Qabelxejn hi rivista akkademika għar-riċerka postgradwatorja li d-Dipartiment tal-Malti jippubblika f'kollaborazzjoni mal-Malta University Press.
Din ir-rivista tinkludi studji fuq il-lingwa u l-lingwistika, il-letteratura u l-kultura orali lokali; toffri spazju għall-iżvilupp ta' dawn l-oqsma u t-terminoloġija tagħhom bil-Malti; u tagħti l-opportunità lir-riċerkaturi jaqsmu xogħolhom mal-pubbliku u mal-akkademja internazzjonali interessata fl-ilsna Semitiċi.
L-ewwel ħarġa għandha daħla editorjali ta' Adrian Grima, u studji ta' David Aloisio, “L-idea tal-kanonu letterarju: idea tajba?”; Joseph Buttigieg, “‘Għidli ma’ min tagħmilha...’ Daqqa t’għajn lejn il-kollokazzjoni”; Justine Somerville, “Atti ta’ memorja f’Kulħadd Ħalla Isem Warajh”; Kirsty Azzopardi, “Il-verbi fażiċi fis-sekwenza verbali tal-Malti”; u Yanika Schembri Fava, “Il-funzjonijiet u l-motivazzjonijiet tal-ironija fil-versi popolari Maltin.”
It-tieni ħarġa għandha daħla editorjali ta' Michael Spagnol u studji ta' Raffaello Bezzina, "Il-kelma, il-morf(ema) u l-affiss: diskussjoni fuq xi termini morfoloġiċi"; Lara Stagno, "L-atti tad-diskors fil-poeżija ta' Nadia Mifsud: il-motifi tas-silenzju u t-tbegħid"; John Paul Grima, "It-terminoloġija Maltija: ħarsa deskrittiva"; u Immanuel Mifsud, "Nisa' tal-biża': il-poeżija fit-tieni nofs tas-seklu għoxrin u tradizzjoni antika li żammet."
L-artikli kollha huma peer-reviewed u jinkludu sinteżi u glossarju bilingwi.
Il-bord editorjali: Kirsty Azzopardi, Adrian Grima, Justine Somerville, Michael Spagnol.