| CODE | MAL5007 | ||||||||
| TITLE | Ir-Rispons tal-Qarrejja | ||||||||
| UM LEVEL | 05 - Postgraduate Modular Diploma or Degree Course | ||||||||
| MQF LEVEL | 7 | ||||||||
| ECTS CREDITS | 5 | ||||||||
| DEPARTMENT | Maltese | ||||||||
| DESCRIPTION | Din it-taqsima-studju tibda b’introduzzjoni kronoloġika tal-prekursuri, il-proponenti, u t-teoristi ewlenin tat-teorija tar-rispons tal-qarrejja, b’attenzjoni speċjali mogħtija lil kritiċi tas-seklu għoxrin bħal Louise M. Rosenblatt, Roman Ingarden, Wolfgang Iser, Stanley Fish, u Umberto Eco. Matul din l-istorja analitika tat-teorija, se jingħata wkoll l-isfond filosofiku, ideoloġiku, jew kulturali li informa lil kull teorista, speċjalment il-fenomenoloġija fil-każ ta’ Ingarden u Iser, u s-semjoloġija fil-każ ta’ Eco. Matul din il-parti introduttorja, se jiġu diskussi wkoll l-ideat u d-definizzjonijiet l-aktar bażiċi dwar it-twettiq tal-esperjenza letterarja permezz tar-rispons tal-qarrejja, fosthom dawn li ġejjin: it-tfassil mit-test letterarju ta’ qarrej virtwali (jew implikat) li jikkumplimenta lit-test; l-istedina tat-test letterarju lill-qarrejja attwali biex jassumu l-atteġġjament u l-perspettivi ta’ dan il-qarrej virtwali; it-twessigħ tar-repertorju ta’ għodod letterarji u metodi kritiċi permezz tal-attenzjoni ġdida mogħtija lir-rwol tal-qarrejja u lill-proċess tal-qari; il-mod kif il-proċess tal-qari jeliċita ċerti aspettazzjonijiet fil-qarrejja li mbagħad jinkisbu jew le, b’effetti varji; is-sehem tal-qarrejja biex il-lakuni fit-test letterarju jimtlew b’kontribut koawturjali kreattiv; il-potenzjal performattiv iġġenerat mill-interazzjoni bejn il-possibbiltajiet tat-test u t-twettiq tal-qarrejja tiegħu; l-attivazzjoni, il-konkretizzazzjoni, u l-estensjoni tat-test letterarju bħala effetti akkumulattivi bejn ġenerazzjoni u oħra ta’ qarrejja; u l-binja progressiva tal-fenomeni letterarja bl-istħajjil tal-qarrejja f’komunitajiet interpretattivi. Minn din il-ħarsa storika lejn it-teorija tar-rispons tal-qarrej, it-taqsima-studju timxi għal diskussjoni ta’ kunċetti aktar profondi ta’ Ingarden, primarjament l-applikazzjoni li għamel tal-fenomenoloġija ta’ Edmund Husserl fuq l-esperjenza letterarja. Din il-parti tat-taqsima-studju tiffoka fuq kunċetti ċentrali ta’ Ingarden bħall-ontoloġija tax-xogħol letterarju; il-fenomeni letterarja bħala prodott intenzjonali tal-qarrejja; is-sehem fundamentali tal-iskemi viżwali, akustiċi, figurattivi, grammatikali, u l-bqija fil-formazzjoni tax-xogħol letterarju; id-dipendenza reċiproka bejn dawn l-aspetti skematizzati tax-xogħol letterarju, attivati bħala dinamika progressiva waħda mill-qarrejja; u l-eżistenza performattiva tax-xogħol letterarju, li la huwa entità purament ideali u lanqas waħda reali (bħalma huma oġġetti oħra tanġibbli) – huwa realizzazzjoni progressiva u skematizzata, jew oġġett intenzjonali f’rikostruzzjoni kontinwa. Waqt dan l-istħarriġ tat-teorija ta’ Ingarden, tingħata importanza xierqa lill-indeterminatezzi tax-xogħol letterarju, li skontu jimmotivaw kull konkretizzazzjoni jew formulazzjoni ġdida tiegħu. Minn Ingarden, it-taqsima-studju tgħaddi għall-kunċetti ċentrali ta’ Iser, b’mod partikulari l-argument tiegħu dwar kif il-lakuni, l-inkonsistenzi, u forom oħra ta’ inkompletezza testwali huma aspetti essenzjali għat-tiswir produttiv tax-xogħol letterarju minn qarrejja differenti u minn atti ta’ qari varji tal-istess qarrej. F’konnessjoni ma’ dan il-punt tiġi mistħarrġa t-teorija tal-esperjenza transazzjonali tal-letteratura kif ippreżentata minn Rosenblatt. Din il-parti tat-taqsima-studju tidħol fid-dettall ukoll fil-kunċett tar-repertorju, kemm tal-qarrejja kif ukoll tat-test, u tiddiskuti l-fatturi li jibnu dan ir-ripositorju ta’ għarfien letterarju, u kif jista’ jibqa’ repertorju passiv f’kuntrast ma’ dak imħaddem b’mod attiv. Fattur ieħor fit-teorija ta’ Iser li se jingħata importanza xierqa huwa l-kunċett tal-perspettiva ħarkiena (li timraħ kontinwament) tal-qarrejja, huma u jsawru oġġett estetiku minn għadd kbir ta’ angoli, f’ħafna livelli perċettivi, u skont konnessjonijiet kreattivi mnisslin bejn l-aspetti letterarji skematizzati. Dawn u kunċetti oħra se jiġu ttrattati skont id-dinamika ta’ antiċipazzjoni u retrospezzjoni li jeliċitaw siltiet letterarji Maltin, u skont il-korrezzjonijiet u r-rikostruzzjonijiet kontinwi