V. L-impatt nazzjonali

V. L-impatt nazzjonali

Malta's flagGreat Britian's flag

 

Tema Strateġika V. L-Impatt Nazzjonali

Inrawmu l-Wirt, il-Kultura u l-Iżvilupp Ekonomiku ta’ Malta

“L-Impatt Nazzjonali” hija waħda mit-Temi Strateġiċi tal-Pjan Strateġiku 2020-2025, li testabilixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Università, il-fakultajiet, id-dipartimenti, iċ-ċentri, l-istituzzjonijiet u l-iskejjel tagħha.

L-Università ta’ Malta identifikat għadd ta’ fatturi li, fil-fehma tagħha, għandhom importanza u impatt nazzjonali sinifikanti. Dawn huma l-wirt kulturali u l-identità, il-lingwa Maltija, l-impatt ekonomiku, l-isfidi ġenerali, il-ħtieġa ta’ ħaddiema kompetenti u tas-sengħa, l-opportunitajiet għat-tkabbir, u l-effett tal-klassifiki internazzjonali fuq il-perċezzjoni tal-Università fis-soċjetà Maltija. Il-fatturi identifikati jinfluwenzaw lil xulxin u flimkien iħallu impatt qawwi fuq il-ħajja tan-nazzjon. 

Impenji Strateġiċi V 2020-2025 

 

L-Impatt Nazzjonali
Impenji Strateġiċi V għall-2020-2025

   L-Istrateġiji Ewlenin

   L-Istrateġiji Biex Nilħqu l-Għanijiet

  • Inħarrġu l-istudenti b’metodoloġija ta’ tagħlim sħiħ biex japprezzaw u jifhmu s-sisien tal-wirt kulturali
  • Noħolqu iżjed kuxjenza fost il-membri kollha tal-komunità universitarja, dwar il-valur tal-wirt kulturali intanġibbli u dwar l-importanza tal-protezzjoni tiegħu
  • Inwettqu riċerka li tinforma u tinfluwenza l-politika nazzjonali
  • Niżviluppaw sensiela ta’ seminars pubbliċi li tkattar il-kuxjenza, tinforma u xxerred l-għarfien fuq il-wirt kulturali
  • Ninkludu kontenut fuq il-wirt kulturali u l-apprezzament minn perspettiva wiesgħa fil-programmi ta’ studju
  • Nippromwovu l-valuri taċ-ċittadinanza tajba: is-sens ta’ komunità, l-ospitalità, l-ideali demokratiċi, it-tolleranza, il-ġustizzja u l-ugwaljanza, bla diskriminazzjoni
  • Niżviluppaw ir-repertorju lingwistiku tal-Malti għas-suġġetti umanistiċi u xjentifiċi
  • Naraw li jkollna politika lingwistika dinamika għall-Università
  • Noffru lill-istudenti u l-istaff internazzjonali l-opportunità li jistudjaw il-Malti 
  • Nirrevedu l-proċessi tal-proċeduri interni tal-assigurazzjoni tal-kwalità ħalli nsibu bilanċ bejn iż-żamma tal-istandards akkademiċi u s-sistemi effiċjenti ta’ approvazzjoni
  • Inżidu l-attivitajiet li jippromwovu l-edukazzjoni u l-prattika intraprenditorjali
  • Niżviluppaw gradwati fit-teknoloġiji emerġenti, bħall-Intelliġenza Artifiċjali, it-Teknoloġija Finanzjarja (FinTech), u t-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit
  • Nindirizzaw il-perċentwal baxx ta’ studenti li jsegwu l-edukazzjoni ogħla u l-effett li dan għandu fuq is-suq tax-xogħol 
  • Inżommu f’moħħna r-rekwiżiti tad-dħul fl-Università b’tali mod li nżidu l-aċċessibbiltà u l-applikanti 
  • Nipprovdu programmi ta’ studju iżjed flessibbli b’element qawwi ta’ multidixxiplinarjetà 
  • Nipproduċu persunal kwalifikat u kompetenti, aktar versatili u b’ħiliet li jistgħu jiġu trasferiti
  • Nibqgħu f’kuntatt mal-pubbliku ġenerali, il-gvern, l-organizzazzjonijiet kummerċjali u industrijali, il-komunitajiet sportivi, artistiċi u kulturali, u l-gruppi soċjali
  • Intejbu l-permeabilità tal-progressjoni għas-setturi vokazzjonali u għall-istudenti adulti li jirritornaw għall-istudju magħna
  • Inkomplu nżidu u ntejbu r-riċerka u l-innovazzjoni 
  • Noħolqu kollaborazzjonijiet iżjed b’saħħithom ma’ universitajiet ta’ fama tajba
  • Nipprateċipaw f’iżjed proġetti ta’ riċerka li jwasslu għal prospetti aħjar ta’ innovazzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-propjetà intellettwali 

