Il-viżjoni internazzjonali

Il-viżjoni internazzjonali

MLTFlagGBFlag 

Tema Strateġika VI. Il-Viżjoni Internazzjonali

Inħaddnu l-Opportunitajiet

“Il-Viżjoni Internazzjonali” hija waħda mit-Temi Strateġiċi tal-Pjan Strateġiku 2020-2025, li testabilixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Università, il-fakultajiet, id-dipartimenti, iċ-ċentri, l-istituzzjonijiet u l-iskejjel tagħha.

Fl-2018, 3% tal-istaff amministrattiv, 6% tal-istaff akkademiku u 15% tal-popolazzjoni studenteska tal-Università ta’ Malta kienet magħmula minn ċittadini mhux Maltin. Fl-istess perjodu kienu għaddejjin 118-il proġett internazzjonali, iffinanzjati b’mod estern, u kważi l-akkademiċi residenti kollha rnexxielhom jiksbu grad wieħed jew iktar minn barra minn Malta. Din l-istatistika indikattiva hi xhieda ta’ internazzjonalizzazzjoni b’saħħitha u fonda, u ta’ komunità universitarja lokali li qed iżżid aktar il-kuntatt globali fejn jidħlu l-isforzi ta’ riċerka, il-kuntatti ma’ barra, u ċ-ċittadinanza u l-isfond tal-istaff u l-istudenti tagħha. Barra minn hekk, meta tqis in-natura ibrida dejjem tiżdied tal-identità, dawn il-membri tal-istaff u l-istudenti jinkludu ċittadini Maltin li qed jirritornaw Malta wara li jkunu għexu barra, u ċittadini mhux Maltin li bħalissa qegħdin jgħixu Malta, li jkunu kisbu ċ-ċittadinanza Maltija.

Impenji Strateġiċi 2020-2025


Impenji Strateġiċi għas-Sena Akkademika 2019-2020

(Tema Strateġika VI. Il-Viżjoni Internazzjonali)

  1. Inżommu, u kemm jista' jkun intejbu, il-postijiet tal-UM f'bosta klassifiki internazzjonali
  2. Inħeġġu lill-akkademiċi u lis-staff tar-riċerka sabiex joħolqu u "ixerrdu pubblikament" il-Profil tal-Google Scholar tagħhom
  3. Noffru iktar taħriġ lill-amministraturi u lill-istaff akkademiku ħalli jiżviluppaw dawk il-ħiliet meħtieġa biex jippromwovu programmi ta' studju permezz tal-midja soċjali
  4. Nesploraw il-possibilità tal-'UNESCO Chair' sabiex inkunu disposti u nappoġġjaw l-iżvilupp soċjoekonomiku, it-tagħlim fl-adulti u/jew il-ħolqien tal-kapital uman fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (pereżempju l-Indja), u anki nippromwovu r-reklutaġġ tal-istudenti 
  5. Nippromwovu b'mod attiv il-parteċipazzjoni tal-UM fl-Università Ewropea tal-Baħar" (SEA-EU), bħala qasam ta' riċerka u klassi, li sservi bħala l-bażi ta' kooperazzjoni profonda, Ewropea b'mod trans-dixxiplinarju u internazzjonali

    

Il-Lista Sħiħa ta’ Impenji għall-2020-2025

(Tema Strateġika VI. Il-Viżjoni Internazzjonali) 
 

