Ninvestu fin-nies

Ninvestu fin-nies

Malta's flagGreat Britian's flag

 

Ninvestu fin-Nies u Nsaħħu l-Forza tax-Xogħol

 

Din it-taqsima tappartjeni għall-Pjan Strateġiku 2020-2025, li jestabilixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Università, il-fakultajiet, id-dipartimenti, iċ-ċentri, l-istituzzjonijiet u l-iskejjel tagħha. 

 

  L-Istrateġiji Biex Nilħqu l-Għanijiet

   L-Impenji          

  • Ninvestu fin-nies u nsaħħu l-forza tax-xogħol
  • Nattiraw staff tal-ogħla livell f’dixxiplini differenti
  • Inżommu l-istaff magħna bis-saħħa ta’ ambjent organizzattiv pożittiv u mmotivat
  • Nistimulaw kultura ta’ staff li jaqsam l-għarfien tiegħu ma’ xulxin 
  • Norganizzaw sessjonijiet qosra regolari ta’ informazzjoni bejn id-dipartimenti  
  • Nifformalizzaw programmi ta’ orjentazzjoni u tal-bidu għall-istaff il-ġdid
  • Inħarrġu l-istaff fi rwoli ġodda ta’ tmexxija dwar il-proċessi akkademiċi u amministrattivi
  • Nipprovdu l-iżvilupp professjonali kontinwu permezz tat-taħriġ u  r-reġistrazzjoni fi programmi ta’ studju eżistenti
  • Niddiġitalizzaw il-proċessi manwali u nintegraw ġabriet tad-data multipli

 

Nattiraw l-Istaff u Nżommuh Magħna

L-Università se tkompli tiżgura li tista’ tattira, iżżomm u timmaniġġja r-riżorsi umani essenzjali biex tilħaq l-oġġettivi strateġiċi u operattivi tagħha. Se nagħtu spinta lill-isforzi tagħna ħalli nħaddmu staff akkademiku, amministrattiv, tekniku u industrijali ta’ kalibru għoli. Huwa importanti li nattiraw kandidati prospettivi għall-pożizzjonijiet battala u li niffukaw fuq proċess ta’ reklutaġġ effiċjenti u effettiv. L-Università se tkompli timpjega akkademiċi kwalifikati u mħarrġa f’dixxiplini speċifiċi u f’oqsma interdixxiplinarji li jgħollu l-kalibru tat-tagħlim, l-istruzzjoni u r-riċerka tal-istituzzjoni.  

Biex inżommu magħna l-persuni xierqa hija sfida. Se niżguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu kompetittivi fil-kuntest ta’ suq li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u li noħolqu wkoll ambjent pożittiv tax-xogħol. L-Università se tħeġġeġ mekkaniżmi biex timmotiva l-istaff ħalli jilħaq standards għolja fil-kwalità tas-servizz u li tippremja prestazzjoni eċċellenti.

Kultura Organizzattiva

Se nrawmu ambjent li jħeġġeġ is-sodisfazzjon professjonali u li jippromwovi kultura ta’ smigħ tal-ideat u li joffri l-appoġġ għal inizjattivi ġodda. L-Università se tgħin fil-progressjoni tal-karriera, u tagħraf l-obbligi u l-imġiba professjonali assoċjata ma’ kull kariga. It-tabella tal-organizzazzjoni attwali se tibbenefika mis-simplifikazzjoni tal-linji tar-rappurtaġġ ħalli tissaħħaħ il-forza tax-xogħol u tittejjeb il-kollaborazzjoni.  

It-Tqassim tal-Għarfien u l-Appoġġ

L-Università se tagħti sehemha biex tara li l-membri tal-istaff ikollhom l-għarfien, ikunu infurmati u involuti, u personalment immotivati. Se nqanqlu kultura fost l-istaff biex wieħed jaqsam l-għarfien tiegħu ma’ ħaddieħor. B’dan il-mod iżidu l-għarfien espert fl-oqsma tagħhom u jippromwovu l-aqwa prattiċi fil-kwistjonijiet operattivi, kurrikulari u infrastrutturali.  

Se nħeġġu attivitajiet bejn id-dipartimenti biex ninfurmaw u nħarrġu lill-istaff u nikkomunikaw miegħu b’mod regolari dwar il-proċessi akkademiċi u amministrattivi. Is-sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-istaff se jiżdiedu u se jiġu organizzati f’ħinijiet regolari. Se nagħmlu seminars perjodiċi annwali biex nipprovdu opportunità oħra għall-istaff ħalli jissuġġerixxi inizjattivi ġodda li bihom inkunu nistgħu ntejbu s-servizzi amministrattivi tagħna.  

Se jiġu pprovduti, b’mod awtomatiku, programmi ta’ orjentazzjoni u tal-bidu tal-impjieg għall-membri l-ġodda tal-istaff. Se nikkunsidraw ukoll li nwaqqfu proċess formali ta’ gwida u għajnuna għall-membri l-ġodda tal-istaff. L-impjegati li jidħlu f’pożizzjonijiet ġodda ta’ tmexxija fi kwalunkwe dipartiment se jingħataw sessjonijiet ta’ informazzjoni mfassla biex jiggwidawhom fuq il-proċessi edukattivi, il-proċeduri amministrattivi u l-immaniġġjar tar-riżorsi umani. Jeħtieġ nistabilixxu linji gwida ċari għal min ikun se jieħu post xi ħadd f’pożizzjoni ta’ tmexxija. Għandna wkoll il-ħsieb li nżidu l-attivitajiet soċjali għall-istaff u attivitajiet oħra li jsaħħu l-ħidma f’tim.

L-Iżvilupp Professjonali

Se naraw li ntejbu r-riżultat u l-prestazzjoni tal-amministrazzjoni permezz tat-tmexxija, l-immaniġġjar tajjeb, il-ħiliet operattivi u involviment akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-Università se tkompli tressaq ’il quddiem il-programmi ta’ taħriġ interni għall-impjegati kollha tagħha. Il-membri tal-istaff huma mħeġġa wkoll biex igawdu mill-ambjent uniku edukattiv u mill-opportunitajiet ta’ tagħlim f’firxa wiesgħa ta’ suġġetti fil-post tax-xogħol tagħhom. L-iżvilupp tal-membri tal-istaff se jitfassal biex iżid il-ħiliet professjonali tagħhom u jgħinhom javvanzaw fil-karriera.

Id-Diġitalizzazzjoni u l-Modernizzazzjoni

Il-proċessi manwali, b’mod ġenerali, jistgħu jiġu modernizzati billi nittrasferuhom fuq il-pjattaformi diġitali tal-Università ħalli nnaqqsu l-użu tal-karti u nżidu l-effiċjenza. L-app tal-mobile MyUM tista’ ssir iżjed relevanti għall-istaff billi żżid il-funzjonalità tas-servizzi għar-riżorsi umani, fosthom servizzi bażiċi bħal formoli elettroniċi għal-leave u tagħrif fuq is-salarji. L-użu ta’ ġabriet diġitali, li jiddependu minn varjabbli ta’ informazzjoni simili, jistgħu jiġu kkordinati biex jitnaqqas id-dħul manwali doppju ta’ informazzjoni li għandha x’taqsam mal-programmi ta’ studju, it-taqsimiet-studju, l-orarji, il-Programm għar-Rekwiżiti tar-Riżorsi Umani (PHRR), u l-pagi tal-istaff.

 


https://www.um.edu.mt/about/pjanstrategiku/impenjistrategici8-servizziusapportamministrattiv/ninvestufinnies/