   

Niddefendu l-Wirt Kulturali u l-Identità  

L-Università ta’ Malta hi l-unika università pubblika u komprensiva f’Malta, u għalhekk għandha rwol kruċjali fil-ħarsien u l-iżvilupp tal-kultura nazzjonali, fil-protezzjoni tal-wirt kulturali u fid-difiża ta’ l-identità nazzjonali. Se naħdmu bis-sħiħ biex inrawmu fl-istudenti tagħna kuxjenza u apprezzament għall-identità u l-kultura Maltija billi noħolqu sens ta’ komunità magħġuna f’ideali demokratiċi b’saħħithom u li tħaddan il-valuri tat-tolleranza, il-ġustizzja u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni fis-soċjetà multikulturali tal-lum. Mod kif nilħqu dan l-għan hu li niżguraw li, meta jkun prattiku, il-programmi ta’ studju jinkludu l-apprezzament tal-wirt kulturali tagħna.

Nagħtu Ġieħ lill-Ilsien Malti  

Id-dehra ġdida li ngħatat lill-marka tal-Università fl-2018, b’enfasi fuq l-isem uffiċjali tagħha ‘L-Università ta’ Malta’, turi ċar l-importanza li l-Università hi impenjata li tagħti lill-ħarsien u l-iżvilupp tal-ilsien Malti. Dan irid isir filwaqt li nkomplu ngħożżu l-lingwa Ingliża u nippromwovu l-profiċjenza tal-istudenti f’mill-inqas lingwa barranija oħra.    Se nippromwovu inizjattivi biex inħeġġu lill-istudenti jiktbu studji akkademiċi f’pubblikazzjonijiet umanistiċi u xjentifiċi bil-Malti ħalli jkomplu jarrikkixxu r-repertorju lingwistiku tagħhom. Dawn ix-xogħlijiet jiġu ppubblikati f’rivista ta’ riċerka tal-Università. Se nikkunsidraw li noħolqu verżjoni bil-Malti tar-rivista THINK bħala radd il-ħajr għax-xogħol li għamlu studjużi lokali bis-saħħa tal-lingwa nazzjonali tagħna. Se naraw li niżviluppaw politika lingwistika u li noffru lill-istudenti u l-istaff internazzjonali l-opportunità li jistudjaw il-Malti. Se nkomplu nipprowovu l-ħiliet fil-lingwa Maltija f’sitwazzjonijiet speċifiċi, bħall-professjonijiet tal-kura.

Insostnu l-Impatt Ekonomiku  

L-impatt tal-Università fuq l-ekonomija nazzjonali huwa, primarjament, li tħejji l-kapital uman lokali, mogħni bil-kreattività u l-kultura, li huwa wkoll lest biex jagħti servizz lill-industrija u s-suq tax-xogħol li jibqa’ jevolvi. Se nagħmlu ħilitna biex nipprovdu gradwati fl-oqsma tal-Intelliġenza Artifiċjali, it-Teknoloġija Finanzjarja (FinTech), it-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit u setturi ġodda oħra biex nappoġġjaw id-direzzjoni strateġika tal-pajjiż ħalli jirnexxi fl-industriji emerġenti.

L-Università se tirrevedi l-proċessi tagħha tal-proċeduri tal-assigurazzjoni interna tal-kwalità bl-għan li ssib bilanċ bejn l-assigurazzjoni tal-istandards akkademiċi u sistema ta’ approvazzjoni effiċjenti. Minkejja li l-iskop tal-edukazzjoni akkademika huwa usa’ milli jindirizza l-ħtiġijiet tax-xogħol, se naraw li nżidu l-attivitajiet li jippromwovu l-edukazzjoni u l-prattika intraprenditorjali. 

Nikkonfrontaw l-Isfidi Nazzjonali  

Malta taffaċċja numru ta’ sfidi relatati mal-ġenerazzjoni attwali ta’ prosperità, li f’ċerti każi jistgħu jinħolqu minħabba tensjonijiet soċjali potenzjali marbutin mal-multikulturaliżmu lokali u l-kwalità tal-ambjent fiżiku assoċjat mal-iżvilupp. Se nagħmlu li nistgħu biex, b’mod attiv, nindirizzaw dawn il-problemi bis-saħħa ta’ riċerka li tinforma u tinfluwenza d-dokumenti ta’ politika nazzjonali. Din id-direzzjoni strateġika għandha timxi id f’id mal-organizzazzjoni ta’ laqgħat fuq temi ta’ interess pubbliku.