   L-Istrateġiji Ewlenin

   L-Istrateġiji Biex Nilħqu l-Għanijiet

  • Nintegraw diversi esperjenzi ta’ studenti internazzjonali u ntejbu l-laqgħat interkulturali fuq il-kampus kollu
  • Inħeġġu u nippromwovu Università multilingwi
  • Nippjanaw għar-residenzi taċ-Ċentru tal-Gradwati (Graduate Hub)
  • Inħeġġu l-Programmi ta’ Kumpanni
  • Nesploraw għażliet ta’ familji ospitanti jew sħubiji ma’ ordnijiet reliġjużi biex noffru akkomodazzjonijiet bi prezzijiet raġonevoli għall-istudenti
  • Ninvestu f’faċilitajiet sportivi u spazji għall-prestazzjoni u l-attivitajiet 
  • Insaħħu r-rabtiet tagħna mal-iskejjel privati tal-Ingliż bħala provdituri tal-edukazzjoni ta’ qabel l-Università
  • Intejbu l-viżibbiltà ta’ kif l-istudenti internazzjonali jistgħu jaħdmu f’Malta matul il-perjodu tal-istudju tagħhom u wara
  • Nimmiraw ħidmitna fuq il-‘pajjiżi sorsi’ b’inizjattivi kummerċjali adattati
  • Nipprovdu lill-fakultajiet, l-istituti, iċ-ċentri u l-iskejjel il-ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jmexxu ‘l quddiem programmi ta’ studju speċifiċi b’mod effettiv permezz tal-mezzi soċjali
  • Nidentifikaw għaliex l-istudenti barranin jagħżlu lil Malta u l-Università
  • Ninvolvu lill-istudenti u l-alumni bħala ambaxxaturi tal-Universita’
  • Nappoġġjaw il-kuntatti li jkollhom il-membri tal-istaff akkademiku ma’ barra minn Malta
  • Inħarrġu lill-istaff fil-kompetenza multikulturali u s-sensittività kulturali
  • Inrawmu fl-istaff kultura ta’ Żvilupp Professjonali Kontinwu
  • Noħolqu Profili tal-Google Scholar għall-akkademiċi kollha biex iħabbru u juru l-għarfien espert tagħhom
  • Inwaqqfu numru ta’ ‘persuni ta’ kuntatt’ amministrattivi u akkademiċi f’kull fakultà, istitut, ċentru u skola biex jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-internazzjonalizzazzjoni
  • Nagħtu viżibbiltà aħjar lill-Università permezz tal-klassifiki, l-ambaxxaturi ta’ Malta u l-konsli onorarji
  • Nibnu, inrawmu u nindukraw il-kuntatt mal-alumni u bejniethom
  • Noħolqu u nrawmu gruppi tal-alumni barra minn Malta
  • Intejbu l-proċessi interni biex intejbu l-esperjenza tal-istudenti u r-riċerkaturi internazzjonali f’Malta
  • Noffru għotjiet, boroż ta’ studju u opportunitajiet ta’ tagħlim lill-istudenti internazzjonali
  • Nidentifikaw aktar sorsi diversi ta’ fondi għar-riċerka
  • Inħeġġu involviment ikbar, imsaħħaħ u impenjattiv mill-akkademiċi f’kull aspett internazzjonali ta’ xogħolhom 
  • Inħeġġu oqsma u gruppi ġodda ta’ riċerka li jservu ta’ bażi għal alleanzi internazzjonali ġodda u differenti 
  • Innebħu iżjed studenti biex jagħżlu l-mobilità tal-Erasmus bi programmi ta’ skambji akkademiċi u apprentistati
  • Inkunu disposti u nappoġġjaw l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-ħolqien tal-kapital uman fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

 

Illum Malta hija bħal ħammiela fejn qed jixxettel il-kożmopolitaniżmu. Madwar 18% tar-residenti Maltin fl-2019 ma twildux Malta u din hija qabża sostanzjali meta tqabbilha maċ-ċifra ta’ 8% fl-2013. Dan il-proporzjon iqiegħed lil Malta fit-28 post fid-dinja u t-tielet fl-UE bl-ogħla proporzjon ta’ komunità ta’ residenti immigranti mqabbel mal-proporzjoni ta’ persuni li twieldu Malta. Huma l-Lussemburgu u Ċipru li għandhom proporzjon ogħla fi ħdan l-UE. Aħna nibbenefikaw minn klima tajba, spazji pubbliċi siguri, stat soċjali b’saħħtu, sistema ta’ kura tas-saħħa ta’ klassi dinjija, sistema estensiva ta’ trasport pubbliku u leġiżlazzjoni progressiva. Dawn kollha huma fatturi attraenti għall-promozzjoni tal-edukazzjoni mal-barranin.

Malta hija unika għax hi arċipelagu żgħir, sovran u Ewropew. F’kuntrast ma’ stati żgħar oħra, l-Università nazzjonali tagħha għandha storja twila u mhijiex ċkejkna fid-daqs. Bl-eċċezzjoni tal-Università ta’ Ġibiltà, l-Università ta’ Malta hija l-unika università pubblika fil-Mediterran li għandha 99% tal-programmi ta’ studju tagħha mgħallma, immexxija u eżaminati bl-Ingliż. Dan huwa ta’ vantaġġ kbir.