li dawn jesiġu mill-qarrejja bħala koawturi tat-test. Finalment, it-taqsima-studju tesplora it-trattament prammatiku tal-interpretazzjoni letterarja minn Stanley Fish, u r-rwol semjoloġiku tal-qarrejja fit-twettiq tal-esperjenza letterarja skont Umberto Eco. Hawnhekk jiġu ttrattati fid-dettall il-fatturi storiċi li skont Fish jiddeterminaw in-natura ta’ komunità interpretattiva (bħal skola ta’ kritika, ġenerazzjoni ta’ qarrejja, jew università), kif ukoll l-effett pożittiv tal-varjazzjoni interpretattiva li tinħoloq bejn komunitajiet varji. L-insistenza ta’ Fish favur l-istruttura varjabbli tal-esperjenza tal-qari (f’kuntrast mal-assunzjoni li l-istruttura hija kwalità fissa tat-test) tiġi diskussa bl-implikazzjonijiet kollha tagħha, fosthom il-ħtieġa ta’ reviżjoni kontinwa f’atti interpretattivi li jinbidlu maż-żmien, permezz ta’ rikuntestwalizzazzjoni dejjiema. It-taqsima-studju tagħlaq bi trattament ta’ kunċetti fundamentali ta’ Eco dwar is-sehem tal-qarrejja fil-binja tal-interpretazzjoni letterarja, fosthom l-idea ta’ “mixja inferenzjali” f’test miftuħ, u l-idea ta’ mudell ta’ qari bbażat fuq kodiċi jew gwarniċ semjotiku. Għanijiet tal-Kors: L-għanijiet ta’ din it-taqsima-studju huma li: - L-iżvilupp storiku tat-teorija tar-rispons tal-qarrej jinqasam f’perjodi u stadji distintivi; - Tinkiseb il-metodoloġija tal-kontribut koawturjali, rikostruttiv, u interpretattiv tal-qarrejja huma u jattivaw it-test letterarju Malti għal ġo xogħol letterarju; - Tiġi pprattikata l-formulazzjoni fenomenoloġika progressiva tad-dinja virtwali tat-test letterarju Malti; - Jitwettqu l-proċessi ta’ konkretizzazzjoni u attivazzjoni tat-test letterarju Malti, skont ix-xejriet skematizzati tiegħu u fi stadji differenti ta’ tiswir fenomenoloġiku. Kisbiet mit-Tagħlim: 1. Tagħlim: Fi tmiem il-kors l-istudenti se jkunu kapaċi: - Jieħdu sehem attiv fit-tiswir ta’ sitwazzjonijiet u karattri letterarji Maltin; - Jiddefinixxu r-rwol tagħhom bħala koawturi tax-xogħol letterarju; - Iħaddmu b’mod determinanti r-repertorju kritiku u letterarju tagħhom fit-twettiq tal-interpretazzjoni letterarja; - Japplikaw in-natura indeterminata jew miftuħa tax-xogħol letterarju biex iwettqu rikostruzzjoni innovattiva tiegħu; - Jittolleraw interpretazzjonijiet kumplimentari tal-istess test letterarju Malti. 2. Ħiliet: Fi tmiem il-kors l-istudenti se jkunu kapaċi: - Jattivaw ix-xejriet, it-tekniki, u l-istil ta’ test letterarju skont it-twessigħ kontinwu tar-repertorju kritiku u letterarju tagħhom; - Jagħrfu l-aspetti skematizzati tax-xogħol letterarju waqt li jvarjaw il-perspettiva tagħhom; - Jimlew il-lakuni tat-test letterarju biex iżommu għaddej it-tiswir kontinwu tas-sitwazzjonijiet, il-karattri, u l-entitajiet l-oħra estetiċi; - Iħaddmu d-dinamika tal-antiċipazzjoni u r-retrospezzjoni fil-qari tagħhom; - Jassumu x-xejriet u d-dispożizzjonijiet tal-qarrej implikat; - Iwettqu l-mixja inferenzjali ggwidata mill-iskemi semjotiċi tat-test letterarju. Biblijografija: Testi Ewlenin: - Umberto Eco, The Limits of Interpretation, Indiana University Press, 1990. - Stanley Fish, Is There a Text in this Class – The Authority of Interpretive Communities, Harvard University Press, 1980. - Roman Ingarden, The Cognition of the Literary Work of Art, Northwestern University Press, 1973. - Roman Ingarden, The Literary Work of Art, Northwestern University Press, 1973. - Wolfgang Iser, The Act of Reading – A Theory of Aesthetic Response, Johns Hopkins University Press, 1980. - Louise M. Rosenblatt, Literature as Exploration, Appleton-Century, 1938. |
||||||||
| STUDY-UNIT TYPE | Lecture | ||||||||
| METHOD OF ASSESSMENT |
|
||||||||
| LECTURER/S | Bernard Micallef |
||||||||
|
The University makes every effort to ensure that the published Courses Plans, Programmes of Study and Study-Unit information are complete and up-to-date at the time of publication. The University reserves the right to make changes in case errors are detected after publication.
The availability of optional units may be subject to timetabling constraints. Units not attracting a sufficient number of registrations may be withdrawn without notice. It should be noted that all the information in the description above applies to study-units available during the academic year 2025/6. It may be subject to change in subsequent years. |
|||||||||