Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/81681
Title: Muftieħ għall-vokabolarju Malti : mudell għat-twessigħ tar-riżorsi lessikali
Authors: Spagnol, Michael
Keywords: Maltese language -- Lexicology
Maltese language -- Vocabulary
Maltese language -- Semantics
Terminology
Human body and language -- Malta
Issue Date: 2006
Citation: Spagnol, M. (2006). Muftieħ għall-vokabolarju Malti: mudell għat-twessigħ tar-riżorsi lessikali (Bachelor's dissertation).
Abstract: Ix-xogħol hu maqsum f'żewġ partijiet ewlenin. Fl-ewwel parti nittratta l-qafas teoriku li fuqu hi mibnija t-tieni parti. L-ewwel kapitlu jfittex id-definizzjoni tal-vokabolarju li taw diversi kittieba, ħafna drabi permezz ta' metafori suġġestivi, u lejn id-daqs tal-lessiku b'mod ġenerali. It-taqsima ta' wara tiffoka fuq il-vokabolarju ta' lsien partikolari, il-Malti, u telenka d-dizzjunarji li ppruvaw jiġbru l-lessemi tal-lingwa. Fl-aħħar jagħti ħarsa fuq fuq lejn kemm nafu u kemm nużaw mil-lessiku b'mod individwali. Fit-tieni kapitlu tiġi mistħarrġa l-kelma bħala l-unità bażi tal-vokabolarju u r-rabta tagħha mal-ħsieb. Wara li mmiss xi assoċjazzjonijiet metaforiċi li nbnew madwar l-idea tal-kelma, inħares lejn id-diffikultajiet li wieħed isib biex jiddefinixxi l-kelma permezz tat-terminu tradizzjonali. Il-kliem mhux maqtugħ għalih waħdu imma qiegħed f’relazzjonijiet mal-kliem l-ieħor. M'hemmx deskrizzjoni semantika wahda li tkopri dawn ir-relazzjonijiet kollha. Fost il-metodi tradizzjonali hemm id-dizzjunarju li jelenka l-kliem f'ordni alfabetiku u jagħti t-tifsir bażiku u sekondarju ta' kull kelma. lt-tielet kapitlu jeżamina l-metodoloġiji ewlenin tas-semantika lessikali; jiġifieri (i) ix-xebh semantiku inawgurat minn Jost Trier li fuqu hi msejsa l-analiżi ta' l-għelieqi semantiċi, (ii) ir-relazzjonijiet lessikali (is-sinonimija, l-antonimija, ecc.) li għażilhom sistematikament għall-ewwel darba John Lyons, u (iii) ir-relazzjonijiet lessikali sintagmatiċi ta' Walter Porzig, l-aktar il-kollokazzjoni. Fit-tieni parti tax-xogħol nesplora l-vokabolarju Malti ta' żewġ oqsma u nuri kif wasalt għaż-żewġ mudelli li qed inressaq. L-ewwel żewġ taqsimiet tar-raba' kapitlu jħarsu lejn l-importanza tal-vokabolarju bħala sistema dinamika li tibqa' tiżviluppa mill-ewwel sa l-ahhar jiem ta' hajjitna. Wara li nistharreg il-metodi tradizzjonali ta' kif jiġi mgħallem il-vokabolarju, niffoka fuq l-għelieqi semantiċi, il-kollokazzjonijiet, ir-relazzjonijiet ta' sens u l-istampi bħala erbgħa mill-aktar sistemi li jaqdu l-bżonnijiet ta' dan il-qasam tal-pedagoġija. Fil-parti li jmiss nelenka xi xogħlijiet bil-Malti li jinqdew b'dawn il-metodi u jippreżentaw il-vokabolarju f’kunċetti ewlenin u nagħti valutazzjoni ħafifa ta' wħud minnhom. Fl-aħħar taqsima nagħti l-kriterji li bihom wasalt għall-għażla taż-żewġ oqsma u tal-kliem li nittratta fihom, il-metodu kif ġbart il-lessemi u kif organizzajthom. Il-ħames u s-sitt kapitlu huma mqassma bl-istess mod. Fl-ewwel parti nintroduċi s-suġġett tat-temp f’kapitlu, u tal-partijiet tal-ġisem f’ieħor. Fit-tieni parti nippreżenta diversi relazzjonijiet li jidħlu fihom il-lessemi bażiċi taż-żewġ għelieqi u fit-tielet parti nagħti l-motivazzjonijiet ta' liema kliem ninkludi u liema nħalli barra. Fl-aħħar taż-żewġ kapitli nippreżenta ż-żewġ mudelli għat-twessigħ tar-riżorsi lessikali li nittama li jintlaqgħu tajjeb bħalma ntlaqgħu mill-kampjun żgħir ta' nies bejn l-għaxar snin u t-tmintax-il sena li kellhom iċ-ċans jaraw ix-xoghol.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/81681
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 1999-2010
Dissertations - FacArtMal - 1964-2010

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
B.A.(HONS)MALTESE_Spagnol_Michael_2006.pdf
  Restricted Access
9.2 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.