Barra minn hekk, peress li hija l-unika università nazzjonali tal-pajjiż żviluppata b’mod sħiħ, kulma hu estern ifisser internazzjonali. Il-prattiċi tal-assigurazzjoni tal-kwalità bdew bl-involviment ta’ eżaminaturi esterni, li kollha jibqgħu jiġu minn barra, ħafna minnhom mir-Renju Unit u l-Irlanda. Se niffukaw fuq it-titjib tal-prattiċi eżistenti bil-ħsieb li:

  • inrawmu mentalità internazzjonali u narrikkixxu d-dinamika tal-klassi bl-integrazzjoni ta’ diversi esperjenzi ta’ studenti internazzjonali f’kull grupp;
  • insaħħu l-għarfien interkulturali fi ħdan kull spazju tat-tagħlim u nagħtu spinta lill-integrazzjoni billi norganizzaw attivitajiet, bħal jiem kulturali, avvenimenti b’ikel etniku, sessjonijiet ta’ apprezzament tal-poeżija, avvenimenti taż-żfin u tal-kant, rakkontar ta’ stejjer, logħob edukattiv bħall-kaċċa għat-teżor, u żjarat ta’ studju barra minn Malta; 
  • inrawmu spirtu kollaborattiv bejn l-istudenti lokali u internazzjonali billi nħeġġu t-taħlit fi gruppi ta’ ħidma għall-assenjamenti; 
  • inħeġġu korp studentesk multilingwu billi nħeġġu l-ħiliet lingwistiċi f’ lingwi differenti, lil hinn mil-lingwa nattiva tal-individwu;
  • noħolqu korp studentesk residenti permezz tar-residenza tal-kampus, il-Campus Hub, li għandha tattira studenti internazzjonali u Għawdxin;
  • innaqqsu d-distakk bejn in-numru ta’ studenti internazzjonali aċċettati u dawk li jirreġistraw billi ntejbu l-proċess tal-applikazzjoni għall-istudenti internazzjonali prospettivi, naraw li nikkollaboraw mal-awtoritajiet tal-visa u noħorġu iżjed ittri ta’ aċċettazzjoni proviżorja u kundizzjonata kemm jista’ jkun malajr.
F’konformità mal-inizjattivi l-ġodda proposti, se naraw li::
  • inħeġġu, nagħrfu aħjar u nippromwovu l-kollaborazzjoni personali u professjonali tal-istaff akkademiku lil hinn minn xtutna;
  • nappoġġjaw programmi ta’ kumpanni u skemi ta’ akkomodazzjoni u aspetti oħra fil-‘pakkett ta’ għajnuna’ għall-istudenti internazzjonali l-ġodda; 
  • infasslu programm ta’ ‘laqgħat kulturali’ matul is-sena akkademika għall-istudenti kollha biex jissoċjalizzaw; 
  • nissorveljaw it-theddida tal-ispejjeż eċċessivi tal-kiri, għax din tista’ tnaqqar il-kompetittività tal-Università biex tattira studenti internazzjonali, u b’hekk, nesploraw għażliet bħall-familji ospitanti jew sħubiji ma’ komunitajiet reliġjużi li jistgħu joffru akkomodazzjoni bi prezzijiet raġonevoli għall-istudenti;
  • ninvestu f’faċilitajiet sportivi u fi spazji miftuħa u krejattivi jew għal attivitajiet oħra fuq il-kampus biex nagħtu spinta lill-Università ħalli tattira l-istudenti kollha; 
  • nistabilixxu ħoloq bejn l-Università u l-iskejjel privati tal-Ingliż f’Malta; 
  • nimplimentaw b’attenzjoni kbira semestru mobbli fil-programmi ta’ studju kollha tal-Università biex niżguraw li dawn is-semestri jkunu eżentati minn taqsimiet-studju obbligatorji jew minn xogħol ieħor li jagħmilha diffiċli jew impossibbli għall-istudenti li jsiefru;
  • noffru aktar għajnuna lill-istudenti mobbli li jkunu ġew jistudjaw fl-Università jew se jmorru jistudjaw barra;
  • insaħħu l-pedagoġiji tal-klassi ħalli ntejbu l-elokwenza fid-diskors, id-djalogu, id-dibattu b’rispett u forom oħra ta’ komunikazzjoni, u nrawmu t-tagħlim u l-ħsieb kritiku;  
  • nippromwovu l-interazzjoni u d-djalogu f’komunità multinazzjonali u multikulturali fuq il-kampus;
  • niżviluppaw il-gradwati tagħna b’mod sħiħ fl-umiltà, il-kunfidenza u l-kompetenza f’kuntesti varji;
  • nagħrfu kif il-bidliet demografiċi futuri tal-popolazzjoni studenteska Maltija jistgħu jaffettwaw il-profil attwali tal-istudenti. Dan ġie propost mit-tibdil demografiku tal-iskejjel li qed ikollhom żieda fit-tfal ta’ ċittadini li mhumiex Maltin;
  • inħarrġu l-istaff f’kompetenzi multikulturali.

