Study-Unit Description

Study-Unit Description


CODE MAL5003

 
TITLE Perspettivi Fenomenoloġiċi

 
UM LEVEL 05 - Postgraduate Modular Diploma or Degree Course

 
MQF LEVEL 7

 
ECTS CREDITS 5

 
DEPARTMENT Maltese

 
DESCRIPTION Din it-taqsima-studju tibda b’introduzzjoni storika dwar il-proponenti ewlenin tal-fenomenoloġija, fosthom Franz Brentano, Edmund Husserl, Martin Heidegger, u Maurice Merleau-Ponty. Din il-parti storika tittratta r-rigorożità fl-osservazzjoni, fid-deskrizzjoni, u fl-induzzjoni li Brentano stabilixxa bħala bażi għall-esperjenza empirika tal-fenomeni madwarna. Tittratta wkoll il-kunċetti ċentrali tal-perċezzjoni, il-memorja, u l-intenzjonalità li Brentano ta lill-fenomenoloġija. Imbagħad, tidħol fil-filosofija fenomenoloġika aktar radikali u influwenti ta’ Husserl, b’diskussjoni dwar kunċetti fundamentali bħal dawn li jsegwu: il-ħtieġa ta’ ritorn (empirikament rigoruż) lejn l-oġġetti nfushom; is-sospensjoni tal-“attitudni naturali” permezz tal-epoche li twassal għal deskrizzjoni pura ta’ kull oġġett fl-għarfien uman; il-binja progressiva tal-aspetti tal-oġġett, b’eżitu dejjem parzjali u inkomplet; is-sinteżi bejn l-aspetti tal-oġġett skont l-interessi, l-attitudnijiet, u l-istennijiet tas-suġġett perċettiv; u l-orizzont ta’ possibbiltajiet li jinfetaħ u jitwessa’ matul dan il-proċess. Dawn il-kunċetti fenomenoloġiċi bażiċi tal-istadju bikri tal-istorja tal-fenomenoloġija se jiġu eżemplifikati b’siltiet minn xogħlijiet letterarji Maltin.

It-taqsima-studju tkompli b’diskussjoni tal-kunċetti fenomenoloġiċi fundamentali ta’ Heidegger, speċjalment dawn li jsegwu: l-istruttura preċedenti ta’ assunzjonijiet li fuqha jibbażaw ruħhom il-perċezzjonijiet u l-interpretazzjonijiet il-ġodda; il-binja antiċipatorja tal-oġġett skont din l-istruttura preċedenti ta’ assunzjonijiet; it-tifriq u l-iżvolġiment tal-oġġett għal ġo tifsila dinjija ta’ fenomeni interrelatati, f’konfront mas-sustanza indeterminata tal-materja; it-test poetiku li jwettaq dan il-konfront bejn struttura dinjija magħrufa u sustanza reżistenti daqskemm mistura; il-verità li tinħadem u tiżvolġi waqt dan il-kunflitt poetiku bejn forma intelliġibbli ta’ għajxien dinji u materja reżistenti; il-preservazzjoni kreattiva tax-xogħol letterarju; il-mod kif dan il-proċess poetiku fundamentali (poiesis) iqarribna lejn l-oriġini ontoloġika tal-fenomeni dinjija; u l-esperjenza poetika bħala abitazzjoni fil-verità li tkun qed tiżvolġi mix-xogħol letterarju. Siltiet relevanti mill-poeżija u min-narrattiva bil-Malti se jintużaw għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kunċetti fundamentali ta’ Heidegger.

Wara Heidegger, it-taqsima-studju se tittratta kunċetti fenomenoloġiċi ta’ Merleau-Ponty li għandhom rabta mal-esperjenza letterarja. Fost dawn il-kunċetti, se jingħataw prominenza n-nozzjonijiet li jsegwu: l-idea li l-letteratura u l-pittura jistilizzaw il-perċezzjoni tad-dinja bl-espressjoni tagħhom; l-idea li l-aspetti sensorjali tal-materja użata fix-xogħol artistiku jiffurmaw parti intrinsika mill-esperjenza tal-arti; l-idea li l-kontenut espress fil-lingwa jiġi trasmess immedjatament bl-att espressiv li minnu huwa inseparabbli; l-idea li l-arti hija esperjenza ħajja li ma tistax tiġi rreifikata għal ġo oġġett f’mużew; u s-sens ta’ moviment li jippredomina fuq l-idea ta’ tema fissa fl-arti.

