Nistqarr li kienet grazzja li kelli lill-Professur Friggieri mhux biss bħala lettur, imma bħala t-tutur tat-teżi tiegħi. Għażilt proprju lilu għaliex kont naf li l-lingwa Maltija u t-tagħlim Nisrani kienu għal qalbu ħafna, u ħadd ma seta’ jgħinni daqsu meta tqis li kellu għarfien profond tagħhom it-tnejn, iktar u iktar meta t-teżi tiegħi trattat figuri tat-taħdit fil-Vanġelu ta’ San Mattew.
Kienet esperjenza li ffurmatni għaliex bil-gwida tiegħu stajt nasal għall-konklużjoni li Kristu hu personaġġ letterarju, huwa poeta relevanti jgħaddi kemm jgħaddi żmien. Tul din l-esperjenza, ġew waqtiet fejn it-triq rajtha twila u qtajt qalbi iżda kien dejjem jgħidli kompli miexja, miexja tajjeb, u dan dejjem qawwieli qalbi. Kieku ma kinitx il-gwida tiegħu, kieku ma ksibx ir-riżultat li dejjem xtaqt nikseb.
Minbarra li f’għajnejja kien poeta u professur li għallimni għal tliet snin sħaħ (2012-2015) fl-Università, għalija kien Nisrani li evanġelizza lill-istudenti tiegħu, fis-silenzju, bla ebda daqq ta’ trombi.
Nemmen li l-Professur Friggieri mess il-qalb ta’ kull persuna li ltaqgħet max-xogħlijiet tiegħu. Diffiċli biex ma tirrelatax ma’ mqar kitba waħda minn tiegħu għaliex Friggieri kiteb fuq bosta aspetti differenti tal-ħajja. Jiena ġrali hekk meta ltqajt mal-ktieb il-Kliem li Tgħidlek Qalbek, li huwa ġabra ta’ ħajki. F’dan ix-xogħol, ħassejt li wara dan il-poeta, hemm bniedem umli, Nisrani fil-prattika li jaħseb f’kollox u f’kulħadd.
Pereżempju, nimpressjona ruħi bl-umiltà li kellu Friggieri. Din tintwera fil-kitba tiegħu, meta jaħseb anke f’dudu, ħlejqa li fil-ħajja ta’ kuljum nafu li teżisti imma qajla jimpurtana minnha.
Fil-fatt jikteb; ("Mulej agħtini widnejn biex nisma’ karba ta’ dudu"). Ġabni konxja ta’ affarijiet li fil-ħajja ta’ kuljum lanqas nagħti kashom għax noħodhom forgranted. Bħalissa qed niftakar f’episodju minnhom meta waqt lekċer ikkwota dan il-proverbju; “Bdejt ingerger għax ma kellix żarbun sakemm rajt bniedem bla saqajn”. Friggieri kien iġibek konxja biex tħares lejn il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor u mhux tiegħek biss, tapprezza dak li għandek u mhux f’dak li tixtieq li forsi m'intix bżonnu fil-verità. Iżda l-imħabba li kellu Friggieri ma kinitx lejn il-ħlejjaq iż-żgħar. Kien jimpurtah ukoll mill-bniedem, dak li għandu vuċi, mhux bħal dudu li m’għandux, u kien jirrikonoxxi t-tbatijiet li jkollu jgħaddi minnhom; ("Il-għala qed tibki? L-uġigħ ta’ llum jintesa bl-uġigħ ta’ għada") .
Mhux biss kien jirrikonoxxi li l-bniedem ibati, iżda b'umiltà kien jgħin lill-bniedem fi tbatija permezz tal-kitba tiegħu, bħal: ("Tħabbatx iżżejjed fuq qalb li diġà ngħalqet għax tweġġa’ jdejk") ("Waqajt fit-telgħa? Qum fis u dewwi l-ġrieħi tidra taqa’") ("Żomm iċ-ċavetta biex meta tiftaħ qalbek terġa’ ssakkarha"). Illum ħajku li iżjed huwa relevanti għalija huwa dan ("Imut poeta u warajh iħalli xkora ta’ sentimenti"). Hekk għamel Friggieri miegħi, ħallieli sentimenti kbar wara mewtu, u mistoqsijiet li se nibqa’ bla tweġiba għalihom. Wara li gradwajt, xorta bqajna f’kuntatt jiena u huwa permezz tal-imejls. Darba kont bgħattlu imejl nistaqsih kif inhu, u kien bagħatli hekk:
Għażiża Marilyn, M'iniex ħazin, nirringrazzja lil Alla. Meta mbagħad għad jiskot fommi, u riġlejja jeħlu mal-art, u nteftef b'idejja t-tnejn biex nagħti l-aħħar passi, nittama li nkun għedt kull kelma li kelli nagħżel fil-kuntratt ta' ħajti, u li biha stajt missejt il-qalb ta' xi ħadd, minn dudu sa bniedem.