Sfida kbira oħra li Malta qed tħabbat wiċċha magħha hija l-perċentwal baxx ta’ studenti li qegħdin ikomplu bl-edukazzjoni ogħla u l-effett tagħha fuq is-suq tax-xogħol. L-Università se tikkonsidra r-rekwiżiti tad-dħul tagħha bl-għan li tħeġġeġ aktar studenti jistudjaw f’dixxiplini differenti.

Nindirizzaw id-Diskrepanzi fl-Għarfien u l-Ħiliet

Ir-responsabbiltà fundamentali tal-Università hija li twassal edukazzjoni ta’ livell għoli li ssarraf lill-istudenti tagħha f’ċittadini bil-ħiliet u l-kompetenzi li bihom ikunu jistgħu jsostnu u jkabbru l-ekonomija, itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità, inkluż tal-membri l-aktar dgħajfa tagħha, u jħarsu l-ambjent soċjali u fiżiku. F’sitwazzjoni globali ta’ bidliet kostanti u mgħaġġla, l-Università jeħtieġ tipprovdi programmi ta’ studju iżjed flessibbli li jkollhom element qawwi ta’ multidixxiplinarjetà bħala tħejjija għall-impjiegi li jeħtieġu versatilità aħjar, minflok ikunu limitati fuq linja waħda jew b’attenzjoni speċjalizzata.     Meta jkun possibbli, dawn il-programmi għandhom jindirizzaw l-interessi personali u l-aspirazzjonijiet tal-istudenti. F’pajjiż żgħir b’riżorsi umani limitati, il-ħiliet trasferibbli huma ċ-ċavetta għal ġejjieni ta’ suċċess li minnhom igawdu kemm l-individwu kif ukoll in-nazzjon. 

Noħolqu Opportunitajiet Nazzjonali għat-Tkabbir  

Li nżommu postna bħala l-Università ewlenija tal-gżira u bħala ċentru akkademiku uniku fil-Mediterran, hija opportunità kbira għal istituzzjoni li qiegħda tiċċelebra l-250 anniversarju mit-twaqqif tagħha bħala università pubblika. Se nibqgħu f’kuntatt mal-pubbliku ġenerali, il-gvern il-partijiet esterni sinifikanti relatati mal-oqsma kummerċjali u industrijali, il-komunitajiet sportivi, artistiċi u kulturali, u mal-gruppi soċjali li jeħtieġu l-kura u l-attenzjoni. It-tkabbir jista’ jintlaħaq billi nindirizzaw b’mod effettiv il-ħtiġijiet u l-esiġenzi tas-soċjetà imma wkoll billi noħolqu oqsma speċjalizzati biex l-Università tiddiversifika l-introjtu u d-dħul tagħha. Se nibqgħu disposti li ntejbu l-permeabilità għall-progressjoni tal-istudenti li jiġu mis-settur vokazzjonali u anki, u b’mod speċjali, tal-istudenti adulti li jirritornaw.  

Nissorveljaw il-Klassifiki u l-Indiċijiet tal-Pajjiżi  

L-Università se tkompli tissorvelja u tindirizza r-rekwiżiti nazzjonali f’tentattiv biex ittejjeb il-post tagħha fil-klassifiki tal-indiċijiet internazzjonali tal-pajjiżi, speċjalment dawk ta’ istituzzjonijiet ta’ fama bħall-Eurostat, il-Bank Dinji, il-Forum Ekonomiku Dinji, u l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Magħquda. Id-diskrepanzi tal-indiċijiet fil-prestazzjoni huma indikazzjoni tal-oqsma li jeħtieġu investiment u riżorsi għall-iżvilupp tal-edukazzjoni u tal-ħiliet.  

Insegwu l-Klassifiki tal-Universitajiet

Il-klassifiki li ġew ippubblikati minn istituzzjonijiet internazzjonali ta’ fama tajba poġġew lill-Università fost l-aqwa 4% tal-universitajiet fid-dinja. Sabiex intejbu iżjed din il-pożizzjoni prestiġjuża, huwa kruċjali li niżviluppaw u nkabbru r-riċerka tal-Università u r-riżultati tal-innovazzjoni. L-Università se tfittex kollaborazzjonijiet ma’ universitajiet Ewropej ta’ fama biex tieħu sehem fi proġetti ta’ riċerka ambizzjużi u ffinanzjati kif jixraq li jistgħu jwasslu għal prospetti aħjar ta’ innovazzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-propjetà intellettwali.

 


https://www.um.edu.mt/about/pjanstrategiku/impenjistrategici5-impattnazzjonali/