġ, bħall-età u l-lokalità. It-tliet appendiċi ta’ wara jikkonsistu f’tabelli miġbura abbażi s-sess, l-età u l-ġeografija rispettivament. L-aħħar appendiċi tinkludi r-riżultati dettaljati abbażi tat-tliet fatturi soċjolingwistiċi.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/102088
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2022
Dissertations - FacArtMal - 2022

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
22MAL3000.pdf
  Restricted Access
5.2 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.