U mbagħad meta idi tingħalaq bhal warda li ma tistax tiftaħ, u tieqaf u l-pinna taqagħli minn idi, imbagħad, nittama li jkun sebaħ, u nkun tgħallimt il-lingwa tas-skiet. Jekk għad fis-skiet niskopri ħsejjes godda, u jarġa' jaqa' f'ħoġri l-kliem mill-għoli, allura nkun wasalt biex fhimt il-kwiekeb, muti bħali, ... allura l-alfabett ikun ħafif, u b'id titriegħed, l-id bla żmien ta' tfajjel, nonqox bih ktieb ieħor. Sa dak il-ħin bl-arloġġ marbut mal-polz li għadu jtektek, nistenna l-minutiera tasal f'postha, u nġorr fl-ixkora tiegħi kliemi kollu, bit-tama li jwassalni sat-tarf l-ieħor.
Ikun dal-kliem il-kliem li bih insellem jekk qatt ma nasal nagħżel kelma oħra. Għażiża Marilyn, ma nafx kif, imma dawn huma versi, xejn riveduti, li ktibt issa malli bdejt niktiblek, u kont wasalt fil-kelma 'Alla'. Ma rrevedejthomx. Żommhom bħala ringrazzjament lilek għall-ġentilezza tiegħek. Għadni nikteb eccetra, u nippubblika kotba u artikli barra minn Malta, bħal qabel... Meta jogħġbok għaddi, u qis li tgħidli kull meta taħseb li nista' nkunlek ta' xi għajnuna. Ibqa' emmen, ibqa' tbissem - ikun xi jkun it-temp, ibqa' tajba, ikun xi jkun it-temp.
Meta kont qrajtha, niftakar li kont tħassibt ħafna. U ktibtlu lura hekk:
Żgur mhux forsi ħallejtni bla kliem. Napprezza ħafna l-e-mail li bgħattli u dan il-kliem se ngħożżu għal dejjem. Profs, offrejt il-quddies għalik u ħafna talb għalik. Nixtieq li nsibu ċans u niltaqgħu ftit, jekk ma jimpurtax sabiex fl-istess ħin ngħaddilek kopja tat-teżi tiegħi li saret bl-għajnuna u l-kuraġġ tiegħek. Bilħaqq, missejt ħafna qlub tibżax u bl-azzjonijiet tiegħek naf fiċ-ċert li wassalt lil Kristu lil diversi nies, fosthom l-istudenti.
U ftit ġranet wara fil-fatt kont mort inżuru l-uffiċċju, fejn bħalma kien jagħmel ħriġt ħafna drabi tani ktieb minn tiegħu u ffirmah. Għadda ż-żmien. Bqajna f’kuntatt sa ftit xhur ilu. U s-Sibt li għadda nsir naf li dan il-bniedem kbir, ħalliena. Ħassejt li għandi nesprimi ruħi bil-kitba fuq il-midja soċjali, imma x’se ngħid ma kontx naf. Dak il-ħin mort lura għall-imejls li konna nibagħtu lil xulxin u telgħet dik l-imejl li kien bagħatli, li fih jiddeskrivi l-vjaġġ tal-mewt tiegħu. Bkejt, u domt nibki. Ma stajtx naċċetta li mhux se jkun hemm okkażjoni oħra li nitkellem miegħu jew li nisma’ ‘kif nista’ ngħinek onorevoli?’ kif kien isejjaħli biex jaqbad miegħi minħabba li kunjomi l-istess bħal ta’ eks Prim Ministru.
Minbarra li ma stajtx naċċetta li ħallielna, indunajt kemm kienet profonda dik l-imejl u bdejt nistaqsi imma kif minn tant nies, qasam dan kollu miegħi. U ddeċidejt li bħalma huwa qasam il-vjaġġ tal-mewt tiegħu miegħi, jiena għandi naqsamha mal-pubbliku, speċjalment meta fil-kuntratt ta’ ħajtu ttamma li mess il-qalb ta’ xi ħadd, minn bniedem sa dudu. Xtaqt li jkun jaf li mess mhux qalb waħda imma ta’ bosta. Iktar tard filgħaxija, tikteb in-neputija tiegħu tgħid li l-Professur Friggieri miet bħalma kien qal lili. Għalhekk dan il-poeta, wara mewtu, veru ħallieli xkora ta’ sentimenti. Bħalma jikteb fil-poeżija tiegħu Requiem lil Ommi, "nitlob lill-Mulej, l-istess talba li talab lill-Mulej għal ommu, imma din id-darba għalih".
Nitlob lill-Mulej biex lil dan ir-raġel isiblu xi post fl-ewwel filliera tal-ġenna tiegħu għax huwa wiegħed li min jitbaxxa jogħla u min kien l-aħħar għandu jiġi l-ewwel. Ma jinsiex ukoll li jmur fuqu Hu għax hu bniedem mistħi ħafna. Jien minn hawn isfel nirringrazzjaH. Intemm billi nagħlaq b’ħajku ieħor minn tiegħu, “Jekk għad nintilfu Mulej, laqqagħna l-ġenna jien u l-kelb tiegħi”. Issa li ħalliena, ċerta li l-Professur Friggieri jinsab fejn il-kelb li tilef ftit xhur ilu.
Żgur jinsab kuntent żgur għax qiegħed ħdejh u ħdejH.