Il-Klassifiki Globali u l-Immaniġġjar tar-Reputazzjoni  

L-Università ta’ Malta qiegħda ssir b’rata mgħaġġla istituzzjoni ta’ għażla u mhux aktar ta’ inevitabbiltà. L-istudenti lokali li jagħżlu li jistudjaw f’Malta għandhom varjetà ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla minn fejn jagħżlu, mill-MCAST u l-ITS sa provdituri privati tal-edukazzjoni ogħla u fergħat ta’ universitajiet internazzjonali. 

L-Università għandha tkun iżjed proattiva fir-rigward tal-istudenti li jiġu minn barra biex isegwu programm inizjali, ta’ bażi għall-ewwel grad, korsijiet tal-ewwel grad, u oħrajn postgradwatorji. Irridu niżviluppaw il-viżibbiltà u r-reputazzjoni tagħna internazzjonalment. L-Università għandha l-opportunità li tuża l-esperjenzi pożittivi tal-alumni internazzjonali minn fommhom stess. Għalhekk, jeħtieġ li nikkomunikaw l-għarfien espert u l-programmi tal-Università tagħna biex inrawmu u nikkultivaw il-marka tagħha, niżviluppaw immaġni pożittiva fil-qasam vast u kompetittiv tal-edukazzjoni ogħla. 

L-Università ta’ Malta tikklassifika ruħha mal-aqwa 4% mit-28,800 istituzzjoni tal-edukazzjoni terzjarja madwar id-dinja. L-Università kklassifikat fid-951 post fl-2019, u diġà avvanzat fil-klassifika meta tqis li fl-2016 kienet fl-1243 post (Webometrics). Aħna konvinti li flimkien, nistgħu niksbu riżultati aħjar għall-ġejjieni.

Sabiex nikkonsolidaw u ntejbu l-prattiċi eżistenti, se nimmiraw li:

