Il-KORS TAL-MALTI LI DEJJEM XTAQT NAGĦMEL - ONLINE!
Tikteb bil-Malti f'xogħlok?
Tieħu ħsieb xi rivista jew sit elettroniku bil-Malti?
Tixtieq ittejjeb il-kitba tiegħek bil-Malti?
Dan il-kors maqtugħ għalik! (MQF 5)
Fi Frar 2024 jiftaħ id-19-il kors li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti, organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti l-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Se jerġa' jsir online u, għalhekk, għalih jistgħu japplikaw mhux biss dawk li joqogħdu Malta u Għawdex imma anke oħrajn li jaħdmu bil-Malti u jgħixu barra minn Malta, bħat-tradutturi tal-UE.
Il-lezzjonijiet isiru online: it-Tnejn u l-Ħamis mill-5:30pm sat-8:30pm. L-eżamijiet, wara l-ewwel nofs tal-kors (Ġunju 2023) u wara t-tieni nofs tal-kors (Jannar 2024), isiru fil-klassi mhux online.
Il-kors huwa tal-Livell 5 fil-Qafas Malti tal-Kwalifiki Nazzjonali (MQF). Għal tagħrif dettaljat fuqu, tista' tara l-ktejjeb [PDF] tal-kors li għaddej bħalissa, b'mod partikolari paġni 6-7.
L-applikazzjonijiet miftuħin u jagħlqu fil-31 ta' Jannar 2024 fis-2pm.
Jekk għandek xi mistoqsija, iktbilna.
Kif tapplika:
L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-31 ta' Jannar 2024 fis-2pm mis-sit tal-Università. Jekk segwejt, jew qed issegwi, xi kors universitarju ieħor, illoggja mill-kaxxa tax-xellug bil-kredenzjali tal-Università, jiġifieri bil-username u l-password li diġà għandek. Jekk qatt ma attendejt kors l-Università, trid tirreġistra bħala student/a ġdid/a tal-Università ta' Malta billi tagħfas fuq il-buttuna l-ħamra 'New User' fil-kaxxa tal-lemin. Minn hemm 'il quddiem segwi l-istruzzjonijiet li tingħata mis-sit stess. Għal tagħrif amministrattiv ieħor fuq l-applikazzjoni, ara l-FAQs tal-Admissions.
Noti importanti għall-applikazzjoni:
Il-ħlas tal-kors ma jsirx f'daqqa imma f'żewġ pagamenti separati (€450 fi Frar 2024 u €450 f'Ottubru 2024). Il-kors hu eliġibbli għal sussidju fi kreditu tat-taxxa mill-iskema Get Qualified u mit-Training Pays Scheme. Iżjed 'l isfel tista' taqra dwarhom.
Ingħaqad mas-691 qarrej tal-provi kkwalifikati biċ-Ċertifikat u idħol għal dan il-kors universitarju fuq il-kitba bil-Malti. Min itemmu b'suċċess, minbarra li jikseb iċ-Ċertifikat Universitarju (Cert. PRM(Melit.)) jingħata wkoll ix-Xhieda ta' Għarfien (warrant), li tiġġedded kull ħames snin mill-Kunsill tal-Malti biex jagħmel xogħol ta' qari tal-provi bil-Malti. Hawnhekk issib il-lista [PDF] ta' dawk li għandhom ix-Xhieda ta' Għarfien fil-Qari tal-Provi aġġornata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Dan huwa kors professjonali li jħarrġek u jagħtik l-opportunità tiddiskuti u tifhem aħjar ir-regoli tal-ortografija tal-Malti. Mhux biss, matulu tipprattika ħafna u tieħu gost... bil-provi!
Għajnuna finanzjarja:
Get Qualified
L-istudenti impjegati jistgħu jirreġistraw fl-iskema tal-Get Qualified u biha jingħataw sa 70% lura mill-ħlas tal-kors fi kreditu tat-taxxa jekk itemmuh b'suċċess. Tagħrif ieħor dwar din l-iskema ssibu hawn. Aqra sewwa t-termini u l-kundizzjonijiet tagħha qabel ma tapplika.
L-istudenti (sa 64 sena) li mhumiex impjegati jistgħu jirreġistraw fl-iskema Training Pays Scheme u biha jingħataw sa 75% lura mill-ħlas tal-kors jekk itemmuh b'suċċess. Hawn tista' ssib tagħrif ieħor dwar din l-iskema. Aqra sewwa t-termini u l-kundizzjonijiet tagħha qabel ma tapplika.
Għall-impjegati tax-xandir (televiżjoni, radju u siti elettroniċi tal-aħbarijiet)
Għal sena oħra, l-Awtorità tax-Xandir qiegħda ġentilment tissussidja l-ħlas tal-kors għal tliet ġurnalisti, xandara, impjegati li jieħdu ħsieb il-grafika bil-Malti u produtturi privati tal-programmi. Kull min jaħdem f'dan il-qasam u jixtieq japplika għall-kors għandu jikteb minnufih lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri (joanna.spiteri@ba.org.mt), biex jirreġistra l-interess tiegħu.
L-għażla ta’ min jieħu s-sussidju ssir mill-Awtorità tax-Xandir u skont min juri l-interess tiegħu l-ewwel mal-Awtorità. Min jingħata dan is-sussidju jrid japplika wkoll għall-kors mis-sit tal-Università (mill-buttuna t'hawn fuq sal-31 ta' Jannar fis-2pm).