Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/29837
Title: | L-element allegoriku fil-hrejjef ta’ Manwel Magri : forom u funzjonijiet |
Authors: | Caruana, Christabel |
Keywords: | Folklorists -- Malta Tales -- Malta Allegories Magri, Manwel, 1851-1907 |
Issue Date: | 2017 |
Abstract: | Din ir-riċerka tkopri l-element allegoriku fil-ħrejjef ta’ Manwel Magri. Bħal f’ġeneri oħra letterarji, l-allegorija fil-ħrejjef tagħti preżenza konkreta (forma umana, annimaleska, jew anki inanimata) lil kunċett astratt, li aktarx ikun vizzju jew virtù. B’hekk karattri allegoriċi differenti fl-istess ħrafa jkunu qed jirrappreżentaw tendenzi psikoloġiċi jew astratti daqstant differenti tal-bniedem. Din ir-riċerka tistħarreġ ukoll kif dawn l-allegoriji jinteraġixxu flimkien biex joħolqu kunflitt u riżoluzzjoni bejn kwalitajiet umani. L-ewwel kapitlu ta’ din it-teżi jservi ta’ bażi għal din ir-riċerka għax jistħarreġ b’mod ġenerali l-funzjoni allegorika matul il-medda ta’ żmien, kif ukoll il-forom artistiċi differenti li ħadet f’xogħlijiet allegoriċi ewlenin. Marina Warner tfisser l-allegorija bħala mod ta’ taħdit li ma għandux tifsira waħda, imma jista’ jiġi interpretat f’rabta ma’ żewġ dimensjonijiet: waħda fiżika u l-oħra morali. Hija telabora li l-allegorija hija speċi ta’ metafora estiża (xix). L-għodda allegorika hija mekkaniżmu li jirnexxilu jaqbad kunċett astratt u jagħtih il-ħajja f’forma empirika bil-għan li jgħallem bil-komportament dinji tiegħu. Għal Warner, l-allegorija mhijiex sempliċiment figura tat-taħdit imma hija parti essenzjali mit-taħdit ta’ kuljum, u fil-fatt tikklassifika d-diskors ironiku f’ħalq il-kelliem komuni bħala fergħa allegorika (xix). Għal Dante, l-allegorija taħdem bħala velu li jaħbi l-verità, bil-għan li jġiegħel lill-udjenza tagħmel konnessjonijiet bejn l-aġenti allegoriċi u l-ħajja li jgħixu fiha, sabiex, eventwalment, issib din il-verità moħbija (Tambling 19). Dante jagħmel distinzjoni bejn l-allegorija tal-poeti u dik tat-teologi, għax għalih l-allegorija tal-poeti mhi xejn għajr gidba aktarx sabiħa li tintuża f’kitbiet pjuttost leġġeri filwaqt li dik tat-teologi, użata fix-xogħol tiegħu La Divina Commedia, tiġbor fiha l-erba’ livelli allegoriċi ta’ Boccaccio (Tambling 28). L-allegorija jirnexxilha tkopri fiha aspetti bibliċi u satiriċi fl-istess waqt, u dan tagħmlu, primarjament, fil-ħrafa, kif se jintwera b’aktar dettall fl-ewwel kapitlu. L-irwol tal-allegorija fil-ħrafa, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri f’rumanz psikoloġiku, huwa li toħloq karattri ċatti bla ma tippermetilhom li jiżviluppaw lil hinn mill-virtù jew il-vizzju li jirrappreżentaw. |
Description: | B.A.(HONS)MALTESE |
URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/29837 |
Appears in Collections: | Dissertations - FacArt - 2017 Dissertations - FacArtMal - 2017 |
Files in This Item:
File | Description | Size | Format | |
---|---|---|---|---|
17BAMAL006.pdf Restricted Access | 1.17 MB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.