  • nagħmlu l-Università aktar viżibbli permezz tal-klassifiki u bis-saħħa tal-ambaxxaturi nazzjonali u l-konsli onorarji;
  • nibnu, inrawmu u ninvolvu regolarment il-kuntatt mal-alumni tal-Università;
  • nippromwovu l-Università ta’ Malta bħala università stabbilita b’kampus f’sit storiku ta’ wirt dinji, u l-eqdem università mit-53 pajjiż tal-Commonwealth barra r-Renju Unit;
  • inrawmu kultura ta’ żvilupp professjonali kontinwu fost l-istaff, li tinvolvi żjarat f’universitajiet barranin;
  • inżidu n-numru ta’ riċerkaturi f’livell ta’ dottorat u n-numru ta’ akkademiċi residenti bi grad ta’ dottorat li jmexxu riċerkaturi oħra għad-dottorat;
  • inżidu n-numru ta’ profili tar-riċerkaturi fuq il-pjattaformi ewlenin kollha permezz ta’ studjużi u riċerkaturi dottorali u postdottorali ħalli niċċelebraw l-pubblikazzjonijiet tagħhom u ngħollu l-profil tal-Università;
  • inħeġġu studjużi ta’ fama biex jiżviluppaw il-paġna tagħhom stess fil-Wikipedia;
  • nifhmu b’mod kritiku u nidentifikaw għaliex l-istudenti internazzjonali jagħżlu lil Malta; 
  • nippromwovu programmi speċifiċi li huma attraenti għall-istudenti internazzjonali, ngħidu aħna billi nipprovdu d-dettalji ta’ opportunitajiet tax-xogħol lill-istudenti internazzjonali meta jkunu qed jistudjaw u wara;
  • nimmiraw ħidmitna fuq il-‘pajjiżi sors’ b’kampanji speċifiċi ta’ reklamar li jistgħu jintlaħqu billi ngħammru l-fakultajiet, l-istituti, iċ-ċentri u l-iskejjel b’ħiliet fi programm speċifiku ta’ reklamar permezz tal-mezzi soċjali.
F’konformità mal-inizjattivi l-ġodda proposti, se nistinkaw biex:
  • nintroduċu persuni amministrattivi u akkademiċi ta’ kuntatt f’kull fakultà, istitut, ċentru u skola biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ internazzjonalizzazzjoni;
  • nagħmlu użu mill-istudenti internazzjonali eżistenti bħala aġenti jew ambaxxaturi tal-Università għall-promozzjoni tal-programmi universitarji f’pajjiżhom;
  • insegwu u nissorveljaw il-ħafna memorandi ta’ ftehim u l-ftehimiet iffirmati mill-Università ma’ istituzzjonijiet internazzjonali oħra;
  • noffru iżjed programmi dottorali konġunti ma’ universitajiet internazzjonali b’reputazzjoni tajba, li jistgħu jinvolvu tagħlim elettroniku u metodi mħallta ta’ tagħlim;
  • nippromwovu preżentazzjonijiet ta’ kandidati dottorali u ta’ riċerkaturi postdottorali mal-komunità usa’ tal-kampus u mas-soċjetà ċivili;
  • inħeġġu studenti internazzjonali ikbar fl-età biex jagħżlu li jistudjaw fl-Università; dan ifisser li rridu niżviluppaw servizzi li jaqdu aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

L-Istudenti Internazzjonali  

L-Università għandha l-għan li twessa’ t-tagħlim u r-riċerka postgradwatorji billi tattira studenti postgradwatorji intelliġenti u mimlija talenti. Dan jiddependi mill-ħila tal-Università li tappoġġja studenti bħal dawn matul iż-żmien tar-riċerka tagħhom f’Malta. Nilqgħu boroż ta’ studju u apprentistati ffinanzjati mill-industrija jew mill-gvern, u l-Università għandha l-potenzjal li toffri boroż ta’ studju f’oqsma strateġiċi ta’ interess. Biex intejbu l-prattiċi li diġà jeżistu, se naraw li:

  • nipprovdu għotjiet jew supplimenti lir-riċerkaturi dottorali internazzjonali;
  • noffru għotjiet jew boroż ta’ studju lill-istudenti internazzjonali li għaddejjin bl-istudju postgradwatorju tagħhom, b’mod full-time, l-aktar bir-riċerka;
  • inkunu disposti u nappoġġjaw l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-kapital uman f’dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Billi nimpenjaw ruħna għal inizjattivi ġodda, se nippruvaw:
  • nidentifikaw fondi dottorali u postdottorali, possibbilment mill-fondi tal-gvern;
  • noffru taħriġ fuq kif jitmexxew ir-riċerkaturi dottorali;
  • nassistu lill-Iskola għad-Dottorat biex tibda tieħu iżjed inizjattivi ħalli tappoġġja l-benesseri tal-istudenti kollha tagħha;
  • inħeġġu boroż ta’ studju u programmi ta’ assistenza fit-tagħlim u r-riċerka li jappoġġjaw l-istudenti internazzjonali;
  • nikkunsidraw il-possibbiltà li ninvestu f’Dar għall-Gradwati li takkomoda l-istudenti gradwati u l-familji tagħhom.

L-Involviment Internazzjonali  

Iċ-ċokon ta’ Malta jobbligana, bħala komunità tal-Università, biex nibqgħu f’kuntatt mad-dinja t’hemm barra. L-istaff akkademiku, amministrattiv, industrijali u tekniku jista’ u għandu jopera ma’ identitajiet lokali imma jistagħna bl-opportunitajiet billi jikkollabora ma’ studjużi jew amministraturi minn bnadi oħra li jaħsbuha bħalhom.