Għanijiet tal-Kors:

L-għanijiet ta’ din it-taqsima-studju huma li:

- Jinkiseb għarfien rigoruż tal-modi kif l-entitajiet letterarji Maltin (kemm jekk oġġetti kif ukoll jekk suġġetti) jissawru b’binja progressiva u mingħajr tmiem;
- Il-perċezzjoni letterarja tingħaraf bħala orizzont miftuħ ta’ possibbiltajiet, li jista’ jestendi ruħu bla limiti;
- Il-verità letterarja tiġi apprezzata bħala impenn kreattiv kontinwu, tiswir ta’ dinja intelliġibli kontra r-reżistenza tal-materja oskura tagħha stess;
- L-arti tal-kelma Maltija titqies bħala moviment (jew mixja lirika jew narrattiva) aktar milli tema fissa.

Kisbiet mit-Tagħlim:

1. Tagħlim:

Fi tmiem il-kors l-istudenti se jkunu kapaċi:

- Irawmu fihom infushom atteġġjament kostruttiv lejn l-entitajiet letterarji Maltin, billi jiffurmaw il-kapaċità li jwettqu l-binja progressiva u sinifikattiva tal-oġġetti u s-suġġetti tat-test letterarju;
- Jużaw il-konvenzjonijiet perċettivi ta’ komunità interpretattiva u jikkontribwixxu għal din il-komunità bil-binjiet perċettivi tagħhom;
- Japplikaw il-prattika fenomenoloġika f’oqsma relatati bħall-ermenewtika u t-teorija tar-rispons tal-qarrej;
- Jifhmu l-qrubija bejn il-kunċett artistiku ta’ poiesis u l-oriġini ontoloġika tal-entitajiet dinjija.

2. Ħiliet:

Fi tmiem il-kors l-istudenti se jkunu kapaċi:

- Iħaddmu l-metodoloġija fenomenoloġika li turi kif l-oġġetti dinjija jitfasslu f’interazzjoni mal-fakultajiet suġġettivi (sensorjali, intellettwali, emottivi, u immaġinattivi) tal-perċezzjoni umana;
- Jattwalizzaw suġġettività dejjem aktar irfinuta mit-tifsila reċiproka bejn l-entità letterarja li jkunu qed jibnu u l-perċezzjoni tagħhom stess;
- Japplikaw metodoloġija intersuġġettiva u interkorporali fl-esperjenza tat-test letterarju Malti;
- Jiskopru metodi, strateġiji, orizzonti ġodda fit-tiswir perċettiv tar-realtà madwarhom.

Biblijografija:

Testi Ewlenin:

- Dermot Moran, Introduction to Phenomenology, Routledge, 2000.
- Edmund Husserl, The Idea of Phenomenology, Kluwer Academic Publishers, 1999.
- Martin Heidegger, On the Way to Language, Harperone, 1982.
- Martin Heidegger, Poetry, Language, Thought, Harperperennia, 2013.
- Maurice Merleau-Ponty, The Prose of the World, Northwestern University Press, 1973.
- Maurice Merleau-Ponty, Consciousness and the Acquisition of Language, Northwestern University Press, 1973.
- Maurice Merleau-Ponty, Phenomenology of Perception, Routledge, 2006.

Testi Sekondarji:

- Edmund Husserl, Logical Investigations, Vol 2, Routledge, 1982.
- Martin Heidegger, Being and Time, Blackwell, 2001.

 
STUDY-UNIT TYPE Lecture

 
METHOD OF ASSESSMENT
Assessment Component/s Assessment Due Sept. Asst Session Weighting
Assignment SEM1 100%

 
LECTURER/S Bernard Micallef

 

 
The University makes every effort to ensure that the published Courses Plans, Programmes of Study and Study-Unit information are complete and up-to-date at the time of publication. The University reserves the right to make changes in case errors are detected after publication.
The availability of optional units may be subject to timetabling constraints.
Units not attracting a sufficient number of registrations may be withdrawn without notice.
It should be noted that all the information in the description above applies to study-units available during the academic year 2025/6. It may be subject to change in subsequent years.

https://www.um.edu.mt/course/studyunit