Il-programm Erasmus, u l-fergħat varji tiegħu, huwa kapulavur tal-integrazzjoni Ewropea u jistħoqqlu attenzjoni partikolari. L-Università tibbenefika mill-programm Erasmus li jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-istudenti li jmorru għal skambji ta’ programmi ta’ tagħlim matul is-semestri akkademiċi, u lil dawk li jkunu jixtiequ jqattgħu perjodu ta’ impjieg barra minn Malta bħala apprentisti matul il-vaganzi tas-sajf. Għandna l-għan li nżidu n-numru ta’ apprentistati b’kampanja indirizzata għall-istudenti u l-komunità akkademika usa’. Jekk insaħħu l-infrastruttura meħtieġa biex l-istudenti jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ min iħaddem l-apprentisti barra minn Malta, inkunu qed intejbu wkoll l-opportunitajiet tal-istudenti tagħna.

Fid-dawl tal-prattiċi eżistenti u bl-għan tagħna li ntejbu dan is-settur, se:

  • inħeġġu lill-akkademiċi biex jinvolvu ruħhom aktar f’kull aspett internazzjonali ta’ xogħolhom (konferenzi, proġetti, sessjonijiet ta’ taħriġ, reviżjonijiet minn kollegi akkademiċi, bordijiet editorjali, stediniet għal lekċers, u eżaminazzjoni jew superviżjoni ta’ studenti barranin) għaliex esperjenzi bħal dawn jistgħu jkunu ta’ gwadann għall-kwalità tal-ispazji tat-tagħlim u għat-tisħiħ tal-ħiliet tal-istudenti;
  • nippromwovu l-formazzjoni ta’ oqsma ġodda ta’ riċerka biex niżviluppaw razzjonali għal kollaborazzjonijiet internazzjonali ġodda u differenti;
  • ninsistu mal-istudenti biex imorru semestru barra minn Malta u, għalhekk, il-fakultajiet, l-istituti, iċ-ċentri u l-iskejjel għandhom ikunu aktar flessibbli biex iħaffu l-iskambju ta’ mobilità tal-Erasmus billi ma jobbligawx lill-istudenti jsegwu kurrikulu barra l-pajjiż li hu identiku għal dak lokali; 
  • nippromwovu u nżidu l-apprentistati tal-Erasmus biex noffru esperjenza internazzjonali ta’ xogħol lill-istudenti;
  • nikkunsidraw li noffru perjodi iqsar ta’ żmien barra minn Malta għal studenti li, għal diversi raġunijiet, jista’ ma jkollhomx ir-rieda li jmorru għal kwalunkwe esperjenza ta’ mobilità; 
  • intejbu l-gwida li noffru lill-akkademiċi fuq kif jipparteċipaw fi proġetti internazzjonali.
Fid-dawl tal-inizjattivi l-ġodda, l-Università tipproponi li:
  • nipprovdu sensittività kulturali speċifika u taħriġ ta’ kompetenza interkulturali lill-istaff permezz tal-Uffiċċju OPAD u l-Uffiċċju tal-Immaniġġjar tar-Riżorsi Umani u l-Iżvilupp;
  • inħeġġu lill-akkademiċi jqattgħu żmien barra minn Malta matul il-perjodu sabbatiku tagħhom;
  • nintegraw id-diversità fl-attivitajiet universitarji;
  • ninsistu mal-akkademiċi biex jespandu fuq livell internazzjonali permezz tal-fondi istituzzjonali għar-riċerka;
  • nistimulaw investiment finanzjarju li jappoġġja esperjenzi qosra, u aktar intensivi, barra minn Malta għall-istaff industrijali, tekniku u amministrattiv u għall-istudenti b’impjieg bi ħlas jew li huma attivi fis-settur volontarju lokali.


 

 

 


Il-Proċess ta’ Żvilupp Strateġiku għall-Università ta’ Malta huwa organizzat mit-tim iddedikat għall-Ippjanar Strateġiku u l-Intrapriża. Aħna kontinwament infittxu li nirċievu rispons sabiex intejbu u nevolvu l-proċess tal-ippjanar strateġiku tagħna, filwaqt li nidentifikaw opportunitajiet biex ngħinu lill-istudenti u lill-istaff ħalli jilħqu l-għanijiet tal-Università.  

https://www.um.edu.mt/about/pjanstrategiku/impenjistrategici6-vizjoniinternazzjonali